Kont ili miżżewġa iktar minn sena. Konna bdejna ngħixu flimkien minn aktar qabel. Konna ċerti li lesti għat-tfal, b’ hekk attendejna kull tip ta’ ‘check-up’, adattajna lilna nfusna għal ħajja ta’ kwalita’ aħjar, kif ukoll neħħejna drawwiet li ma kienux ideali. Wara dan kollu, iddeċidejna biex nippruvaw inġibu t-tfal fid-dinja.
Qabel dan kollu, ix-xogħol tiegħi kien sar stressanti ħafna, kont inħossni rrid nibki l-ħin kollu u b’ hekk ikkonsultajt ma’ psikjatra. Wara ftit xhur nattendi s-sessjonijiet u nieħu l-kalmanti, bdejt inħossni aħjar, u b’hekk waqqafthom. Minnufiħ sirt naf li kont tqila. F’dak il-mument ħassejt kull emozzjoni possibbli: ħassejtni ferħana, imħawda u xxukkjata fl-istess ħin, iżda kont naf li din kienet ix-xewqa tiegħi u ta’ żewġi. Peress li jiena persuna barranija ġo dan il-pajjiż, ma tantx sibt informazzjoni rigward fejn għandi mmur, fejn nista nsib tabib tajjeb, fejn nista nakkwista pariri siewja, fejn nista nixtri affarijiet bażiċi imma utli għall-mara tqila, kif ukoll lil min jista jwegibli l-mistoqsijiet li kelli fuq din is-sitwazzjoni li kont ninsab fiha. Fortunatament sibt grupp fuq Facebook imsejjaħ ‘Women for Women’, u minn hemmhekk sibt appoġġ enormi, gwida u anke l-kuntatti kollha li kelli bżonn.
Kollox kien sejjer trankwill, iżda meta kont wasalt f’ xi l-ħames ġimgħa tat-tqala, bdejt nesperjenza wġigħ qawwi taħt żaqqi.
Mort inżur il-ġinekoloġista tiegħi u ġejt preskritta d-Duphaston. Kien għadu kmieni wisq biex jirnexxilhom jaraw il-qalb tat-tarbija tiegħi tħabbat, imma assigurawni li t-tqala kienet tidher tajba u b’ saħħitha. Wara ftit ġranet nieħu l-pilloli, l-uġigħ qawwi telaq.
Meta wasalt f’ madwar is-sebgħa ġimgħa tat-tqala, bdejt nara ftit demm kannella, u l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet ta’ paniku.
B’ hekk mort fl-aktar sptar privat qrib li stajt insib. Dak il-ħin qaluli li kollox kien jidher li sejjer tajjeb u rnexxielhom jisimgħu u jaraw il-qalb tat-tarbija tiegħi tħabbat. Dak il-mument kien mument straordinarju: mument sabiħ li ġab serħan il-moħħ. It-tobba qaluli li l-ftit demm li kont rajt spiss jiġri f’mumenti differenti waqt it-tqala, u li huwa normali. Madankollu, qaluli wkoll li t-tarbija kienet tidher żgħira aktar milli ħsibt; qaluli li x’ aktarx ma kontx fis-sebgħa ġimgħa tat-tqala imma kelli inqas.
Wara din l-esperjenza kelli nistenna ġimgħatejn oħra għal ‘check-up’ ieħor.
Jien u r-raġel it-tnejn konna eċitati ħafna biex naraw lit-tarbija tagħna fuq l-iscreen, iżda minflok dan, il-ġinekoloġista spiċċat tagħtna aħbar xokkanti: ma rnexxilhiex tara l-qalb tħabbat.
Għalkemm kont naf li sintomi tat-tqala jvarjaw, donni ħassejt li kien hemm xi ħaga ħażina għall ftit żmien, għaliex ma kienx qed ikolli aptit ta’ ikel differenti bħal qabel, id-dardir kien naqas, u kien qed iħossni ġeneralment aħjar. Meta nħares lura jkolli nammetti li ppruvajt ninjora li seta’ kien hemm xi ħaga ħażina fit-tqala.
Dakinhar mort l-emerġenza fl-isptar Mater Dei, u hemmhekk ikkonfermawli li sfortunatament ma kienx għad hemm qalb tħabbat u li probabbli kont esperjenzajt ‘missed (silent) miscarriage’. Ġismi sempliċiment ma kienx jaf li t-tqala waqfet, u moħħi ma riedx jaċċetta dan il-fatt. Niftakar li ħriġt mill-kamra fejn għamilt l-‘ultrasound’ u ma stajtx nieqaf nibki. Meta kkalmajt ftit u kellimt lit-tabiba, hija fehmitni li kellna nistennew għaxart’ ijiem oħra biex inkunu ċerti li kont korrejt. Fehmitni l-proċess kollu, fejn kollox kellu jipproċedi b’ mod naturali. Pero f’ każ li dan ma jseħħx kont niġi bżonn ta’ mediċina: pillola li tiddaħħal fil-vaġina. Seta’ wkoll ikun hemm bżonn li jitbattal l-utru serġikalment.
Qabel ma kont mibgħuta d-dar avżawni li l-korriment seta’ jseħħ fi kwalunkwe ħin, u tawni fuljett b’ informazzjoni ġenerali fuq il-proċess tal-korrimenti tat-tqala, kif ukoll kontenitur li kelli nuża biex niġbor il-kumplament tat-tarbija ġo fih meta nkorri d-dar.
L-agħar ħaġa f’ dan kollu kienet l-istennija għal korriment, minħabba li ma kontx naf fi xħin, kif se jseħħ u x’ kont se nesperjenza meta jibda. Naħseb fittixt u qrajt kull ħaġa li stajt insib fuq l-internet, iżda dan ma kienx biżżejjed; l-informazzjoni ma’ setgħetx tippreparani sew għal dak li kellu jseħħ.
Kellimt lil sħabi barranin u rrealiżżajt li kważi kulħadd minn sħabi kien korra xi darba jew oħra! Din l-informazzjoni xxukjatni. Kif seta’ jkun hemm daqshekk nuqqas ta’ nformazzjoni meta dan il-fenomenu huwa daqshekk komuni fil-ħajja tal-mara?
Ħassejt bżonn kbir ta’ assigurazzjoni speċjalment minn esperjenzi ta’ nisa oħra biex inkun naf minn xiex kelli ngħaddi. Minn fuq l-internet sibt stejjer ta’ nisa Ingliżi, u nisa oħra minn pajiżi differenti fejn is-sistema tas-saħħa u t-tattiċi wżati kienu differenti minn dawk użati f’ Malta. Fil-fatt ftit li xejn sibt informazzjoni fuq il-korrimenti esperjenzati f’Malta.
F’ dawk l-għaxart’ ijiem li kienu l-itwal ġranet ta ħajti, esperjenzajt ħafna dardir, kelli temperatura ta 37-37.2C u wġigħ ħafif taħt żaqqi. Għalkemm dmija u wġigħ qawwi ma ħassejtx, l-anzjeta’ żdiedet drastikament maż-żmien. Kellimt lil Gynae Mater Dei u qaluli li biex jaċċettawni kellu jkolli d-deni (it-temperatura kellha tkun għola minn 37.5C) jew li nibda nara d-demm. Minħabba li jien m’ esperjenzajt l-ebda minn dawn iż-żewġ sintomi kelli nistenna l-ġurnata tal-appuntament li kienu tawni qabel.
Ġurnata qabel l-appuntament mort nagħmel ‘swab’ minħabba l-Covid-19 u l-ġurnata ta wara mort Mater Dei. Miegħi ħadt basket bħala preparazzjonif’ każ li jgħiduli li kellhom iżommuni hemm matul il-lejl.
Meta wasalt l-isptar, it-tobba għamluli ‘ultrasound’ u reġgħu ikkonfermaw li qed nesperjenza ‘missed miscarriage’, fejn ġismi bħal donnu ma riedx jaċċetta li kont korrejt.
Bagħtuni biex nagħmel it-testijiet tad-demm u wara għand il-ġinekoloġista biex tispjegali l-għażliet li kelli quddiemi. Qaluli li meta jdaħħlu l-pillola fil-vaġina, il-proċess tal-korriment kien jibda. Dak il-ħin ma rnexxilix insaqsi mistoqsijiet għax bdejt nibki avolja kont qed nipprova kemm nista biex inżomm kalma. Ħassejtni mdejjqa, imħawwda, innervjata u mbeżżgħa fl-istess ħin. Napprezza li t-tobba u l-infermiera ssapportjawni ħafna, u tabiba minnhom wegħditni li kienet se twieġeb il-mistoqsijiet kollha li kelli, għax indunat li dak il-ħin ma flaħtx nitkellem.
Wara dan issetiljajt lili nnifsi fil-kamra li tawni l-isptar, u rnexxieli niekol xi ftit ukoll. It-tabiba waslet biex tweġibli l-mistoqsijiet li kelli. Fehemitni li jekk wara sitt siegħat, il-proċess li kellu jibda bil-pillola fil-vaġina ma jibdiex, kienet tiddaħħal it-tieni pillola, u jekk b’ din ukoll ma jkunx hemm effett, tiddaħħal it-tielet u l-aħħar waħda. F’ każ li nesperjenza xi tip ta kumplikazzjoni jew il-pillola tkun ineffettiva, stajt ukoll niġi mibgħuta għal operazzjoni. Fl-aħħar fehemitni li avolja l-operazzjoni ma tkunx xi waħda kkumplikata, u tkun relattivament mgħaġġla, xorta kien hemm farka ta’ riskju.
Il-proċess beda wara li ddaħħlet l-ewwel pillola ġewwa fija. Għalkemm ma weġġajtx, ħassejtni skomda. Wara madwar għoxrin minuta, bdejt inħoss uġigħ taħt żaqqi jiżdied, u minħabba f’ hekk tlabt għall-‘painkillers’. La l-‘paracetamol’ u lanqas ‘codeine tablet’ m’ affetwawni.
L-ugigħ li ħassejt kien wieħed t’agunija: bħall l-agħar uġigħ li qatt ħassejt waqt il-mestrwazzjoni.
L-uġigħ tal-mestrwazzjoni tiegħi minn dejjem kien qawwi ħafna, imma maż-żmien kien beda jirnexxili nikkontrollahom bil-’hormone pills’ (Jasmin). Filfatt dan l-uġigħ kien eżatt bħall ma kien ikolli qabel. L-ewwel ġurnata kont inbagħti b’ imsarni u kien anke jaqbadni ħass ħażin bl-uġigħ. F’ dan il-każ esperjenzajt kollox f’daqqa, u b’ hekk tlabt lit-tabib għal xi ħaġa aktar qawwija, iżda sfortunatament meta għadda t-tabib jien kont qiegħda t-tojlit, u sakemm mort lura f’ posti, it-tabib kien laħaq telaq biex jassisti pazjent ieħor, u minn dak il-ħin sakemm reġa ġie jżurni ma tantx niftakar. Niftakar biss li qabadni ħass ħażin b-uġigħ u li l-ħin kollu bdejt nagħfas il-buttuna biex insejjaħ lin-nurses, li sfortunatament dejjem tawni l-istess tweġiba: it-tabib kien ġie, iżda kellu jitlaq biex jilqa’ pazjent ieħor, u li la jlesti kien jerġa jiġi.
Fl-aħħar wasal it-tabib, imma l-unika ħaġa li niftakar hija li għidtlu li kont muġugħa ħafna. In-ners tagħtni injezzjoni (ma nafx x’ kienet eżatt) u wara ftit ħin l-uġigħ beda jonqos u spiċċajt irqadt.
Malli qomt mort it-tojlit u tellajt. Fl-aħħar bdejt nara d-dmija.
Dan kien sinjal tajjeb għax kien ifisser li l-pilloli kienu bdew jaħdmu u li ma kienx se jkolli bżonn pillola oħra. Fit-tojlit għaddejt xi ħaġa li l-isptar isejħulha prodott tal-konċepiment. F’ dan il-mument ma’ bżajtx, probabbli minħabba l-fatt li kont l-isptar u mhux waħdi d-dar, u għalhekk ħassejtni aktar sigura. Ċempilt lin-ners, ners li kienet ta’ ħafna għajnuna bis-sensitivita’ tagħha, u hi ħadet il-‘prodott’ ġol-laboratorju. L-uġigħ reġa’ tfaċċa, u b’ hekk erġajt saqsejt għall-‘painkillers’. Huma tawni l-‘paracetamol’ kif ukoll għamluli suppożitorju ġor-rektum. B’ hekk l-uġigħ batta u jien stajt nistrieħ.
Dik il-lejla bqajt l-isptar u avolja ma kellix uġigħ, xorta batejt mis-‘side effects’, għaliex il-muskoli bdew jesperjenzaw spażmu u b’ hekk ma stajtx norqod. L-għada ma kellix uġiegħ lanqas. Iċċekkjawli l-pressjoni u t-temperatura u mbagħad bagħtuni biex nagħmel ‘ultrasound’ ħalli jikkonfermaw li ma kien baqa’ xejn aktar mit-tqala f’ ġismi.
Ingħatajt l-aħbar li stajt immur id-dar, u li id-dmija setgħu ikarkru għal madwar ġimgħa. Wara ħajti kellha tkompli normali. Qaluli wkoll li kelli bżonn nagħmel appuntament għal-‘check-up’ wara sitt ġimgħat.
Wara li wasalt id-dar, bdejt nieħu l-‘paracetamol’ u l-‘voltrex’, imma xorta kelli l-uġigħ taħt iż-żaqq kif ukoll dmija. Għaddejt ukoll aktar minn dak imsejjaħ ‘prodott tal-konċepiment’.
Wara ftit ġranet kont għadni qed nesperjenza wġigħ u dmija u għalhekk erġajt mort l-isptar. Filfatt l-isptar ingħatajt l-‘antibiotics’ għax kont żviluppajt infezzjoni.
Nemmen li kieku kelli aktar informazzjoni mill-bidu, kien jirnexxili jkolli aktar kontroll fuq is-sitwazzjoni. Għalhekk għażilt li naqsam din l-esperjenza magħkom biex intom ukoll ikollkom ħjiel ta’ dak li jiġri eżattament waqt korriment tat-tqala.