Tqala ektopika hija tqala li tiġi mpjantata barra l-utru, ħafna drabi fit-tubi fallopjani. Fil-maġġoranza tal-każi, l-embrijun ikun assenti jew mhux vijabbli, iżda xorta waħda każi hekk jistgħu ikunu fatali jekk ma jiġux trattati. Fl-Ingilterra, l-inċidenza ta’ tqaliet ektopiċi hija ta’ 11/1000 tqala. Il-Ġinekoloġisti f’Malta ġeneralment jużaw il-prinċipju ta’ l-effett doppju fejn tidħol l-etika, bħala ‘loophole’ legali, biex jitrattaw dan it-tip ta’ każi. Dan jagħmluh billi jneħħu t-tubu fallopjan permezz tal-kirurġija biex isalvaw il-ħajja ta’ l-omm, li indirettament jikkawża terminazzjoni tat-tqala.
Madankollu, f’każi partikolari (eżempju meta t-tqala ektopika ma tkunx ‘unruptured’, meta jkun hemm ammont baxx t’ormoni HCG, u fejn ma jkunx hemm uġiegħ sinifikanti), linji ta’ gwida bbażati fuq evidenza xjentifika użati f’pajjiżi ċivilizzati jirrakkomandaw l-użu tal-Methotrexate. Din il-mediċina hija ppreferuta għaliex il-mira tagħha jkun l-embrijun, fejn b’mod dirett twaqqaf iċ-ċelloli tiegħu milli jkomplu jimmultiplikaw. Waqt li dan l-effett jittermina t-tqala jkun qed jippreserva t-tubu fallopjan u jħalli possibilta’ ta’ tqaliet oħra fil-futur. Filfatt seħħew testijiet sporadiċi kkontrollati fejn ġie kkomparat l-użu tal-methotrexate mal-kirurġija laparospika, u dawn irriżultaw li f’każi selezzjonati, il-Methotrexate kellha l-istess rata ta’ suċċess bħall-kirurġija laparospika, iżda b’riżultat aħjar fuq is-sistema riproduttiva.
Wieħed faċilment jista’ jifhem għaliex ċertu tobba jħossuhom skomdi jippreskrivu l-Methotrexate. Waqt li l-kirurġija tneħħi t-tubu fallopjan u b’mod indirett tittermina t-tqala, din il-mediċina twaqqaf it-tqala b’mod dirett, kemm jekk tkun vijabbli u kemm jekk le, u għalhekk xi tobba kapaċi jħossu li l-prinċipju ta’ l-effett doppju ma japplikax hawnhekk.
Ngħiduha kif inhi, il-liġi kif inhi bħalissa (Artikli 241 u 243 tal-Kodiċi Kriminali) tikriminalizza kull mod li bih tista’ tikkawża korriment (bħall-abort), anke fejn ikun neċessarju biex tissalva l-ħajja tal-mara. Allura dan jista’ jfisser li f’għajnejn il-liġi jekk tiġi użata din it-tip ta’ mediċina biex tittermina tqala ektopika hija illegali għax hija użata biex direttament tittermina t-tqala? Bħala ‘Doctors for Choice’ nemmnu li s-sistema tas-saħħa m’għandha qatt tiġi ggwidata b’liġijiet vagi, mingħajr ċarezza assoluta, jew saħansitra b’mod li tqanqal dubji, għaliex dan jista’ jxekkel ix-xogħol tat-tobba u jpoġġi ħajjet il-pazjenti f’riskju. Aktar minn hekk, tobba li jipprovaw jimmanuvraw il-liġi f’każi bħal dawn jistgħu ikunu suxxettibbli li jitilfu l-liċenzja medika tagħhom.
Filwaqt li ninsabu kuntenti li ġinekoloġisti lokali sa fl-aħħar qed jimxu ma linji ta’ gwida bbażati fuq evidenza xjentifika fejn ikun hemm bżonn trattament ta’ tqala ektopika, m’għandux ikun hemm dewmien biex tittieħed id-deċiżjoni jekk għandhiex tintuża l-istess mediċina użata b’mod vast fil-kumplament ta’ l-Ewropa. Jekk il-pazjenta tagħmel parti mill-kriterja rakkomandata, għandha tingħata t-trattament minnufih. Wieħed jista’ jissopponi li jekk il-kundizzjoni tagħha tkun ġiet agħar waqt li kienet tistenna d-deċiżjoni tittieħed, approċċ kirurġiku jkun diġa suppost ittieħed.
Il-liġi għandha tinbidel biex b’hekk l-aċċess għal din il-mediċina li teknikament tikkawża abort, tkun tista’ tiġi pprovduta fil-ħin u bla ebda dewmien. Sadanittant ninsabu kuntenti li qed naraw li s-servizzi tas-saħħa Maltija sa fl-aħħar ammettew li jużaw mediċina biex jitterminaw tqaliet, f’dal każ tqaliet ektopiċi. Li għandu jsir issa huwa reviżjoni tal-liġi li tispeċifika b’mod ċar id-definizzjoni ta’ abort volontarju u taħt liema kundizzjonijiet jista’ jiġi mwettaq legalment.
Profs Stabile taħdem bħala ġinekoloġista privatament f’ St James Hospital. Preżentament hija wkoll id-direttriċi tal-International School for Foundation Studies and Medical Foundation Programme fl-Universita’ ta’ Malta. Bħalissa għaddejja b’riċerki dwar l-edukazzjoni medika.