Share the love

GBS

“Ħassejtni fis-seba’ sema hekk kif kont qed nitpaxxa nħares lejn it-tarbija tiegħi…ma kellix idea li fi ftit tal-ħin kont se nirċievi aħbar daqstant xokkanti! Il-GBS qalbitilna ħajjitna ta’ taħt fuq…”

Bħala omm għaddejt minn trawma. Din hija l-istorja tiegħi. 

Fit-3 ta’ Diċembru 2019 eżatt fl-4:05 ta’ filgħodu, żewġi u jien ilqajna lil bintna għall-ewwel darba – tarbija tassew sbejħa. It-tnejn li aħna konna ferħanin se ntiru! Imma fl-istess ħin konna qisna għadna f’ħolma, għax it-tifla ċkejkna tagħna kienet waslet 4 ġimgħat qabel id-data mistennija.  Ir-rigal tal-Milied kien ingħatalna kmieni dik is-sena – iżda xejn ma konna nafu dak li kien hemm lest għall-familja tagħna!

Filwaqt li t-tarbija tagħna kienet qed tistrieħ matul il-jum li fih kienet għamlet pass kbir f’ħajjitha, jiena kont mitlufa naħseb dwar kemm kienet ċkejkna u ma stajtx nieqaf inħares lejha.  Kienet perfetta f’kull mod.  Aktar tard waqt li kont qed inreddagħha bl-għajnuna tal-qabla, dehret bħallikieku kienet xi ftit “għażżiena” u għalhekk kellna l-ħin kollu nqanqluha halli tkompli tixrob. Il-qwiebel qaluli li r-raġuni għal dan kien minħabba l-pethidine li kont ħadt waqt il-ħlas – iżda fil-fond ta’ qalbi ħassejt li kien hemm xi ħaġa mhux tas-soltu.  Fid-9 ta’ filgħodu ġiet qabla sabiex tgħinni nipprova nreddagħha għal darb’oħra, imma din id-darba ma setgħetx taqbad.

Il-qwiebel issuġġerewli nagħtiha ħalib mill-flixkun, imma lanqas hekk ma xorbot. Ħassejt li sa mill-bidu nett kont qed inkun omm orribbli – donnu ma kelli l-ebda ħjiel kif inredda’ t-tarbija tat-twelid tiegħi u lanqas kelli ħjiel kif nagħtiha ħalib bil-flixkun –  bidu perfett!  Mort lejn ir-reception infittex l-għajnuna biex nagħtiha l-flixkun u waħda mill-qwiebel offriet li tisqi l-binti hi.  Iżda wara ftit sekondi l-istess qabla qalet li t-tarbija “mhix terda” u li għalhekk kien jeħtiġilhom jissorveljawha fin-nursery Ikkonvinċewni li kienet se tkun f’idejn tajba.  Kont għajjiena mejta u għalhekk issuġġerewli nistrieħ għal ftit tal-ħin.  Mort fil-kamra tiegħi iżda moħħi baqa’ jhewden minħabba li kienu ħaduli t-tarbija l-bogħod minni.

Fl-aħħar irnexxieli norqod u f’xi s-2am ġie tabib jinformani li t-tarbija tiegħi kienet ġiet trasferita fit-taqsima tal-kura ntensiva għax kellha diffikulta’ biex tieħu n-nifs.  Fil-5am mort naraha u rajtha ġo inkubatur bi 3 wajers imwaħħla ma sidirha.  F’dak il-mument anqas biss irrealizzajt x’qed jiġri.

Fl-4 ta’ Diċembru 2019 fil-11:00am kont qed niekol l-ikla ta’ nofsinhar waħdi għax żewġi kien mar id-dar, meta f’daqqa waħda daħlu fil-kamra tiegħi infermiera u tabib u tawni l-aħbar xokkanti li qalbet id-dinja tiegħi ta’ taħt fuq. Qaluli li binti kellha infezzjoni fid-demm li affettwatilha moħħha.  Sift ftit tal-kuraġġ fija nnifsi u staqsejthom: “se tibqa’ ħajja?” u t-tabib qal: “mhux it-trabi kollha jibqgħu ħajjin” – dak kollox.  Waqajt mal-art. It-tabib qal li kellha meninġite – kelma li minn dejjem beżżgħetni.  Ħassejt riġlejja u l-muskoli ta’ ġismi jitilfu s-saħħa filwaqt li rasi bdiet iddur bija.  It-tarbija tiegħi ftit siegħat ilu kienet fija, x’kien ġara?  Kelli b’xi mod inrabbi ftit kuraġġ u ngħid lil żewġi u l-familja li bintna kienet qed tmut.

Żewġi tar dritt lejn l-isptar u morna nitkellmu mal-konsulent. Dan qalilna li bintna kienet fi stadju bikri ta’ streptococcus Grupp B (GBS), septicaemia u meningite (1/4 in-nisa huma trasportaturi tal-GBS). Staqsieni jekk kontx qed inħossni ma niflaħx b’xi mod jew jekk kontx swobbjata għal din l-eventwalita’ – imma ma kontx. Possibbli li kien it-tort tiegħi? It-tarbija tiegħi kienet marida minħabba fija?

Morna naraw lit-tifla tagħna u dak li rajna xxokkjana għax kienet intubata b’numru kbir ta’ wajers u tubi mwaħħlin ma kull parti minn ġisimha.  Ma stajtx nieqaf nibki, binti kienet qed tmut minħabba fija! – dan kien eżatt kif kont qed inħossni dak il-ħin, assumejt it-tort tal-marda li kellha.

Hekk kif bdew għaddejjin il-jiem bintna baqgħet stabbli u bil-mod bdiet turi progress.  Sarilha MRI wara ftit jiem b’riżultat li xxukkjana.  Ġejna nfurmati li potenzjalment kien se jkollha effetti kollaterali severi fit-tul minħabba l-ħsara ikkawżata fil-moħħ mill-infezzjoni u li bintna kienet se teħtieġ terapija bħal physio, terapija okkupazzjonali u terapija biex titkellem – għall-inqas din id-darba ma kontx waħdi hekk kif kont qed nirċievi din l-aħbar ħażina.

Sa fl-aħħar fis-16 ta’ Jannar 2020 ħriġna mill-isptar u tajna bidu għall-ħajja familjari ġewwa darna.  Aħna nqisu dan il-jum bħala t-tieni jum it-twelid ta’ bintna. Minn dak inhar il-ħajja qatt ma kienet faċli, bil-ġiri ‘l hemm u ‘l hawn minn terapija għall-oħra filwaqt li titħabat għat-tragwardi u tipprova tifraħ bil-“maternità”.  Għaddejt sena sħiħa ninkwieta ‘l ħin kollu fuqha u fuq il-futur tagħha, dak li seta’ kien, u dak li se jiġri.  Ir-realta’ hi li m’għandix kontroll fuq dak li se jseħħ.  Imma jiena ċerta li l-missjoni tiegħi hi li ngħarraf lil ommijiet fit-tqala dwar il-GBS biex ifittxu li jiġu ttestjati għax ma rrid lil ħadd jgħadd mill-istess trawma li għaddejna minnha.  Il-GBS huwa batterju letali li jista’ joqtol tarbija tat-twelid.  Iva, il-maġġoranza tat-trabi ma jkunux effettwati, imma perċentwal żgħir ħafna jkunu effettwati u dawk li jkunu hekk jistgħu imutu jew ikollhom ħajja diffiċli ħafna quddiemhom, għalhekk għaliex tirriskja?  Madwar il-35-37 ġimgħa tat-tqala, l-ommijiet għandhom jagħmlu t-test u jekk jiġi lura riżultat pożittiv, jiġu mogħtija antibijotiċi lill-omm waqt il-ħlas.  Billi tieħu antibijotiċi fil-vina waqt il-ħlas tista’ ssalva l-ħajja tat-tarbija tiegħek.

Sfortunatament, jien ma kontx swobbjata fil-ħin u b’dieqa ħadt l-aħbar ħażina meta kont waħdi u vulnerabbli – dak li ġara u l-esperjenzi qatt ma jistgħu jimbidlu, imma dak li nbidel kienet il-perspettiva tiegħi lejn il-ħajja – nifirħu bil-ħwejjeġ ċkejknin fil-ħajja u niċċelebraw kull rebħa, żgħira kemm tkun żgħira.

Għandek xi esperjenza li tixtieq taqsam magħna tal-Wham? Ikkuntattjana jew ibgħatilna email [email protected]


Share the love