Share the love

women's wishes women for women foundation

Women for Women Foundation

28.11.2020

PRESS RELEASE- B’Effett Immedjat

Il-‘Women for Women Foundation’ tniedi l-kampanja ‘Women’s Wishes’

Il-‘Women for Women Foundation’, grazzi għall-inizjattiva ġdida tagħha ‘Women’s Wishes’, qed tittama li tiġbor €5,000 f’fondi biex bihom fil-Milied li ġej tferraħ nisa li għaddejjin minn żminijiet diffiċli.

“Aħna n-nisa kollha nafu li kull meta jinqalgħu id-diffikultajiet f’ħajjitna nispiċċaw niċċaħħdu aħna għax inpoġġu lill-uliedna l-ewwel u qabel kollox, inkluż qabilna. Għalkemm ma ngergrux dwar dan, xorta nbagħtu mill-istress relatat mas-sitwazzjoni, u dan iħalli mpatt negattiv fuqna.” saħqet il-fundattriċi tal-Fondazzjoni, Francesca Fenech Conti.

‘Women’s Wishes’ tittama li tikkuntenta lil dawk in-nisa li ta’ spiss iħallu lilhom infushom għall-aħħar, li qed iħossuhom waħedhom u x’aktarx mhu ħa jirċievu l-ebda rigal dal-Milied, jew lil nisa li jaħdmu ħafna biex jinkoraġġixxu lil ħaddieħor, billi jaqtgħulhom xewqathom.

Il-Fondazzjoni temmen b’mod sħiħ li l-familji kif ukoll il-komunitajiet jibbenefikaw meta l-mara tingħata l-ispazju biex tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha kif ukoll meta saħħitha u l-kuntentizza tagħha jingħataw prijorita’.

Il-‘Women for Women Foundation’ ġiet imwaqqfa grazzi għall-popolarita’ tal-grupp ta’ Facebook Women for Women, li ra l-bidu tiegħu fis-sena 2015 grazzi għal Francesca Fenech Conti. Permezz ta’ dan il-grupp li hu magħmul minn membri nisa, ħafna nisa li kienu jħossuhom bla vuċi u marġinati fis-soċjeta’ tagħna ingħataw mod li bih setgħu jikkomunikaw. Dan wassal biex problemi li ma kienux jiġu diskussi sa ftit qabel, fl-aħħar setgħu jiġu mitkellma b’mod faċli. Nisa ngħaqdu flimkien biex jissapportjaw lil xulxin, u b’hekk twieled sens ta’ komunita’ u għaqda. Illum dan il-grupp fih aktar minn 37,000 membru mara, u huwa prova ċara u ħajja li “meta n-nisa jissapportjaw lin-nisa jseħħu affarijiet inkredibbli”.

F’ Novembru ta’ l-2019, grupp ta’ membri minn Women for Women ingħaqdu flimkien biex b’hekk inħalqet il-Women for Women Foundation – fondazzjoni li tgħin speċifikament fil-bżonnijiet tal-bniet, tan-nisa u t’uliedhom. Il-Women for Women Foundation hija reġistrata bħala Organizzazzjoni Volontarja u timmaniġġja l-Women for Women Social Fund, li jissapportja nisa u l-familji tagħhom li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Naħdmu id f’id m’esperti fil-qasam tal-vjolenza domestika, faqar, kif ukoll fis-saħħa mentali, biex nassiguraw il-progress u l-indipendenza tan-nisa fis-soċjeta’.

Il-kampanja hija maqsuma fi tnejn: Għall-ewwel jinġabru nominazzjonijiet għal persuni eliġibbli, u wara jsir ġbir ta’ fondi biex ix-xewqat eliġibbli jiġu mwettqa. Nisa jistgħu jiġu nnominati mis-‘social workers’ tagħhom jew professjonisti oħra. Kull applikazzjoni tiġi evalwata biex jiġi assigurat li l-kriterja rakkomandata tkun issodisfata.

Ix-xewqat finali jiġu mtella’ fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook, kif ukoll fuq il-websajt, biex b’hekk donaturi potenzjali jkunu jistgħu jidentifikaw ix-xewqat partikolari li jkunu jixtiequ jissapportjaw, kemm jekk parzjalment kif ukoll jekk b’mod komplet. Donaturi korporattivi huma mitluba jissapportjaw l-inizjattiva billi jagħtu d-donazzjonijiet monetarji tagħhom jew b’donazzjonijiet ta’ prodotti jew servizzi relatati billi jikkuntattjawna fuq [email protected]. Aktar informazzjoni dwar dan il-proġett tista’ tinstab fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook, fuq il-websajt, kif ukoll fuq il-paġna tal-‘fundraising’ tagħna ta’ Zaar www.zaar.com.mt/projects/womens-wishes-2020.

______________________________________________________

Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lil Francesca Fenech Conti fuq [email protected].


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *