Share the love

il-ġurnata tal-milied

Għadek m’intix ċerta dwar kif tista’ tqatta’ il-ġurnata tal-Milied speċjalment bħalissa waqt din il-pandemija tal-COVID19? Jekk se tqatta’ dan il-perjodu festiv waħdek jew se tkun aktar kwieta mis-soltu, ikkunsidra xi wħud minn dawn is-suġġerimenti t’hawn taħt li jistgħu ikunu ta’ benefiċċju għas-saħħa emozzjonali u soċjali tiegħek…

Ninsab nikteb dan l-artiklu fil-5 ta’ filgħodu fejn is-siġra tal-Milied. Għalkemm fil-bidu ma kontx eċitata biex inżejjen dari din is-sena għall-Milied, inħossni kuntenta ħafna bid-deċiżjoni li ħadt. Il-parir “iffoka fuq id-dawl mhux id-dlam” huwa utli ferm speċjalment dis-sena li fiha qed niċċelebraw l-istaġun tal-festi fil-‘bubble’ żgħira tagħna, il-bogħod minn ħbiebna u l-familja.

Milied Diġitali 2020

Dawn iż-żminijiet jistgħu jikkawżaw emozzjonijiet li faċilment jopponu l-xulxin, għaliex il-bżonn li ningħaqdu u nkunu viċin xulxin xi kultant iwassal għal frustrazzjoni u konflitt. Din is-sena, il-pandemija tal-COVID19 se tkun qed twassalna sabiex niċċelebraw il-ġurnata tal-Milied b’mod diġitali, u ovjament wara xhur nitkellmu man-nies b’mod virtwali, faċilment nesperjenzaw għajja u piż kbir.

Jekk se tkun qed tqatta’ dan il-perjodu tal-Milied waħdek, jew se tkun aktar kwieta mis-soltu, huwa mportanti li tfassal pjan sabiex tieħu ħsieb il-bżonnijiet emozzjonali u soċjali tiegħek:

  • Għin lil ħaddieħor: Żomm għajnejk miftuħa għal dawk li qed joffru opportunitajiet sikuri għall-volontarjat, bħal eżempju twassal ikel sħun lill-anzjani fil-ġurnata tal-Milied, jew tieħu kaxxi mimlija ikel lill-familji fil-bżonn. Ikkuntattja lill-ħbieb li taf li jkunu se jqattgħu il-vaganzi waħedhom ukoll. Iltaqa’ ma dawk li tħobb b’mod virtwali u aqsmu xi ‘mince pies’ jew ‘hot chocolate’ fl-istess ħin. Dawn l-attivitajiet jistgħu jgħinuna nħossuna magħqudin ma’ l-oħrajn kif ukoll jgħinuna biex ma nħossuniex weħidna.
  • Oħloq atmosfera ta’ festi f’darek: Żejjen darek bħal ma tagħmel is-soltu, lesti l-ħelu tal-Milied u l-‘mulled wine’, sajjar l-ikla tal-Milied. Agħmel lista ta’ films li jferrħuk u waqt li tarahom, agħmel tazza ‘hot chocolate’ u kul ftit biskuttini tal-ġinġer. Ħu banju sħun, mur mixja twila fil-kampanja jew fejn il-baħar. Xi kultant l-iċken affarijiet iferrħuna u jġagħluna nħossuna aħjar.
  • Oħloq tradizzjonijiet ġodda: Kun kreattiva u aħdem fuq opportunitajiet li jtejbulek saħħtek. Ibda ikteb fid-djarju, ingħaqad ma klassi virtwali tal-eżerċizzju jew tal-meditazzjoni, ibda pinġi, sajjar jew ħu ħsieb xi pjanti. Hu mportanti li nqattgħu il-ħin tagħna nagħmlu attivitajiet li jagħtuna l-ħajja u li jgħinuna ninnavigaw dawn il-ġranet b’mod konstruttiv.
  • Biddel ħsibijietek: Kellem lilek innifsek bl-istess mod li bih tkellem lil xi ħabib jew ħabiba tiegħek. Uża l-istess fehem u empatija li s-soltu tirriserva għall-maħbub/a tiegħek. Inti maħbuba wkoll. Hija ħaġa normali li tħossok indeċiża, imdejqa jew imħawda, speċjalment issa li qed ngħixu fi żmien li qatt m’esperjenzajna qabel. Ħafna minna nħobbu nagħtu kemm nistgħu lill-oħrajn, nagħtu kas u daqqa t’id lil ta’ madwarna fil-ħajja ta’ kuljum. Forsi f’dan iż-żmien nistgħu nallokaw ftit ħin xieraq għall-kura personali tagħna.

Fuq din in-nota nixtieq nawgura lill-qarrejja tagħna u s-segwaċi ta’ Women Health And More staġun festiv mimli paċi u Sena Ġdida mimlija tama u opportunitajiet ġodda.


Qed tħossok mitlufa f’dan il-perjodu tal-Milied minħabba s-sitwazzjoni kurrenti tal-pandemija? Ipprova niżżel waħda minn dawn l-‘apps’ …

Jekk tixtieq tagħti daqqa t’id dal-Milied, speċjalment dis-sena minħabba l-pandemija u s-solitudni ġabet magħha, żur Women for Women Foundation,  u ara kif tista’ tagħmel differenza f’ħajjet nisa li l-aktar għandhom bżonn.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *