Share the love

Kont tifla ferriħija, kelli żewġ aħwa subien u ħames aħwa bniet, u nista’ ngħid li ħajjitna kienet waħda attiva ħafna. Konna nieħdu gost nilgħabu, nagħmlu l-‘crafts’, insajru, nagħmlu x-xogħol tad-dar u ngħinu lil xulxin. Konna nagħmlu kollox bħala tim wieħed u vera konna nieħdu gost. Għal ommna konna nsarrfu mhux ħazin… li tieħu ħsieb sebat’ itfal hija biċċa xogħol iebsa. Missierna kien jieħu ħsieb l-edukazzjoni tagħna, u kien dejjem hemm biex jgħinna fix-xogħol li jagħtuna l-għalliema għad-dar kif ukoll jara li nġibu marki tajbin. Kull l-aħħar jumejn tal-ġimgħa konna noħorġu għal xi piknik jew immorru naraw film; kienet xi ħaġa pjaċevoli li konna nistennew, konna familja kbira magħquda.

Meta għalaqt disa’ snin ħajti nqalbet ta’ taħt fuq. Bdejt niġi abbużata sesswalment minn ħabib tal-qalb ta’ familti. Kien qed ikun viċin tagħna b’mod frekwenti. F’daqqa waħda d-daħq ta’ ferħ tiegħi telaq – u l-biża’ u d-dwejjaq ħadu posthom b’mod permanenti f’ħajti.

l-innoċenza tiegħi kienet ġiet misruqa minni – il-mistħija u l-ħtija kienu ħadu dak l-ispazju. F’daqqa waħda kont waħdi, beżgħana, nħossni maħmuġa u mħawwda. It-trawma kienet wisq kbira għalija, imma kont sfurzata nżomm kollox sigriet, u allura hekk għamilt.

Ma bqajtx nieħu gost ma’ ħuti, bdejt nippreferi noqgħod waħdi. Ħajti saret qisha imċajpra u bdejt nibża’ li jiskopru s-sigriet li kelli, u b’hekk għamilt dak kollu li stajt biex naġixxi b’ mod normali.

Ħassejt li ma kienx ħaqqni l-imħabba, kont ħażina wisq. Ħassejtni ħatja. Sirt nobgħod ir-riflessjoni tiegħi fil-mera.

L-iskola ma kontx qed immur tajjeb ukoll, il-ħsibijiet kienu jagħmlu ġurnata sħiħa jduru f’moħħi. Il-ħajja kompliet, u dan ġarrejtu kollu miegħi s’issa.

Wara ħafna snin u sessjonijiet tat-terapija rnexxieli naħfer lili nnifsi, naċċetta l-fatt li l-ħtija mhux tiegħi u li jien ħaqqni l-imħabba. Fl-aħħar sibt il-paċi u poġġejt kollox warajja. It-terapija għenitni nirrealizza li ma kellix tort.

L-abbuż ma seħħx f’ġurnata waħda. Dak li beda jabbuża minni kien ilu jippreparani għal madwar sentejn. Probabbilment għażel lili għax kont l-iżgħar tifla fil-familja.

Dejjem kien iġibli xi ħaġa speċjali waqt li lill-oħrajn kien jagħtihom biss il-biskuttini. Kien jagħfasni miegħu waqt li jgħannaqni u kien jgħidli li jien speċjali. Kien ipoġġini fuq saqajħ u jaqrali l-istejjer. Dejjem kien jgħidli li jien prinċipessa speċjali. Kien jeħodni dawriet bil-karozza. Kien joffrili biex jixtrili l-pupi u dak kollu li xtaqt. Meta kont ma niflaħx, kien joqgħod ħdejn is-sodda tiegħi u jferraħni.

Iva, familti kienet dejjem madwarna u kulħadd aċċetta dan kollu għax ma kien xejn straordinarju, fuq kollox, jien kont l-iżgħar waħda. Hija ħaġa normali li ż-żgħira tkunxi ftit ‘spoiled’. Kont inħobbu u avdajtu, għalija kien familja. Kienet togħġobni l-attenzjoni żejda li kien jagħtini u ovjament kienu jogħġobuni r-rigali li kien jagħtini. Meta ġara kollox ħassejtni mħawwda u mbarazzata. Ma stajtx nitkellem għax ħadd ma kien jasal jemminni. Barra minn hekk hu kien raġel kabbari u jien kont biss tifla żgħira – kont nibża’ minnu u għalhekk żammejt kollox mistur ġo fija. Ma nistax inpoġġi t-tort fuq il-ġenituri, għax il-parti tiegħu lagħbha sew. Il-preparazzjoni li kien qed jagħmel għamilha biex ħadd ma jissuspetta xejn.

Jien qsamt l-istorjatiegħi hawn sabiex noħloq għarfien dwar is-suġġett. Waħda minn kull ħames tfajliet u wieħed minn kull għaxar subien jiġu abbużati sesswalment f’ħajjithom. Qed ngħidilkom dan mhux biex inbeżżagħkom, imma biex infehemkom għala huwa mportanti li tagħraf is-sinjali ta’ twissija. Abbuż sesswali jiġri ħafna drabi għax l-adulti ma jkunux jafu għal xiex għandhom joqgħodu attenti u ma jkunux iridu jemmnu dak li jkun qed jintqal. Ġeneralment iseħħ minn xi membru tal-familja jew xi ħadd qrib tal-ġenituri.

Oqgħod attenta għal dan it-tibdil fit-tfal tiegħek:

  • Tibdil fl-iġene, eżempju ma jkunux iridu jieħdu banju (fi tfal żgħar).
  • Tfal kbar jistgħu jinħaslu aktar spiss (biex ineħħu dak li huma jaraw bħala mistħija u mbarazzar).
  • Oqgħod attenta għal dawk l-adulti li jidhru nteressati f’li jkollhom aċċess għal mat-tfal waħedhom.
  • F’daqqa waħda jibdew jirċievu rigali jew flus minn xi adult.
  • Tibdil akkademiku (marki ħżiena, jibdew ifallu l-iskola).
  • Jekk ikollhom aktar għarfien fuq is-sess milli jkollhom tfal ta’ daqshom.
  • Tibdil fil-personalita’ tagħhom f’daqqa, inkluż in-nervi, biża’ u depressjoni.
  • Disturbi fl-aptit, bħal ‘bulimia’, ‘anorexia’ jew aptit żejjed.
  • Problemi tal-irqad.
  • Isma’ sew lit-tfal jekk jgħidu li ma jridux imorru x’imkien ma xi ħadd aktar.

Ċerti adulti li għaddew minn dawn l-esperjenzi meta kienu żgħar ibagħtu minn effetti twal, jesperjenzaw stima personali baxxa, impulsività, jkollhom problemi biex javdaw lill ħaddieħor, nervi, emozzjonijiet negattivi, diffikulta’ biex jaffaċċjaw l-istress, l-ansjeta’ u dipressjoni. Jekk inti vittma fittex l-għajnuna, it-terapija tgħinek tfejjaq u tieħu ġismek lura. Qatt m’hu tard wisq biex tfittex l-għajnuna.

Jekk inti għandek xi storja wkoll u tixtieq taqsamha mal-qarrejja tagħna jew tixtieq tikkuntattja l-Antoinette, ibagħtilna email fuq [email protected]


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *