Share the love

endometriosis

L-ewwel snin ta’ żogħżiti ġabuli bidliet kbar f’ ħajti. Din il-bidla hija bidla mistennija minn kull żagħżugħa ta’ l-eta’ tagħna, bidla normali bi tranżizzjoni faċli. Kemm jien u kemm sħabi konna qed nistennew li jiġina l-‘period’ għall-ewwel darba.

Kif mistenni, ta’ tlettax il-sena ġieni l-‘period’ l-ewwel darba. Immaġinajt li dan ma kellux iġib bidliet kbar f’ ħajti. Kont nattendi l-iskola sekondarja, u bħal sħabi aċċettajt din ir-realta’ ġdida.

Madankollu, għalija bdiet tkun esperjenza iebsa, u kien ikolli ħafna dmija. Kont intella spiss, infalli l-iskola u kont inħossni ma niflaħx.

Ommi nkwetat u ħaditni għand it-tabib, li minn naħa tiegħu qalilha li dan kien kollu normali u li kelli nieqaf nagħmel kollox bi kbir.

Għaddew is-snin u kull xahar kont ngħaddi minn agunija sħiħa. Bdejt inħossni bla saħħa u sirt pallida. Ma stajtx ingawdi l-ħajja normali minħabba li kont spiċċajt bla saħħa. Ommi reġgħet ħaditni għand it-tabib u din id-darba dan tagħni pilloli tal-ħadid u ssuġġerieli niekol aktar laħam aħmar. U għamilt kif qalli.

Darba waħda wara ftit tas-snin waqt li kont l-iskola post-sekondarja ħassni ħażin u ħaduni l-isptar, fejn iddeċidew li jżommuni u jagħtuni transfużjoni tad-demm.

Kont qed nitlef ħafna demm inkluż ċapep, u ġismi kien spiċċa bla saħħa.

L-isptar ratni ġinekoloġista li ssuġġerietli nibda nieħu pilloli kontraċettivi biex intaffi l-‘periods’ qawwija li kont qed nesperjenza.

Ta’ dsatax il-sena żżewwiġt, u bħal ma spiss jagħmlu n-nisa meta jiżżewġu, waqaft nieħu l-‘pill’ biex nipprova ninqabad tqila ħalli nibdew nibnu familja flimkien. L-ewwel, it-tieni u t-tielet sena miż-żwieġ tagħna għaddew iżda kien għadu ma ġara xejn- kont għadni ma nqbadtx tqila – u ovjament minħabba li kont waqqaft il-‘pill’ kont erġajt qed nesperjenza ‘periods’ qawwija ħafna b’ uġigħ insapportabbli.

Għal darb’ oħra mort għand ġinekoloġista li qaltli li kelli bżonn ‘laparoscopy’ għax xi ħaga ma kinitx sew. Sfortunatament ir-riżultati li ħadt minnha kienu orribbli. Sirt naf li l-pelvis tiegħi kien kollu feriti, b’ fibroma ta’ 8 ċentimetri u ċesta ta’ 5 ċentimetri (endometrioma), kollha mwaħħlin flimkien, l-imsaren imwaħħla mal-ovarji, u l-bużżieqa tal-awrina mwaħħla mal-utru. Kollox kien ħażin! Staqsejt jekk stajtx forsi niġi operata biex jinferqu l-organi minn ma’ xulxin, iżda dan ġie rrifjutat. Neħħewli biss il-fibroma.

Ħajti kellha tkompli. Erġajt bdejt nieħu l-‘pill’. Laħqu għaddew erba’ snin oħra u sadattant kont irċevejt dijanjosi ta’ aktar fibromi li komplew jikkawżaw aktar uġigħ. Kull ħaġa li kont nagħmel kienet tikkawżali uġigħ kontinwu.

Minħabba s-sitwazzjoni konna eliġibbli għall-IVF. Ippruvajna erba’ darbiet iżda mingħajr suċċess. Tlabt bil-ħniena biex ineħħuli iktar fibromi, għal trattamenti ormonali, u ħafna aktar, iżda ħassejt li ħadd ma kien qed jagħti każ ta’ dak li kont qed inħoss u dak li kelli bżonn.

Iż-żwieġ tiegħi irriżulta bħala wieħed abbużiv. Żewġi ried it-tfal akkost ta’ kollox u għalhekk beda jagħtini t-tort kollu fuq bażi li ma kontx nieħu ħsieb tiegħi innifsi qabel ma żżewwiġt, u li kont naf bil-problemi li kelli f’ saħħti qabel ma żżewwiġtu. Kien isawwatni u jtini fuq żaqqi, kien jgħidli li jien ma kontx mara iżda biċċa ġebla u li l-utru tiegħi kien mejjet, li ma kont tajba għal xejn. Kien jitrattani ta’ żibel. Kont ngħaddi ħafna ħin nibki għax emmint li kien kollu tort tiegħi.

Sadanittant, id-dmija u l-uġigħ baqgħu problema. Irċevejt rapport li kien jgħid li kont qed insofri minn infertilita’ primarja. B’ hekk ħassejt li kont ġejt immarkata bħala infertili, u dan affettwani ħafna psikoloġikament, tant li tlift kull tama li xi darba kien se jirnexxili nsir omm. Għalija din il-ħolma kienet spiċċat darba għal dejjem. Filfatt, għadni sal-lum il-ġurnata nbati minħabba f’ hekk. Ma niflaħx inħares lejn nisa tqal mingħajr ma nħossni litteralment ma niflaħx. L-abbuż u l-uġigħ li kont esperjenzajt kienu kbar wisq.

Attendejt għal numru kbir t’ appuntament fl-isptar Mater Dei, nistenna l-ħin tiegħi għall-‘ultrasound’ filwaqt li nisa fl-istess kamra kienu jkunu jitkellmu dwar it-tqala u ismijiet tat-trabi. Kemm xtaqt li jien ukoll seta jkolli tarbija!

Din is-sena, 2020, għalaqt 34 sena. U kien propju f’ din is-sena li fl-aħħar ingħatajt id-dijanjosi ta’ endometrijożi fit-tielet stadju.

Wara das-snin kollha irnexxieli nsib ġinekoloġista li fehmet l-uġigħ tiegħi, u li aċċettat li naħdmu flimkien u nipprovaw insolvu l-problemi tiegħi.

Kont rajt tlett ġinekoloġisti qabel, imma ħadd minnhom ma kien qatt semma l-endometrijożi. Anke waqt l-IVF, ħadd minnhom qatt ma pprova biss jiċċekkja x’ kienet il-problema bażika li seta kelli.

Nixtieq nieħu din l-opportunita’ biex nappella lill-ommijiet li għandhom tfajliet, zijiet, aħwa bniet, kif ukoll intom it-tfajliet kollha li qed taqraw dan il-kliem: jekk jogħġobkom, jekk tfajla qed tesperjenza ‘periods’ qawwija u uġigħ insapportabbli, ismagħha u għinha biex tingħata dijanjosi. Tħallihiex tibqa tbati uġigħ mingħajr soluzzjoni. Is-snin kollha li ħlejt jien ikkawżawli ħsara irreparabbli fl-intern tiegħi u probabbilment għalija hu tard wisq biex is-sitwazzjoni tiegħi tinbidel. Ħa nibda nattendi t-terapija biex naċċetta dak li għandi, iżda xorta dan huwa diffiċli ħafna għalija. Aħna kollha kemm aħna umani. Tħallux professjonisti tas-saħħa jaffettwawkom b’ mod negattiv jew ma jagħtux każ dak li tgħidulhom. Ta’ 24 sena sa offrewli isterektomija, iżda ma kontx għadni qtajt qalbi, bqajt niġġieled għal dijanjosi propja. Staqsi għat-tieni, it-tielet u anke r-raba’ opinjoni fejn tħoss il-bżonn. Għalkemm għadni bla tfal fl-eta’ ta’ 34 sena, għadni nemmen li xi darba bl-għajnuna tal-ġinekoloġista tiegħi nista wkoll nesperjenza dak li dejjem xtaqt b’ qalbi kollha.

Jekk għandek xi esperjenza vera li tixtieq taqsam mal-qarrejja tagħna kemm jekk f’ ismek kif ukoll b’ mod anonimu, ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *