Għaddew erbat’ ijiem minn mindu tlaqt minn relazzjoni tossika, vjolenti u abbużiva ma narċiżist. Ħsibt li ser inqatta’ ħajti kollha miegħu u għadni nitħabat.
Għandi għoqda kbira fl-istonku għaliex filwaqt li ħajti sfat misruqa, hu baqa’ jgħix ħajtu qisu qatt ma kien xejn, bħal li kieku hu kien il vittma u l-martri fir-relazzjoni.
Żamm l-istess ħbieb li kellu, dawk l-istess ħbieb li kienu jaħbulu u jfaħħruh għal dak li kien jagħmel. Kulma nixtieq hu li naqbad inwerżaq kemm niflaħ, “dak isawwat lil mara u jaqlibhielha! Għalfejn għadkom miegħu? Għalfejn għadkom tagħtu l-appoġġ lilu u mhux lili? Għalfejn qed iżżommu miegħu?”, imma ma nistax għax taf iddur kontrija fil-qorti. Għalhekk ser naqsam l-esperjenza tiegħi hawn b’ mod anonimu.
Ħa nibda bill ngħid xi ħaġa dwari. Ikolli nammetti li qed inħossni stamba għax l-inqas ħaġa li rrid hi li xi ħadd jitħassarni. Jien mara b’ edukazzjoni ta’ livell terzjarju u għandi fuq għoxrin sena. Għandi karattru sod ħafna u etika professjonali. Naf kif irrid ngħix ħajti bil-valuri li ngħożż.
Jien nitkellem ħafna fejn jidħlu d-drittijiet tan-nisa, u wara li kont diġa f’ relazzjoni oħra ma narċiżist ieħor qabel dan, tgħallimt nagħraf is-sinjali sew. Għandi self-esteem baxx, x’ aktarx minħabba t-trobbija ftit jew wisq iebsa li kelli, fejn dejjem kont mixtieqa mill-approvazzjoni ta’ missieri.
L-ex għandu fuq it-tletin sena, b’ livell ta’ edukazzjoni terzjarja bħali. Mhux se nsemmi fejn naħdmu għax milli nista’ nifhem għaddej ħafna għidud fuqna. Hu raħel attraenti, iżomm ruħu sew, ġeneruż, u bħal ma tistgħu timmaġinaw wegħdni dak kollu li xtaqt: familja, stabbilta’ u futur mimli mħabba, stil ta’ ħajja mimli sorpriżi u esperjenzi sbieħ. Dan sakemm kollox irriżulta li kien gidba.
Is-sinjali kollha kienu hemm, iżda jien donni ma ridtx narahom.
L-ewwel beda billi jidħolli fl-‘accounts’ tiegħi u jara kollox. Kompla jżid billi ried ritratt ta’ kull raġel li naħdem miegħu, fejn imbagħad sfurzani biex noqgħod il-bogħod minn dawk kollha li skond hu kellhom dehra sabiħa. Ovjament dan kien diffiċli peress li konna naħdmu flimkien. Ried ikun jaf kull fejn kont inkun u ma’ min, bl-iskuża li peress li kont ilni żmien mhux f’relazzjoni kont insejt kif għandi naġixxi waqt relazzjoni, u għalhekk jien ċedejt. Kont nibgħatlu r-ritratti u provi ta’ fejn qiegħda u jekk kontx waħdi jew le. Jien offrejtlu biex nirranġaw id-dar tiegħu peress li din kellha tkun id-dar tagħna, offrejt ukoll li noħroġ parti mill-ispejjeż.
Darba minnhom ħriġt ma’ ħabiba tiegħi biex niddiskuti magħha rigward ir-relazzjoni li kelli miegħu, għax kont qed inħoss li se nitilfu. Konna għadna kif iġġilidna fuq ħaġa vera banali. U għalkemm ma niftakarx dettalji, niftakar żgur li kont qed narah jinbidel. Ma baqax jafdani u kien sar abbużiv verbalment. Bħala persuna li dejjem tasal tard f’ kull festin, dakinhar wasalt u sibtha bilqiegħda fuq mejda ma’ sħabha, li nzertaw kollha rġiel. Poġġejt u qattajt qisu siegħa ngħidilom favur l-għarus tiegħi u kemm hu raġel tajjeb. Bħala għarusa leali lejh bgħattlu messaġġ biex nistiednu peress li konna qed nieħdu pjaċir, biex hu wkoll jiġi jieħu pjaċir magħna.
Skont il-ħabiba tiegħi, wiċċi nbidel, kont nidher imwerwra, għax l-għarus sabiħ li għandi tilef rasu u akkużani li kont mort sal-bar biex norqod ma’ xi ħadd.
Għal ġieħna dak iż-żmien kien qed ikollna x’ naqsmu kuljum, u jien kont inħobbu ħafna u għalhekk ma kelli l-ebda ntenzjoni li nfittex lil ħaddieħor. Tlaqt niġri d-dar bit-tama li nitkellmu sew l-affarijiet, u sibtu qed jitfa’ l-ħwejjeġ tiegħi għal isfel, lest biex jitfagħni l-barra.
Kien dak il-mument li rrealizzajt li din ir-relazzjoni mhux se taħdem, imma ma ridtx naċċetta l-fatt li għal darb’ oħra kont erġajt waqajt f’ nassa ta’ raġel ieħor. Bżajt li nerġa’ nispiċċa waħdi, li nitlef dik id-dar kbira u sabiħa, bżajt li jkolli nerġa’ nibda mill-qiegħ infittex raġel. Għalhekk bkejtlu biex itini ċans ieħor u wegħdtu li ma kontx se nerġa’ niltaqa’ ma’ ħabibti. Hi ndunat li kien hemm xi ħaġa ħażina, għax hu kien bagħtilha SMS jgħajjarha u jakkużaha li kienet tagħmel iljieli sħaħ tiġri mal-irġiel u avżaha biex ma ddaħħalx lili fl-istorja tagħha. Hi kienet diġa f’relazzjoni bi vjolenza domestika qabel, u għalhekk avżatni x’ kien se jiġri, iżda jien ma ridtx nisma’ l-parir tagħha, u lanqas ridt nara s-sinjali kollha li kienu qed jindikawli li kien hemm xi ħaġa mhux sejra sew f’ din ir-relazzjoni, sinjali ċari daqs il-kristall.
Wara dakinhar jien ma bqajtx noħroġ iżda hu beda joħroġ aktar. Qatt ma kont xi waħda li nħobb il-festini, għalhekk tajtu l-liberta’ kollha li joħroġ u jgawdi kemm irid sakemm jibqa’ jkellimni. Sirt naf li kien qiegħed jara nisa oħra kull lejl li kien jagħmel barra. Ġiegħlni nemmnu li kien iddispjaċih imma ma qalli li ma kellux kontroll għax meta jkun xurban jinsa’ l-mobile u li ma kellix għalfejn ninkwieta għax meta jkun xurban ma jkunx jista’ jkollu x’ jaqsam ma’ mara oħra. Miegħi biss kien kapaċi. (U qatt temmnuhom meta jgħidu li ma jistgħux ikollhom erezzjoni meta jkunu xorbu, wisq aktar jekk ikunu ħadu xi stimulanti oħrajn).
L-unika ħaġa li kien fadalli tiegħi kien xogħol part-time barra minn Malta. Hawn tidħol l-etika professjonali soda li kelli. Ma kien hemm xejn xi jħajjarni rigward ix-xogħol jew il-kollegi li kelli. Nixtieq nagħti aktar informazzjoni imma għalissa aħjar le. Lanqas ma kollegi ma kont nista’ norqod fl-istess kamra biex nevita xi xenata. Qattajt is-sajf insiefer u nesplora postijiet differenti, naħdem ħinijiet twal, filwaqt li kont il-ħin kollu ninforma l-ex dwar x’ kien qed jiġri. Għal bidu qalli li ma jridnix insiefer. Hawnhekk seħħ l-ewwel inċident ta’ vjolenza, fejn gara siġġu fil-kċina u għawwġu, minflok garah lili. Jien ċedejt, ħassejt li t-tort kien tiegħi, qisni kont qed nitlob wisq mingħandu. Grazzi għall-Covid, it-titjiriet ġew imwaqqfa u b’hekk tħassar kull pjan li kelli biex immur naħdem ħalli jkolli l-flus għalih, u ma kellix għalfejn inġib skużi biex insiefer fuq xogħol.
L-argumenti kienu dejjem dwar l-istess suġġett.
Kont ngħidlu li qed inħoss li r-relazzjoni tagħna hija egoista, u kien jara kif jagħmel biex iġibli l-punti invalidi u jgħidli li jien qatt m’għamilt xejn tajjeb, u li hu kien qed jagħmel ix-xogħol kollu. Id-dar tiegħu kienet dar b’erbat ikmamar tas-sodda, bi tmienja u sittin tarġa kif ukoll kantina u bejt kbir. Billi kont naħdem full-time, insajjar, naħsel, nonxor u nitwi l-ħwejjeġ, niżbarazza kif ukoll innaddaf, kienet impossibbli li nżomm id-dar bla teba’. L-unika xogħol li kellu kien li jitma l-qtates. Ġieli għedtlu jitfa’ l-ħwejjeġ fil-magna, biss dan kien jagħmlu jekk ngħidlu wara d-9 ta’ filgħodu, inkella kien jinsa. Kien isajjar darbtejn imma lanqas qatt ma qabad mopp b’ idejh.
Kien ifakkarni kontinwament li jien ngħix hemm bla ma nħallas kera, u b’ hekk kont inħossni obbligata li nħallas ix-xiri, nofs il-kont tad-dawl u l-ilma kif ukoll kont noħroġ parti kbira mill-ispiża tiegħu tal-kontijiet u għal affarijiet oħra li kellna bżonn biex id-dar tibqa’ abitabbli.
Għixt hemmhekk bla ma ħallast kera, imma ħallast għaliha bl-għeruq u x-xniexel. Xorta għadu jheddidni li ma jtinix l-eluf ta’ ewro li ħallast għal affarijiet li żamm hu wara li ħassarna. Nixtieq li afdajt l-ewwel istint tiegħi u mort għand nutar biex nagħmel kuntratt bejnietna. Iftħu għajnejkom, tagħmlux l-istess żball li għamilt jien. Għandi l-provi, pero fadal ħafna żmien biex nipprova nasal fejn irrid.
Darba minnhom kelli xi ngħid m’ ommu wara li għaddiet kummenti razzisti. Għal dik ir-raġuni mbuttani mal-ħajt. Inħoss li din hija l-unika ħaġa li jista’ jgħid kontrija, għax kont tlift il-pacenzja u ġġilidt magħha. Ma kienx ħaqqni hekk talli għollejt leħni biex niddefendi lili nnifsi, iżda hu ġagħlni nħossni li r-rabja tiegħu kienet kollha tort tiegħi, li kont ipprovokajtu. Meta biddilt it-tattika tiegħi u kont intih cans jikkalma, kien jinjorani għal tlett ijiem, joħroġ fit-tielet ġurnata u jidħol tard qisu qatt ma’ kien xejn. Illum il-ġurnata niddubita għand min jew ma’ min kien imur.
Darb’ oħra refa’ jdejh fuqi waqt ikla li organizzajt għal ġenituri tagħna, lejliet il-Milied. Hu ħass li kien necessarju li jimbuttani talli ma kellix kollox perfett, u akkużani li għamilt apposta għax kont nobgħod lil ġenituri tiegħu.
Din id-darba, rabat idejh ma’ għonqi peress li għollejt leħni biex niddefendi lili nnifsi.
Inħoss li qatt mhu se nkun kapaċi nerġa’ nsajjar laħam għal nies b’ gosti differenti wara dak kollu li għaddieni minnu dakinhar.
Għal bidu kelli d-dubji li qed jeqlibieli meta mar Għawdex għal weekend tal-karnival f’ farmhouse mimlija nisa u rġiel ‘single’. L-unika ħabib li kellu hemmhekk kien qed joħroġ ma’ tfalja dak iż-żmien, u l-irġiel kienu se jaqsmu kamra. Jien ma mortx għax kont qed naħdem fuq teżi. Ma żammx kuntatt, pero deher fuq il-profil ta’ tfajla oħra. Minkejja dan, sħabu kollha ħalfu għalih u jien ħsibt li peress li dejjem kienu rrispettawni kelli nemminhom. Biss kif jgħidu, kull par għal paru.
Iddeċidejt li nieqaf niddefendi lili nniffsi, li nħalli kollox għaddej. Konna waqafna niġġieldu għal ftit taż-żmien, pero meta tfaċċat il-Covid, kien imwerwer għax kien ċert li kont se ninfettah minħabba li xogħli kien meqjuż b’ riskju għoli. Meta offrejtlu biex insib x’ imkien ieħor fejn ngħix, qalli biex nibqa’ u ma ġġilidnix aktar fuq hekk. F’ dak il-perjodu hu kien qed jaħdem mid-dar u baqa’ jistenna li jien nagħmel l-ikel u nżomm id-dar pupilla. Kellu diversi sigrieti waqt il-lockdown, minkejja l-ħajja sesswali varjata u b’ saħħitha tagħna. Kellu propjeta’ oħra fejn nimmaġina li kien jieħu l-ħbieb specjali tiegħu. Filwaqt li qatt ma nista’ nemmen kif mara tista’ tmur ma’ raġel ta’ mara oħra, hu kien il-persuna li kellu l-obbligu lejja, u s-siġrieti tiegħu kienu jagħmlu l-dawk in-nisa kollha nnoċenti ħdejh.
Xahar ilu spiċċajt bi ‘black eye’ talli rrimarkajtlu biex iwassalna d-dar qawwijin u sħaħ . Dakinhar kelli l-ewwel attakk ta’ paniku, mhux għax sawwatni, imma għax bdejt nibza’ li se nitilfu. Ma kellimnix għal ħamest’ ijiem u ma’ sħabu ddiskuta l-possibilita’ li jitlaqni. Wara sirt naf li biex ma jidhirx ikraħ, ma semmiex il-vjolenza li kien qed jgħaddini minnha.
Kollox kien jidher normali u sew għal għeluq snin wieħed mill-ħbieb kbar tiegħu il-ġimgħa ta’ wara, biex ħadd ma jissuspetta xejn. L-apparenzi dejjem kienu mportanti ħafna għalih, u hija nkredibbli kif anke nisa intelligenti jaqgħu għall-apparenzi tiegħu malajr.
Iddecidejna li mmorru naraw u nixtru dgħajsa flimkien. Kien messni rrappurtajtu lil pulizija, imma emmint li kien ħaqqni l-‘black eye’ li qlajt talli kont qed ngħajjat bil-biża’. Il-‘black eye’ reġgħet nibbtet ir-rabja fija, rabja li kont diġa ppruvajt negħleb biex inżomm il-paci. Kont qed naqbeż għalija nnifsi, u hu ma riedx jaċċetta. Reġa’ beda jkollu t-tibdil fil-burdati, iwaħħal fija għal kull ħaġa li ma tiġix kif jixtieqha . Dakinhar li spiċċa kollox bejnietna għidtlu li jien ma stajtx nissaporti aktar din ir-relazzjoni egoista li kellna. Ma kontx se naċċetta aktar affezzjoni li kien jurini biss meta kien ikun irid li jkollna x’ naqsmu flimkien. Ma kontx se naċċetta li jitlaq l’ hemm.
Malli ftaħt il-bieb li kien tefa’ hu bejnietna, beda jimbuttani, ikisser l-affarijiet u jgaraħħomli, jiġbidli xagħri, iħabbatli rasi mal-art għal diversi drabi, u saħansitra pprova wkoll igarani t-taraġ, kif ukoll garali serrieq tal-ħadid biex ibeżżagħni u nċedi.
Grazzi għal telefonata anonima waslu l-pulizija, iżda dak il-ħin bgħatthom l-hemm. Kien f’dak il-mument li smajt bħal leħen ġewwa fija jgħidli “X’qed tagħmel? Ma ħaqqekx hekk!”. Dakinhar stess irrappurtajtu lil pulizija u tlaqt ngħix x’ imkien ieħor u ħadt il-qtates tiegħi miegħi. Għadu jipprova jheddidni, pero jien it-theddid tiegħu sempliċiment inżidom mar-rapport tal-pulizija. Sibt ħafna sapport mingħand il-pulizija, kif ukoll ta’ l-Appoġġ. Sibt ukoll sapport min-nies li kienu jafu li kien hemm xi ħaġa ħazina, anke meta jien imbuttajthom il-bogħod minni.
La se nsejjaħ lili nnifsi vittma, u lanqas ‘survivor’. Se nsejjah lili nnifsi “ladyboss” u nieħu biss dak li ħaqqni filwaqt li hu jiġi akkużat bl-eħrex limiti tal-ligi u b’ hekk fl-aħħar tkun saret ġustizzja.
Nibqa’ nistaqsi lili nnifsi jekk messnix inqabbad investigatur privat għas-sieħeb li jmiss, iżda naf biżżejjed li l-ex kien manipulattiv ħafna, l-atti tiegħu kapaċi jirbħu Oscar, giddieb vizzjuż. L-unika parir tiegħi lili nnifsi jkun li nagħti dak kollu li jien meta nħobb, pero nżomm għajnejja miftuħin, u fuq kollox dejjem nafda fl-istint tiegħi u QATT ma nbiddel dak li jien għal ħadd li jgħidli li jħobbni. Mhux ħa ninbidel minn persuna li dejjem lesta li tħobb, pero beħsiebni nipproteġi lili nnifsi b’ mod legali u ma nħalli l-ebda raġel jgħidli x’ nagħmel u x’ ma nistax nagħmel. Intikom parir biex tagħmlu l-istess.
Jekk qegħdin f’ relazzjoni abbużiva, hemm modi biex toħorġu minnha. Tbatux fis-silenzju. Twaħħalx fik innifsek, MA ĦAQQEK QATT tigi msawwta, jew li tħossok ma tiswa xejn minħabba l kummenti negattivi kontinwi ta’ bniedem abbużiv. Jeżisti ħafna appoġġ. Il-vjolenza domestika qed tingħata mportanza kbira. Intom ukoll tistgħu tieħdu r-riedni f’ idejkom, u tingħataw l-appoġġ kollu li jkollkom bżonn hekk kif tagħmlu l-ewwel pass.
Jekk għandek xi esperjenza vera li tixtieq taqsam mal-qarrejja tagħna kemm jekk f’ ismek kif ukoll b’ mod anonimu, ibgħatilna imejl fuq [email protected]