Share the love

Abbuż sesswali jinvolvi kull tip ta’ att sesswali li jsir mingħajr kunsens. Dan jinvolvi stupru, sess orali jew mess sesswali mhux mixtieq u ġeneralment il-vittma tħossha abbużata, invażata u mhux sikura.

Abbuż sesswali QATT m’huwa t-tort tal-vittma u rapporti dwar abbuż għandhom dejjem jiġu trattati bis-serjeta’. Skont riċerka partikolari, 80% ta’ assult sesswali jseħħ minn persuna li l-vittma  jkun jaf u jafda, bħal membru tal-familja, xi ġar jew sieħeb romantiku.

Irrispettivament mis-sess u l-età, l-abbuż sesswali jista’ jkun devastanti u l-effetti ħafna drabi jkunu aktar minn biss effetti fiżiċi. Tista’ tħossok “maħmuġa”, “użata” jew “prodott imkisser” u ma tibqax tħossok sikura fik innifsek.

L-abbuż sesswali jista’ jwassal għal kwistjonijiet psikoloġiċi bħall-anzjeta’, dipressjoni, nuqqas ta’ rqad, stima personali baxxa, ħmar il-lejl u rqad problematiku.

Relazzjonijiet romantiċi jistgħu jinħassu bla sigurta’ ta’ xejn, u l-intimita’ sesswali tista’ tkun diffiċli.

Tista tesperjenza perjodu li fih tibda twaħħal fik innifsek, bi ħsibijiet bħall “messni kont naf aħjar” jew “saqsejt għaliha għax kont liebsa wisq sexy ” jew “it-tort tiegħi għax xrobt ħafna”. Ir-riċerka tindika l-abbuż sesswali bħala kriżi ta’ opportunita’ u li dawk li jwettqu l-abbuż jagħżlu l-vittmi tagħhom skont kemm ikunu vulnerabbli aktar milli l-mod ta’ kif ikunu lebsin jew kemm ikunu kunfidenti. Hija importanti li tifhem li jekk tagħti l-kunsens għas-sess darba jew aktar, ma jfissirx li tkun tajt id-drittijiet permanenti għal ġismek.

Jekk ir-raġel, is-sieħeb, ħabib jew maħbub jisfurza att sesswali fuqek mingħajr il-kunsens tiegħek, dan xorta huwa kkunsidrat bħala abbuż sesswali jew stupru.

Irkupru Minn Trawma Sesswali

Hemm varjeta’ ta affarijiet li tista’ tagħmel jekk għaddejt minn abbuż sesswali. Dawn jinkludu:

  • Titkellem ma xi ħadd – Xi drabi rridu nikxfu ferita fiżika biex nitfejqu. Dan jgħodd ukoll għall feriti emozzjonali. Li titkellem ma xi ħadd li tafda jgħin. Din tista tkun diffiċli għax abbuż sesswali xorta jġorr grad ta’ stigma miegħu. Li tiftaħ qalbek ma xi ħabib jew xi professjonista jgħinek fil-proċess ta’ fejqan tiegħek innifsek. Kellem lil xi ħadd li tafda, li jibqa kalm, li jissapportjak u li jismgħek mingħajr ma jiġġudikak.
  • It-trattament ta’ sentimenti ta’ ħtija u mistħija – Tqanqil sesswali jista’ jseħħ anke waqt abbuż sesswali mingħajr l-ebda kunsens. Dan jista jħalli l-vittma tħossha mħawda kompletament. Rispons sesswali mill-parti ġenitali hija xi ħaġa awtomatika. Li jkollok lubrikazzjoni vaġinali u tħossok fiżikament imqanqla waqt abbuż sesswali ma jfissirx li tkun tajt kunsens għall-attivita’ sesswali li tkun qed isseħħ. Li tifhem din tagħmilha eħfef biex titratta kwalunkwe sentimenti ta’ ħtija u mistħija u tgħin fil-proċess tal-fejqan tiegħek.
  • Tħejjija għal ‘flashbacks’ u t-twaqqif ta’ memorji – Esperjenzi trawmatizzanti jistgħu jikkawżaw memorji disturbanti, u sitwazzjonijiet varjati li jistgħu iqanqlu memorji tal-abbuż, speċjalment fl-ewwel ftit xhur. Ipprova antiċipa u ħejji għal avvenimenti u dati li jistgħu joħolqu dawn il-memorji, bħal dati u postijiet li tassoċja mal-każ. Agħti każ tas-sinjali li jagħtik ġismek u nnota f’liema sitwazzjonijiet tħossok stressjata u mhux sikura. L-awtokonoxxenza hija essenzjali biex taċċellera l-fejqan, u tgħinek terġa taċċetta lilek innifsek u s-sentimenti tiegħek.

L-iktar ħaġa mportanti hija li ma tibżax tindirizza il-kwistjoni, minħabba li trawma sesswali tista’ taffettwa s-sesswalita’ u l-mod kif tirrelata ma ħaddieħor. Ftakar li fl-aħħar mill-aħħar, li tieħu ħsieb lilek innifsek, speċjalment wara sitwazzjonijiet diffiċli, hija ħtieġa importanti u mhux xi ħaġa kapriċċ.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *