Kollha kemm aħna għaddejna minn perjodu f’ħajjitna fejn nibdew insaqsu mistoqsijiet fuq dak kollu li qed jigrilna. Jiena għandi ħdax-il sena, u nista ngħid li qed nibża kull darba li tuġagħni żaqqi.
Il-Logħba ta’ l-Istennija
Aħna l-bniet nesperjenzaw il-‘period’ kull xahar, imma meta tkun għadek qed tistenna li jiġik l-ewwel darba, tibda issibha bi tqila biex timmaġina x’għandek tistenna meta jiġi, anke jekk in-nies ta madwarek jgħidulek kif tħossok f’dak il-perjodu tax-xahar. Jien għandi sħabi daqsi li diġa ġihom, iżda l-unika mod li persuni bħali, li għadhom qed jistennew, jistgħu jippreparaw għal din il-bidla hija biss bl-immaġinazzjoni.
Diġa nafu li jdum farka inqas minn ġimgħa, jiġi darba f’xahar u li f’dak iż-żmien tesperjenza l-uġiegħ. Minħabba dan l-uġiegħ, ma tkunx tista’ tipparteċipa f’eżerċizzju fiżiku u affarijiet oħra simili. Aħna tgħallimna kif nużaw ‘pad’, u anke x’nagħmlu jekk jiġina xi darba bħala sorpriża. Tgħallimna wkoll li rridu nippreparaw lilna nfusna xahar wara xahar billi nimmarkaw meta jiġina għaliex ġeneralment jiġi fl-istess żmien.
Minbarra nidhru ppreparati u li nħossuna tajbin. Imma ir-realta’ hi li għandna ħafna biża’ rigward dak li se nesperjenzaw, u naħseb li bniet ta daqsi jħossuhom l-istess.
Nibżaw li jiġina waqt li nkunu l-iskola u li ma nkunux ippreparati. Iva, l-iskola nieħdu basket ċkejken mimli bl-affarijiet kollha neċessarji għall dak li jista’ jinqala. Imma il-fatt li ma tkunx taf eżatt meta, jbeżża’ l-kulħadd. Tgħallimna x’għandna nagħmlu f’dak il-każ. Imma dejjem tħossok aktar sigura jekk tkun komda d-dar meta jiġik, milli tuġgħak żaqqek meta tkun l-iskola, tiskuża ruħek u ssib xi sorpriża fit-tojlit tistennik.
Burdati Mhux Kontrollabbli
Aħna t-tfajliet ta’ l-eta’ tiegħi għandna problema oħra: nesperjenzaw burdati li ma nistgħux nikkontrollaw. Hija xi ħaġa verament antipatka li jkollok ġurnata sabiħa, meta f’daqqa waħda jabdek l-aptit li twerżaq anke jekk ma jkollokx raġuni valida. Imbagħad meta tkun qisek bin-nervi (u ġeneralment dak ikun il-każ) u xi ħadd jiġi jistaqsik “X’ġaralek?” u t-tweġiba li tagħti tkun li ma ġara xejn. Ħadd ma jemminna avolja kulħadd jgħaddi minnha.
Hemm ukoll dawk id-drabi meta tkun tidher li tħossok tajba u xi ħadd jolqtok bi żball u dik id-daqqa żgħira tkissirlek il-ġurnata. Dak il-ħin tkun trid titlaq lura lejn id-dar u tmur tibki ġo kamartek għal dejjem (qed nitkellem mill-esperjenza hawnhekk).
Sfortunatament, din tiġri ħafna fl-eta’ tagħna. L-iċken ħaġa negattiva tista’ tkissirlek ġimgħa sħiħa.
Imbagħad, kuljum qabel l-‘assembly’ tal-iskola tibda tibki, jew jaqbuk nervi kbar, jew toqgħod waħdek, sakemm jiġi xi ħadd u l-ewwel reazzjoni tiegħek hija li tgħid li ħadd ma ta kas li kont waħdek. Sinċerament kultant naħseb li forsi jien biss nesperjenza dawn l-avvenimenti…
F’dan il-perjodu tal-ħajja ma nafux x’se jiġri fis-sekondi li ġejjin. U dik mhux problema. Kull tifla tesperjenza din il-ħaġa xi darba f’ħajjitha.
Inħossuna skomdi nitkellmu fuq dak li qed ngħaddu minnu. Il-kbar iridu jifmhu li aħna għaddejjin min żmien xejn pjaċevoli.
Xi kultant, wara xi ġurnata skola, nidħlu d-dar qisna kellna l-isbaħ ġurnata ta’ ħajjitna, meta fir-realta’ kienet waħda mill-agħar. Imma bħal ma diġa’ għidt qabel, kulħadd jgħaddi minn dan il-perjodu tal-ħajja.
Nispera li n-nies ta madwarna jifmhu li f’din l-eta’ aħna nesperjenzaw emozzjonijiet differenti f’mumenti varjati. Iridu jifmhu li xi kultant ikollna ġranet ħżiena u li d-dinja qisha tkun daret kontrina kompletament. Milli nista’ nifhem, dan huwa l-effett tal-ormoni tagħna. Nittama li wara li jiġina l-‘period’, ma nibqgħux inħossuna daqshekk irritati u li nibdew ingawdu aktar il-mument li nkunu qegħdin fih mingħajr ma tabqadna l-anzjeta’ u nċertezza.
Mariposa’s Blog jippreżenta esperjenzi reali kif ukoll emozzjonijiet ta’ omm u uliedha bniet. Flimkien jaqsmu esperjenzi relatati mal-ħajja, bħal emozzjonijiet, fertilita’, vjolenza domestika, problemi relatati mal-ħajja studenteska, nisa, ‘teens’, saħħa u edukazzjoni relatata ma’ l-ulied ta’ eta’ żgħira, u ħafna aktar.