Il-ħajja bil-PTSD, l-ansjeta’ u d-dipressjoni mhix faċli. Tibda ssibha tqila biex tqum mis-sodda kull filgħodu, tibda tmur ix-xogħol u titfa’ tbissima falza fuq fommok. Tgħid lil kulħadd li tħossok tajba meta fir-realta’ ma tkunx qed tħossok sew; tgħid hekk biss sabiex tevita terġa tisma l-kliem ‘eh ġurnata ħażina mela’. Tħossok għajjiena imma ma jkollokx nagħas. Taħseb iżżejjed fuq kull dettal. Tikkonfondi kontinwament fuq xi stajt għamilt ħażin, jekk għidtx il-ħaġa t-tajba, jew fuq xi stajt għamilt aħjar.
Jien għandi l-PTSD, u bħala konsegwenza għandi l-ansjeta’ u d-dipressjoni wkoll. Din hija l-istorja tiegħi.
Għal snin twal stajt inħoss li kien hemm xi ħaġa differenti fija, imma minħabba li dak iż-żmien ma kienx hemm daqshekk kuxjenza dwar is-saħħa mentali, qatt ma xtaqt nammetti li dawk is-sentimenti strambi fija setgħu ikunu problemi mentali: ansjeta’ u dipressjoni.
Sa minn tfuliti kont nemmen li ma kontx tajba biżżejjed għall-ġenituri tiegħi. Kontinwament kont niġi bbuljata u anke msawta d-dar. Meta għalaqt 18-il sena tlaqt mid-dar u bdejt infendi għal rasi.
Tlaqt minn Malta ftit snin ilu bil-ħsieb li nibda ħajja ġdida. Ma kellix għajnuna, u għalhekk kelli naċċetta l-fatt li kelli bżonn l-għajnuna waħdi. Dak iż-żmien kont ingħatajt dijanjosi t’ansjeta’ u dipressjoni (wara sena ingħatajt dijanjosi oħra ta’ PTSD). Ġejt preskritta l-antidipressanti, u kont sejra mhux ħażin bihom. Kont fortunata ħafna għaliex wara li staqsejt għal parir permezz ta’ ‘post’ anonimu fuq ‘Women for Women (Malta)’ bdejt nitkellem ma waħda minn-nisa li kkummentawli, u din l-istranġiera b’qalb tad-deheb għenitni naċċetta dak kollu li kont qed ngħaddi minnu. Għadna ħbieb tal-qalb sal-lum il-ġurnata u jien żgur li ħa nibqa’ għal dejjem grata lejha. Imma l-aktar ħaġa li kelli bżonn hija li nkun magħquda ma familti u ma sħabi, għalhekk ġejt lura Malta.
Li nerġa nirritorna lura ma kinitx ħaġa daqshekk faċli. Kont ili fuq il-mediċina xi sitt xhur, imma l-istress li nerġa nħalli ħajti warajja, insib xogħol ġdid u ngħix m’ommi u m’oħti kien iżżejjed għalija. Qatt ma qbilt m’oħti, dejjem għamlitli ħajti diffiċli.
Ftit xhur wara li erġajt ġejt lura Malta esperjenzajt l-agħar ġurnata ta’ ħajti. Kont qed inħossni veru ħażin u għalhekk bgħatt messaġġ lill-ħabiba tiegħi biex ngħidilha li d-dipressjoni kienet qed tħalli impatti negattivi wisq fuqi u li kelli bżonn nitkellem ma xi ħadd. Madankollu xħin weġbitni qaltli li kienet bieżla ħafna u li kull ma kelli nagħmel hu li nirrilassa ftit. Għalhekk qbadt u mort dawra bil-karozza.
Ma stajtx naħseb sew u spiċċajt kelli aċċident jien u sejra d-dar. Għal grazzja t’Alla ħadd ma weġġa’, imma spiċċajt farrakt in-naħa ta’ quddiem tal-karozza. Qatt ma kelli inċidenti qabel u ġġennint. Ċempilt l-ommi u minflok staqsietni jekk kontx weġġajt, ommi rrabjat u m’offriet l-ebda għajnuna. Nifhem li forsi ma kienx qed iħossha sew dakinhar, imma ftit sapport emozzjonali kien ikun t’għajnuna. Xtaqt inżomm il-karozza fil-garaxx sakemm neħodha għand il-mekkanik għax il-magna kienet tidher u l-ansjeta’ ġagħlitni niffissa li xi ħadd seta jisraqhieli. Dan il-ħsieb ikkawża argument m’ommi, imma fl-aħħar hija qablet u ħallietni.
Mort id-dar, daħħalt il-karozza fil-garaxx u fittixt l-ommi għas-sapport. Lill-ommi għidtilha li d-dipressjoni kienet qed taffetwani u li ma flaħtx nissaporti dak kollu li kien qed jiġrili. Mhux talli offrietli sapport, talli qaltli li jiena traskurata u li kont qed inġibhom bi kbar iżżejjed. Għalhekk iddeċidejt nqatta’ lejl ma sħabi ħalli naljena rasi. Saqsejtha jekk stajtx nuża l-karozza tagħha peress li ma stajtx nuża tiegħi, iżda reġa’ nqala argument ieħor. Spiċċat daħlet oħti fin-nofs u mbuttatni, allura jien imbuttajta lura. Dak il-ħin ommi qalet erba’ kelmiet li għadhom jidwu f’moħħi sal-lum il-ġurnata…qalet li m’għandha l-ebda rispett lejja.
Ma nafx x’daħal fija dak il-ħin…li naf hu li ħarist lejn iż-żewġ kaxxi tal-antidipressanti li kont xtrajt dakinhar filgħodu, u dlonk beda jidwi l-ħsieb f’moħħi li jiena kont biss piż fuq ħaddieħor. Xtaqt nisparixxi u nagħmel ħajjet ħaddieħor aħjar.
Ktibt ittra bil-kliem “Jiddispjaċini li jien piż fuqek, mhux se nkun aktar” u ħallejtha fuq l-imħadda. Qbadt iż-żewġ kaxxi u pakkett sigaretti u ħadthom miegħi fil-gallarija. Jien kont l-unika waħda li npejjep hemm ġew u għalhekk ħadd ma kien se jsibni hemmhekk. Bqajt inħares lejn il-pilloli. Kont naf li m’hijiex id-deċiżjoni t-tajba, imma ma flaħtx aktar is-sensazzjoni ta’ vojt li kont qed inħoss fija nnifsi. Ridt li dan l-uġiegħ jieqaf. Ippruvajt nibgħat xi messaġġi lil sħabi, xtaqt li kien hemm min jgħinni u ma kontx f’pożizzjoni li nsuq.
Jien u nħares lura lejn dak il-mument ikrah, naf li dak il-ħin kull ma kelli bżonn kien sapport. Kelli bżonn lil xi ħadd li jista’ jifhem minn xiex jien għaddejja minnu u li seta’ jikkonvinċini li jien ma kontx piż żejjed fuq ħaddieħor.
Imma sħabi kollha nzertaw kienu mal-‘partners’ tagħhom u meta weġbuni qaluli biex nirrilassa u mmur fis-sodda, jew nixrob tazza nbid. Bgħatt messaġġ lil persuna veru imporanti għalija, fejn ktibt li kelli bżonn immur l-isptar. Bqajt bla tweġiba. Qatt ma ħassejtni daqshekk waħdi f’ħajti. Ħassejt li ħadd ma kien jinduna jekk nitlaq, u li ma kont infisser xejn għal ħadd, u li ħajti kienet bla skop. Għalhekk bdejt nibla’ l-pilloli. Ħadt ħdax, u waqaft biss biex inpejjep l-aħħar sigarett.
Dak is-sigarett salvali ħajti. Dak il-ħin irrealizzajt x’kont qed nagħmel. Ġrejt għal ġol-kamra tal-banju u ċempilt fuq 112 u għidtilhom b’dak li kont għamilt.
Ommi semgħetni nibki, imma minflok ġiet tistaqsi jekk kontx ok, qabdet tgħajjat miegħi u tgħidli li qed nagħmel kull ma nista’ għall-attenzjoni u li ma nistax noqgħod nagħmel hekk kull meta ma niħux dak li xtaqt. Niftakar li ppanikjajt ħafna meta ġew il-pulizija u staqsejthom jekk kinux se jeħduni l-ħabs. Huma qaluli li ġew jiċċekkjaw jekk kienx kollox orrajt u sabiex ngħidilhom għala kont ħadt il-pilloli, u mhux biex jeħduni l-ħabs. Wara ġiet l-ambulanza u ħaditni l-isptar. Ommi ma ġietx miegħi, mort waħdi.
Għalkemm tinstema’ ħażina, niftakarni nħoss sensazzjoni ta’ serħan is-sekonda li ħriġt mill-enerġija negattiva li kien hemm fid-dar t’ommi. Meta kont fil-kamra tal-emerġenza tfaċċaw tnejn minn sħabi għax kienet bgħatitilhom ommi. Qagħdu miegħi sakemm irremettejt ix-xarba tal-faħam orribbli li kienu tawni l-infermiera biex inneħħi t-tossiċi minn ġo fija.
Il-ġurnata ta’ wari ġie jżurni membru tal-familja u għamilli ‘lecture’ fuq li jien ma kellix nagħmel dawn l-affarijiet għall-attenzjoni. Li għax ommi ma tagħtnix il-karozza ma kellhiex tkun raġuni valida biex nieħu l-pilloli u nħalli nota. Ippruvajt nispjega kif ħassejtni. Ippruvajt infiehmu li kont b’dipressjoni, imma hu ma riedx jismagħni u jifhimni. Sadanittant, bdejt nirċievi messaġġi mingħand dawk in-nies li kont bgħatt, fejn qaluli li fottejtilhom is-Sibt filgħaxija u li m’għandix nagħmel dan kollu għall-attenzjoni u li aħjar mort norqod meta ħassejtni ħażin. Dak il-ħin irrealizzajt li kelli nibda’ noqgħod il-bogħod minn dawn in-nies daqstant tossiċi f’ħajti.
Kont ninsab fuq ‘suicide watch’, u l-‘carers’ kienu varement ġentili miegħi. Qatt m’hu se ninsihom. Waħda minnhom għamlitli ‘lecture’ sħiħa biex tgħidli li dak il-mument kien se jgħaddi u li ma tridx terġa tarani hemm ġew.
Jien u se nikteb il-parti li jmiss qed nemozzjona ruħi, għaliex niftakar kemm kienet appoġġjatni. Persuna li ma kinitx tafni kienet taf eżatt x’kelli bżonn dak il-ħin. Dejjem se nkun grata lejn dawk iż-żewġ nisa partikolari. Bqajt ħbieb magħhom tul dawk it-tlett ġimgħat. Tabiba u terapista ħolistika. Ħarġuni, issapportjawni u semagħuni. Tawni eżattament dak kollu li kelli bżonn.
Bil-mod il-mod bdejt niġi aktar b’saħħti. U xtaqt ukoll ngħin lil ta’ madwari. Dawk il-ħbieb li qgħadt magħhom għenuni nerġa nibda nixtieq ngħix. U għal dan dejjem se nibqa’ grata lejhom. Ftit wara krejt post għalija u addottajt kelb, u sar l-aktar ħaġa li ttini s-saħħa, għax żgur li qatt ma jien se nabbandunah. Jien id-dinja kollha tiegħu u hu tiegħi. Meta jkolli ħsibijiet ta’ suwiċidju nħares lejh u niftakar li rrid ngħix għalih, imbagħad dak il-mument jgħaddi.
Ma jiddispjaċini xejn li dakinhar ċempilt l-ambulanza. Ma jiddispjaċinix li salvajt ħajti jien stess. Minn dak iż-żmien l-hawn, jien sibt ħbieb li verament jissapportjawni. Jifhmu li xi kultant ikolli nwarrab minn magħhom xi kultant, u l-aqwa ħaġa hi li jekk jien ma nweġibx il-messaġġi jew ma nweġibx meta jċempluli, jiġu quddiem il-bieb biex jaraw li jien ok. Inħossni tassew iffurtunata li għandi lil dawn in-nies f’ħajti. Il-lum il-ġurnata ommi mxiet xi ftit il-quddiem mill-mentalita’ li ‘dik hi biss fażi’ u issa bdiet tipprova tifhem minn xiex qed ngħaddi. U għalkemm ma tifimhiex, naf li qed tipprova u dik il-ħaġa napprezzaha.
Nixtieq li jkun hawn aktar kuxjenza dwar is-saħħa mentali. U nixtieq li l-gvernijiet ta’ madwar id-dinja jifhmu kemm is-saħħa mentali taffettwa l-kwalita’ tal-ħajja tal-persuna.
Il-ħajja tiswa’ wisq, u minħabba f’hekk ikolli naħdem jiem twal f’żewġ impjiegi differenti biex inkun nista’ nlaħħaq mal-ispejjeż, u dan ovjament ma jgħinx il-kundizzjoni tiegħi. Dan l-aħħar kont kapaċi naffordja affarijiet bħal laptop, nuċċali bir-riċetta u ikla f’restorant mal-ħbieb.
Il-messaġġ li nixtieq nibgħat lill-irġiel, nisa u tfal li jsofru minn xi tip ta’ problemi mentali huwa li l-kundizzjoni dejjem se tkun parti minnek, imma M’HIJIEX inti. Il-PTSD tiegħi hija parti minni, u għalkemm nixtieq li kelli tfulija normali mimlija mħabba u affezzjoni minflok swat u tgħajjir, xorta kieku mmur lura ma nbiddel xejn, għax jien il-persuna li jien illum il-ġurnata minħabba dak kollu li kien ġrali. Jiena kburija b’min jien u b’kemm imxejt il-quddiem minkejja li ma kellix l-appoġġ adekwat fi tfuliti.
Kont nuża l-kundizzjoni tiegħi bħala skuża biex ma nlestix l-affarijiet, imma bit-terapija u bis-sapport li jagħtini ċ-ċirku ta’ ħbieb li għandi llum, jien irnexxieli nibda negozju żgħir li s’issa qed jimxi sew. M’għandix ‘degrees’ mill-Universita’ peress li bdejt naħdem ta’ 18-il sena, imma xorta ġejt impjegata minn xi wħud mill-akbar kumpaniji fid-dinja waqt li kont qed nibni lili nnifsi mix-xejn u dan kollu MINKEJJA l-kundizzjonijiet mentali tiegħi. Jekk irnexxieli jien, int jirnexxilek ukoll.
Nixtieq nieħu din l-opportunita’ biex ngħid lil dawk kollha li jsibuha bi tqila biex iqumu mis-sodda kull filgħodu, li m’humiex weħidhom. 1 minn kull 3 persuni għandhom l-ansjeta’ u d-dipressjoni f’Malta. U għal dawk minnkom xortikom tajba li m’għandkomx l-ansjeta’ u d-dipressjoni – jekk joġobkom kellmu u ħudu ħsieb lil sħabkom.
Ħadd ma jemminni meta ngħid li għandi d-dipressjoni għax jien mara pożittiva, dejjem nidħak. Jien dik it-tip ta’ persuna li dejjem tgħin lill-oħrajn u li niftaħar għax kapaċi nferraħ lill xi ħadd li litteralment iħossu mejjet. Jien nidentifika ħafna ma Robin Williams għaliex nagħmel dawk l-affarijiet għas-sempliċi raġuni li naf x’jiġifieri li tħossok waħdek, li tħossok vojt u li qed taħli l-ossiġnu li tuża. Din hija ħajti. Nidħak u nitbissem minn barra imma niġġieled ġlieda li ma tieqaf qatt minn ġewwa. Jien b’saħħti aktar mill-PTSD tiegħi, b’saħħti aktar mill-ansjeta’ u b’saħħti aktar mid-dipressjoni. U inti wkoll. Kull m’għandek bżonn hi li temminha.
Jekk qed tesperjenza xi problemi relatati mas-saħħa mentali tibżax titkellem. Tista tibbukkja appuntament għal sessjoni ta’ terapija mar-Richmond Foundation billi ċċempel fuq 21445551 jew 79990409, jew inkella tibgħat imejl fuq [email protected]. Tista wkoll tikkuntattja lil Kellimni fuq https://kellimni.com/, li joffru sapport biċ-‘chat’, imejl jew bil-messaġġi.