Li tħossok kunfidenti u kuntenta bik innifsek, tidher kif tidher, hija sensazzjoni kbira ta’ liberazzjoni.
Ta’ 51 sena nista’ finalment ngħid li nħobb lili nnifsi kif jien. M’għadnix ninkwieta jekk xagħri jkun ‘frizzy’, jekk saqajja ma jkunux mqaxxrin perfettament jew jekk għandix xi ponta f’nofs geddumi.
Iżda ta’ min jgħid li mhux minn dejjem kont inħossni daqshekk kunfidenti. Niftakarni nħossni konxja ħafna tiegħi innifsi u kien hemm ħafna partijiet ta ġismi li ma kienux jogħġbuni, bħat-tbissima ‘gummy’ tiegħi, is-suf f’ġismi, ix-xagħar ‘frizzy’ tiegħi, it-tul tiegħi, li għandi s-swaba ta’ saqajja koroh u li dejjem nilbes żraben magħluqin anke meta t-temperatura tkun ta’ 40 grad ċelsius.
Ħaġa mportanti li wieħed għandu jinnota hi li għalkemm tellajt ir-ritratt tiegħi, hemm affarijiet oħra li ta’ spiss inħossni insikura fuqhom, eżempju li nitkellem fil-publiku’, jekk inhix veru omm tajba, kif ukoll fuq il-piż tiegħi. Filfatt naħseb kollha kemm aħna għandna affarijiet li minħabba fihom inħossuna insikuri u ftit minn dawn l-insikurezzi aktarx qatt ma jirnexxilna neħilsu minnhom.
Irridu niftakru li għalkemm nidhru kunfidenti fuq barra, kollha kemm aħna qed niġġieldu xi battalja interna, irrispettivament mill-eta’ li għandna. Il-medja soċjali għandha drawwa turina realta’ falza, u din irridu nżommuha dejjem ġo moħħna.
Għalkemm naraw ritratti ta’ membri ta familji li jkollhom daħka kbira fuq wiċċhom jew ‘influencers’ kunfidenti, jista’ faċilment jkun hemm ħafna affarijiet mistura warajhom. Ritratti jirriflettu biss parti minn sekonda tal-ħajja kollha tal-persuna. Ħafna drabi, ir-realta’ hija moħbija minn dak ir-ritratt li juri ferħ bla limitu.
Mela ejja niċċelebraw lilna nfusna, hi kif inhi d-dehra tagħna; ejja nitgħallmu nkunu ġentili magħna nfusna u ma nikkritikawx il-karattru u d-dehra tagħna, imma naċċettaw li ħadd minnha mhu perfett u li kollha kemm aħna għandna d-difetti u l-insikurtajiet tagħna, inkunu kemm inkunu nidhru ‘sbieħ’ u ‘ferħanin’ minn barra.
Grazzi kbira lill dawn in-nisa sbieħ li wrewna li aħna n-nisa kollha impressjonanti bil-modi differenti w’ uniċi tagħna.
Iż-żmien li għaddejna kwarantina għallimni nħobb lili nnifsi kif jien…. m’għadnix niddejjaq noħroġ għall-cafe’ mingħajr ‘make-up’
Rochelle Apap
Kemm inħossni kburija naqsam id-dehra tiegħi magħkom, bla ‘make-up’ u bla xagħar: id-dehra tiegħi turi s-saħħa u l-poter tiegħi bħala mara li qed niġġieled il-marda tiegħi…
GSammut Kate
Inkuraġġixxi lilek innifsek, emmen fik innifsek u ħobb lilek innifsek: dawk huma l-aktar affarijiet importanti fil-ħajja. Kollha kemm aħna sbieħ bil-mod uniku tagħna u l-‘make-up’ mgħandu x’jaqsam xejn ma’ dan.
Carmen Maria
Biex inkun onesta’ nħossni aħjar meta jkolli l-‘make-up’… imma meta ma jkollix, jogħġobni ħafna l-fatt li għandi n-nemex fuq ħadddejja avolja jien ‘brunette’.
Cursty Gafa’
Bla ‘make-up’ u bla ‘filter’. Kollha kemm aħna sbieħ bil-mod tagħna.
Kimberly Xuereb
‘Selfie’ ta filgħodu – rari nagħmel ‘make-up’ għax personalment ma’ jagħmillix differenza fuq kif inħossni fuqi nnifsi. Għandi 36 sena u qed jibda jkolli xi ftit tikmix l’hemm u l’hawn imma dan ma jdejjaqni xejn. Kollha kemm intom sbieħ xx
Nicola Cutajar
#lovetheskinurin mhuwiex dwar kemm tidher sabiħa l-ġilda tiegħek mingħajr ‘make-up’. Tkun xi ħaġa sabiħa jekk in-nisa b’ġilda imperfetta, li jbatu mill-akne anke fl-età adulta tagħhom jew b’ xi ‘scarring’ permanenti jirrealizzaw li dan l-ispazju huwa għalihom ukoll.
Elaine Ell
Naħseb aħna n-nisa l-agħar għedewwa tagħna nfusna Kull ma qed nara huma uċuħ naturali ta nisa ħelwin, xejn ħażin, u mhu qed nara l-ebda imperfezzjonijiet. Għal dawk kollha li qed iħossuhom jistħu jtellgħu ritratt tagħhom: agħmlu kuraġġ u jirnexxilkom!
Kimberly Caruana
Hija ħaġa tqila biex meta jkollok akne, pigmentazzjoni, ‘scarring’, psorjasi, eċċetra – il-lista ma tieqaf qatt – tiġbed ritratt tiegħek innifsek naturali, aħseb u ara li ttella’ ritratt tiegħek innifsek bla ‘make-up’ fuq xi sit jew medja soċjali. Il-‘make-up’ huwa hemm biex isebbaħni, imma nemmen li fl-istess waqt jaħbi il-veru jien. I-aħjar verżjoni tiegħek innifsek tkun kif tqum filgħodu… dak li tara fil-mera. Għalija li titkellem miegħek innifsek, li tieħu ħsieb lilek innifsek u li taċċetta lilek innifsek huma aktar importanti milli jkollok ġilda perfetta.
Elena Bianchi
Kemm nieħu gost meta nara nisa jaċċettaw lilhom infushom mingħajr ma jħossu l-bżonn li jinħbew. Il-‘make-up’ għandu dejjem ikun xi ħaġa żejda: xi ħaġa kreattiva, artistika u sabiħa – iżda mhux xi ħaġa li nħossu l-BŻONN tagħha biex tagħmilna nidhru sbieħ, u aktar u aktar mhux xi ħaġa imposta fuqna mis-soċjeta’.
Luanne Grima
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.