Permezz ta’ kitba anonima fuq il-grupp Women for Women (Malta), mara qasmet l-esperjenza tagħha ta’ vjolenza domestika ma narċissist, partner vjolenti li kellha. Ir-realta’ tagħha ħarġet ċara fi kliemha stess: “ħfirt lil dak li abbuża minni għax bżajt li joqtolni jekk ma naħfirlux“.
Anita* tifhem il-fatt li xi wħud jistaqsu mistoqsijiet bħal: “Għaliex ċertu nisa jirrapportaw lill-partners tagħhom fuq abbuż imma mbagħad jirtiraw kliemhom u jwaqqgħu il-kawża?”
Anita spejgatilna għaliex għażlet li “taħfer” lil dak li abbuża minnha. Sena ilu Anita għaddiet minn esperjenza trawmatika, fejn il-partner tagħha, narċissist, kien kontinwament jigdeb, jibdel u jimmanipula l-fatti b’kapaċita’ assoluta. Sabiex jiġġustifika l-fatt li kien vjolenti fiżikament fil-konfront tagħha, fil-qorti akkuża lill-Anita li pprovat ittajru bil-karozza. Ir-realta’ kienet li hu kien fis-sakra u tant sawwatha li kisrilha mneħirha.
“Ħfirt lil dak li abbuża minni”… Imma għaliex?
Kien raġel perikoluż b’passat ta rapporti minn nisa oħra dwar vjolenza domestika. Anita ma kellhiex għażla…kellha taħfirlu u twaqqa’ l-kawża li kellha konrih. Beżgħet li jasal joqtolha. Kull meta kienet tkun fit-triq kienet tkun moħħha f’ dak li kien għaddej madwarha, tħares kontinwament warajha ħalli tinduna bih jekk ikun isegwiha. Kienet litteralment terrorizzata minnu.
Anita tistaqsi…jekk ir-riċerka turi li jekk raġel li jkollu rapporti ta’ vjolenza domestika fil-passat huwa aktar suxxettibbli li jikkommetti l-istess reat, għaliex għad m’għandniex reġistru li jsemmihom b’isimhom? Dan żgur ikun ta’ għajnuna għal maġistrati kif ukoll għal persuni li jkunu mħajra jidħlu f’relazzjoni ma dak li jkun. Hekk ikun hemm iċ-ċans li persuna tanalizza r-risjku possibbli u tieħu deċiżjoni infurmata.
“Huma konxji l-maġistrati dwar ir-raġunijiet għala l-vittmi għandhom it-tendenza jaħfru lil dawk li jkunu abbużaw minnhom fil-qrati? Jifhmu l-kumplessita’ u r-realta’ tal-ħajja tal-vittmi? M’għandux ikun aċċettabbli li raġel jibqa’ jirrepeti l-istess tip t’abbuż darba wara l-oħra, ma mara wara l-oħra, u xorta jibqa’ jiġi liberat”. Dawn huma domandi li jiġu mistoqsija kontinwament minn diversi nisa li jilmentaw dwar is-sistema ġudizzjarja f’pajjiżna u kif din qed tfalli fil-konfront ta’ dawk li huma vulnerabbli u f’riskju.
Statistiċi Lokali Dwar Vjolenza Domestika
Skond sit lokali ta’ l-aħbarijiet, total ta’ 9,682 każ ta’ vjolenza domestika ġew rapportati lil pulizija bejn is-sena 2010 u 2018, li wasslu għat-total possibbli ta’ 10,585 vittma. Dan jirrifletti żieda kbira fin-numri ta’ każi rrapportati tul is-snin. Mill-każi kollha rrapportati, 8,160 mara ġew irrapportati bħala l-‘vittmi’, bl-abbuż allegat ivarja bejn ‘abbuż fiżiku minimu’ u ‘abbuż fiżiku gravi’, kif ukoll ‘stalking’ u ħsara psikoloġika (The Malta Independent Online, 2019).
Rigward statistiċi relatati ma każijiet uffiċjali b’rabta ma’ allegata vjolenza domestika, bejn is-sena 2015 u Diċembru 2018 kien hemm 2,256 każi fil-qrati Maltin. Minn dan it-total, 1,690 ġew inmiżżla bħala mwaqqfa fuq mertu ta’ “case being found exhausted”, 218 ġew liberati, 127 instabu ħatja u ngħataw multa, 104 ġew mogħtija ż-żmien u 10 ingħataw piena ta’ ħabs. 107 ġew illiberati fuq kundizzjonijiet, twaqqa’ l-każ tagħhom jew ġew imniżżla li wasslu għal “other outcomes” (The Malta Independent Online, 2019).
Minn dawn l-istatistiċi nistgħu nikkonkludu li minn total ta’ 2,256 każ, 137 persuna biss instabu ħatja u ġew mogħtija multa jew piena ta’ ħabs, li twassal għal total ta’ biss 6.07% tat-total tal-każi b’ rabta ma vjolenza domestika.
M’hemmx għalfejn niskantaw meta naraw nisa jsofru fis-silenzju mingħajr ma jirrapportaw jew jibdew proċeduri legali. Jidher biċ-ċar li s-sistema ġudizzjarja la qed isservi ta’ deterrent kontra l-vjolenza domestika, u wisq inqas qed toffri protezzjoni lill-vittmi milli jibqgħu isofru vjolenza repetuta.
L-‘Istanbul Convention’ tinforza regoli li bihom is-sistema ġudizzjarja għandha tmexxi każi b’rabta ma’ vjolenza domestika. Kemm aktar nisa bħal Anita għandhom jibqgħu ibagħtu qabel ma l-istat jieħu r-responsabbilta’ u jimplementa sew l-‘Istanbul Convention’?
Anita* huwa isem fittizju li ntuża biex jipproteġi l-identita’ tal-vittma
Grazzi lil Elaine and Francesca għall-għajnuna tagħhom f’dan l-artiklu.
References
The Malta Independent Online. 2019. Assessed at https://www.independent.com.mt/articles/2019-04-02/local-news/1-341-reported-cases-of-domestic-violence-in-2018-6736206084 on 15th December 2020.
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn