Share the love

Diversi nisa u ommijiet jistaqsu mistoqsijiet b’konnessjoni mal-Leave tal-Maternita. WHAM għamlet kuntatt mal-omm u avukat Roselyn Borg Knight, li wieġbet numru ta’ domandi li huma l-iżjed mistoqsija dwar il-Leave tal-Maternità.

It-tweġibiet għal mistoqsijiet għandhom jittieħdu biss bħala spjegazzjoni ġenerika dwar liġijiet u regolamenti eżisteni, u bl-ebda mod m’għandhom jitqiesu bħala parir legali għal kwalunkwe sitwazzjoni, kemm individwali kif ukoll kollettiva.

1.         X’inhu l-Leave tal-Maternità, kemm hu twil u min hu intitolat għalih?

Il-Leave tal-Maternità huwa perjodu ta’ leave li jingħata lil ommijiet li jkunu ser iwelldu tarbija, fejn huma legalment garantiti perjodu li fih jistgħu igawdu dawk l-ewwel ġimgħat tant speċjali u importanti mat-tarbija tagħhom. Dan il-leave huwa għal total ta 18-il ġimgħa, li għandhom jittieħdu b’mod kontinwu. Ser inkun qed niddiskutu r-rati ta’ ħlas aktar ‘l isfel.

2.         Kif wieħed għandu japplika għal-Leave tal-Maternità? Kif taħdem is-sistema?

Sabiex tapplika għal-Leave tal-Maternità, għandek tkellem lill-HR tal-kumpannija tiegħek, jew lil min hu ġeneralment responsabbli għal kwistjonijiet ta’ leave, fejn HR ma hemmx. F’dan l-istadju, għandek tinforma lill-employer tiegħek (bil-miktub, mill-inqas 4 ġimgħat bil-quddiem) bid-dati li tixtieq tieħu l-leave fihom.

Il-liġi tipprovdi li tal-inqas 6 ġimgħat minn dan il-leave għandhom jittieħdu wara t-twelid tat-tarbija, filwaqt li hu rakkomandat (pero mhux obligattorju) li 4 ġimgħat jittieħdu qabel it-twelid, sabiex is-saħħa tal-omm tkun assigurata bl-aħjar mod. Il-bqija tal-ġimgħat jistgħu jitqassmu skont ix-xewqiet tal-impjegata.

3.         Min iħallas l-ewwel paga tal-Leave tal-Maternità? Il-gvern jew min iħaddem?

L-ewwel 14-il ġimgħa tal-Leave tal-Maternità jitħallsu direttament minn min iħaddem abbażi tas-salarju regolari tal-omm. Il-bqija tal-leave (4 ġimgħat) jitħallas mill-Maternity Leave Benefit (ara punt numru 4).

4.         X’inhi d-differenza bejn Maternity Benefit u Maternity Leave Benefit?

Il-Maternity Benefit huwa benefiċċju illi jingħata lil ommijiet meta dawn ma jkunux ser jużaw il-Leave tal-Maternità, jew meta dawn ikunu self-employed u jikkwalifikaw għall-istess benefiċċju għaliex ser jqattgħi perjodu ta’ żmien madwar it-twelid tat-tarbija ma jaħdmux.

Il-Maternity Leave Benefit huwa il-benefiċċju li semmejt f’punt numru 3, li jittieħed minn omm għall-aħħar 4 ġimgħat tal-Leave tal-Maternità, wara li hija tkun diġà użat l-ewwel 14-il ġimgħa ta’ Leave tal-Maternità imħallsa minn min iħaddimha.

Huwa rakkomandat li f’każ li ser tkunu tużufruwixxu minn kwalunkwe benefiċċju, tkellmu lill-HR tagħkom jew lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq dawn il-paġni:

–                      https://socialsecurity.gov.mt/en/information-and-applications-for-benefits-and-services/family-benefits/maternity-benefit/

–                      https://socialsecurity.gov.mt/en/information-and-applications-for-benefits-and-services/family-benefits/maternity-leave-benefit/

5.         Jekk mara tkun taħdem full-time reduced hours, fejn is-siegħat ivarjaw minn ġimgħa għal oħra, kemm huwa l-ammont ta’ Leave tal-Maternità li hi intitolata għalih?

Bħala tul ta’ żmien, l-intitolament jibqa’ l-istess għal kulħadd. L-unika ħaġa li tvarja tkun ir-rata li biha ser titħallas għal dan il-leave. Il-Leave tal-Maternità, bħal kull tip ta’ leave ieħor, jitħallas pro rata skont l-ammont ta’ siegħat li regolarment taħdem. F’każ fejn ikollok siegħat li jvarjaw minn ġimgħa għal ġimgħa, il-liġi ma tipprovdix speċifikament x’jiġri f’dak il-każ, iżda għandu jittieħed average tas-siegħat li tkun ħdimt f’perjodu speċifiku. Tali perjodu jista’ jvarja skont l-industrija jew ftehim kollettiv applikabbli.

6.         Meta omm tkun qabżet it-tieni xahar tal-Leave tal-Maternità, u tipprova taghmel kuntatt ma’ min iħaddimha għaliex ma tkunx għadha tħallset tal-ebda xahar,  iżda mhux qed tirċievi ebda risposta lura, x’inhuma d-drittijiet tal-omm?

Il-ħlas li omm għandha tirċievi matul il-Leave tal-Maternità xorta għandu jitqies bħala paga. Għalekk, bħal fi kwalunkwe każ ta’ fejn il-paga ma titħallasx, tista’ tfittex parir legali jew tagħmel appuntament mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg (Triq Melita, il-Belt Valletta). F’każ bħal dan, jista’ jkun hemm kwistjonijiet legali oħra mgħarrqin wara n-nuqqas fi ħlas, bħal diskriminazzjoni, u għalekk ikun siewi li tfittex parir.

7.         Diversi nisa jistaqsu kemm hu ġust li mara jkollha 4 xhur biss ta’ Leave tal-Maternità bi ħlas normali, speċjalment dawk li jaħdmu u li d-dħul prinċipali huwa mix-xogħol tagħhom.

Din hija kwistjoni regolarment dibattuta minn politiċi u mexxeja soċjali bil-għan li jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet ta’ min iħaddem versu l-benefiċċju globali tal-Leave tal-Maternità, fejn l-ommijiet jistgħu iserrħu rashom li ser ikollhom perjodu ta’ leave imħallas mat-twelid tat-tarbija tagħhom, filwaqt li jkunu garantiti posthom (jew post simili) mar-ritorn tagħhom lura x-xogħol. Dan huwa bilanċ li dejjem ser jaffaċċja żewġ binarji konfliġġenti, fejn kull parti ser ikollha l-argumenti tagħha xi tressaq, u li ġeneralment ikun soġġett għal realtajiet politiċi u ekonomiċi ta’ kwalunkwe pajjiż, jew tal-Unjoni Ewropea, għaliex din tal-aħħar għandha l-poter li tameljora intitolamenti bħal dawn, bħalma sar numru ta’ snin ilu meta l-perjodu ta’ Leave tal-Maternità żdied minn 14 sa 18-il-ġimgħa b’konsegwenza ta’ liġi tal-Unjoni Ewropea li ħtieġet li jsir dan f’kull stat membru.

8.         Jekk persuna tiddeċiedi li ma tidħolx lura għax-xogħol wara l-Leave tal-Maternità kif ukoll wara sena leave oħra mhux imħallas biex tibqa’ tieħu ħsieb lit-tarbija, l-omm tkun trid tħallas lura l-Leave tal-Maternità li għalih tkun tħallset?

Ir-regola hi li impjegata li tkun ħadet il-Leave tal-Maternità li tkun intitolata għalih għandha tirritorna lura għax-xogħol għal tal-anqas perjodu ta’ sitt xhur. Jekk l-istess impjegata ma tirritornax għax-xogħol ma’ tmiem il-Leave tal-Maternità, jew titlaq mix-xogħol matul il-perjodu ta’ sitt xhur mir-ritorn tagħha, hija tkun obbligata trodd lura lil min jimpjegaha l-flejjes kollha li jkunu tħallsu lilha matul il-perjodu tal-leave. Is-sitt xhur jibdew jgħoddu mar-ritorn tal-mara lura għax-xogħol, anke jekk tkun ħadet xi leave ieħor (eż. tal-Ġenitur/Parental) eżattament ma’ tmiem il-Leave tal-Maternità. Naturalment, dan jgħodd biss jekk hija tkun telqet mix-xogħol mingħajr raġuni ġusta u suffiċjenti fil-liġi.

9.         X’inhuma d-drittijiet ta’ omm li tkun f’Leave tal-Maternità u terġa’ tinqabad tqila?

F’dan il-każ, l-omm għandha tinforma lil min iħaddem bit-tqala tagħha skont il-liġi, daqslikieku kienet qed tattendi x-xogħol bħas-soltu. Naturalment, peress li t-total tal-Leave tal-Maternità huwa ta’ mhux aktar minn erba’ xhur u nofs, dan jilħaq jittermina qabel it-twelid tat-tarbija li tkun tmiss. B’hekk, meta jerġa’ jasal iż-żmien għat-twelid, l-istess proċedura għat-teħid tal-Leave tal-Maternità jerġa’ japplika, anke jekk l-omm tkun għadha barra fuq Leave tal-Ġenitur jew leave oltre wara tmiem il-Leave tal-Maternità preċedenti.

10.       Jekk omm ikollha pjanat li twelled bi proċedura ċesarja per eżempju fl-1 ta’ Frar, dik l-omm tista’ tieħu l-1, it-2 u t-3 ta’ Frar bħala Leave tal-Mard u tibda bil-Leava tal-Maternità mill-4 ta’ Frar?

Il-proċedura ċesarja ma tibdilx id-data ta’ twelid. Jekk l-omm tkun għadha qed tirkupra fil-jiem ta’ wara t-twelid, dawn il-jiem xorta waħda jinqatgħu mil-Leave tal-Maternità – ara punt numru 2.

11.       Meta omm terġa tidħol lura għax-xogħol wara maternity leave, hemm xi ammont ta’ xhur li għandha taħdem qabel tbiddel ix-xogħol?

Ara punt numru 8.

12.       Dwar it-tnaqqis fit-taxxa meta persuna tidħol lura mil-Leave tal-Maternità, jekk dik il-persuna tieħu l-Vacation Leave eżatti wara l-Leave tal-Maternità, trid tapplika għal tali tnaqqis f’dawk il-ftit ġimgħat li tkun ħadet il-Vacation Leave?

Peress li każijiet ta’ taxxa tad-dħul kapaċi jvarjaw minn individwu għal ieħor stante l-istatus fiskali ta’ dak li jkun, huwa rakkomandat li domandi ta’ dan it-tip jiġu diretti lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi (il-Furjana).


Share the love