Share the love

għażiża ommi

Għażiża Ommi,

Għalkemm ilek ħafna li ħallejtni għadni qed nesperjenza diversi emozzjonijiet sal-lum il-ġurnata. Qed inħoss il-bżonn li nneħħi dan it-toqol kollu li għandi ġewwa fija anke jekk inti ma tistax taqra’ dan li nixtieq ngħidlek.

Għaliex ma kontx iżżiegħel bija meta kont nibki? Għaliex dejjem imbuttajtni minnek? Qatt ma niftakrek tgħannaqni jew tbusni, anke bħala tifla ċkejkna. Kelli bżonnok ma, imma qatt ma tajt kas il-bżonnijiet emozzjonali tiegħi. Kont tirrakkontali stejjer sbieħ dwar Ġesu’, iżda kont ukoll issemmili x-xitan ta’ spiss. Kont nitwerwer kull meta kont nagħmel xi ħaġa ħażina ta’ tfal li kont għax kont naf li kont se npatti għaliha b’ xebgħa…u dak ma kienx biżżejjed għax imbagħad lanqas kont inkun nista’ norqod għax kont nibża’ li x-xitan kien se jiġi għalija wkoll. Lanqas irrid niftakar f’kemm il-darba għedtli li ma kontx tifla tajba.

Madankollu xorta kont inħobbok u ridtek tħobbni lura. Kelli madwar sebgħa snin meta għedtli li qatt ma ridtni lili għax xtaqt li kellek tifel floki. Kemm weġġajt dakinhar! Kemm bkejt bil-qalb! Ħassejt rabja kbira lejn Alla għax kien missu għamilni tifel flok tifla. Minn dakinhar il-quddiem bdejt nobgħod lill-ġismi – għalija ġismi kien ir-raġuni għala inti ma kontx tħobbni. Bqajt nipprova nagħmel dak kollu li nista’ biex inġagħlek tħobbni, iżda qatt ma nbidel xejn.

Tiftakar meta darba waħda ġejt nibki għandek għax xi ħadd kien missli l-parti privata tiegħi? Kont għajjartni giddieba dakinhar u għedtli biex qatt ma nerġa’ ngħid kliem bħal dak. Tlabtek bil-ħniena biex ma tħallinix waħdi miegħu imma injorajtni. Mhux biss, iżda għedtli wkoll li kieku dak li għedtlek kien minnu, xorta kien it-tort tiegħi u li kien ħaqqni. Dakinhar emmintek u obdejtek. Waħħalt fija nnifsi u qatt m’erġajt tkellimt dwar dak li kien ġara…iżda l-mibegħda tiegħi lejja nnifsi kompliet tikber aktar.

Imbagħad meta ġejt stuprata m’għedt xejn, iżda inti xorta sirt taf għax qallek xi ħadd. Kont għadni żgħira u nnoċenti, u lanqas kont naf eżatt x’kien ġrali. Ma kont naf xejn dwar is-sess, u l-fatt li l-‘period’ ma ġinix għal xagħrejn konsekuttivi ma fisser xejn għalija. Iżda donnu inti kont taf għax niftakrek ittini żewġ pilloli, u meta kont muġugħa ċempilt lit-tabib. Għaliex għaddejtni minn dik it-trawma ma? Kien wara sentejn li sirt naf l-iskola li dawk li kont tajtni kienu pilloli li jikkawżaw l-abort. Kif stajt tkun daqshekk kattiva ma bintek stess ma?

U kif qed insemmu das-suġġett għandi bżonn ngħidlek sigriet ieħor għażiża ommi. Ta’ ħmistax-il sena kont diġa attiva sesswalment. Wara kollox ma kien fadalli xejn x’nitlef aktar, ġismi ma kien jiswa xejn, u jien ma kont xejn ħlief żibel. Inqbadt tqila ta’ sittax-il sena. Ma stajtx ngħidlek għax bżajt. Kont naf li kieku kont se tħassarni bix-xebgħa li kont ittini – għalhekk ħadt il-pilloli abortivi jien stess. Jien u l-‘boyfriend’ biss konna nafu dwar dan kollu.

Ta’ sbatax-il sena bdew jiġuni dubji serji dwar il-‘boyfriend’ tiegħi. Ftaħt qalbi miegħek imma inti għedtli li ma kelli l-ebda għażla u li kelli nibqa’ miegħu. Kont nobgħodok ma, imma fl-istess ħin xorta kont inħobbok. Dejjem ipprovajt nogħġbok ħalli sħabek tal-knisja ma jħarsux lejk bl-ikrah, għax ta min jgħid li għal dawk kollha li kienu jafuk inti kont qaddisa miexja fl-art. Kulħadd kien iħobbok u int kont ferħana u kburija bik innifsek.

Il-ħajja miżżewġa tiegħi ma kienet xejn ħlief infern sa mill-ewwel ġurnata. Imma kelli nibqa’. Ma kellix triq oħra. Ma kellix flus u ma stajtx nitlaq u nispiċċa ngħix barra fit-triq b’uliedi. Tlabtek iżżommni miegħek imma int ma ridtx. Fl-aħħar sibt mod biex nitilqu, imma ovjament int ma ħadtx gost. Għajjartni kemm flaħt u għedtli li jien kont biss diżunur għall-familja. Tlabtek ftit flus biex inkun nista’ nitma’ l-uliedi li kienu bil-ġuħ, imqar sakemm jirnexxili nqum fuq saqajja, imma int ma ridtx tgħinni.

Weġġajtni wisq ma, nista’ ngħid li kissirtni. Imma qatt ma rnexxieli nobgħodok. U meta xjaħt u spiċċajt marida xorta żammejtek miegħi. Ħadt ħsiebek u qabel mitt tlabtni naħfirlek. Għedtlek li ħfirtlek imma fir-realta’ ma stajtx. Għamilt snin twal nhewden dwar x’kien li ġiegħlek tittrattani b’dak il-mod.

Imma issa nista’ ngħid li ħfirtlek ma. Ħfirtlek ta’ dak kollu li għaddejtni minnu. M’għadnix inħoss il-bżonn li nkun naf għala għamiltli hekk. Ċaw għażiża ommi.

Għamilt żmien twil nattendi sessjonijiet tat-terapija biex inkun kapaċi naċċetta dak li kont għaddejt minnu u biex irnexxieli nerġa nibni ħajti mill-ġdid. Nixtieq li l-affarijiet kienu differenti iżda sfortunatament m’għandniex l-abbilta’ li nagħżlu l-ġenituri tagħna. L-importanti hu li qatt ma qtajt qalbi imma ġġilidt kontra l-kurrent sakemm fl-aħħar irnexxieli nkisser il-ktajjen li kienu xekkluni għal dawk is-snin kollha. Illum il-ġurnata ninsab kuntenta u għandi l-paċi f’qalbi. Fil-ħajja dejjem nistgħu insibu dak ix-xaq ta’ dawl jekk nibqgħu infittxu sew. Is-saħħa li għandna ġewwa fina tgħinna negħlbu dak kollu li jxekkilna tul il-ħajja.


Jekk għandek xi esperjenza jew storja li tixtieq taqsam magħna, ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *