Jiena omm żagħżugħa ngħix hawn Malta mas-sieħeb tiegħi u żewġ subien li minn ċkunithom diġa qed juru kemm għandhom moħħhom jilħqilhom, biex ma nsemmux il-ftit ras iebsa mhux ħażin ukoll. Il-kbir jagħlaq 3 snin fil-ħarifa filwaqt li ż-żgħir għandu biss 4 xhur, iġifieri għadni relattivament ġdida għall-irwol tiegħi bħala omm. Bħal ħafna nisa oħra, l-aspettattivi li kelli dwar il-maternita’ ħabbtuni ħafna għal tul ta’ żmien. Sibt lili nnifsi maqbuda f’ konflitt kontinwu miegħi innifsi minħabba li mhux dejjem kont qed nara lili nnifsi bħala omm perfetta. Madankollu, bil mod il-mod bdejt nagħmel paċi miegħi innifsi billi naċċetta r-realta’ tal-maternita’, li hija ferm differenti minn dak li spiss naraw fuq paġni tal-midja soċjali, jew dak li filfatt nagħżlu li ngħidu lill-ħbieb u l-familji tagħna.
Fi ftit kliem, il-vjaġġ tiegħi bħala omm ma kienx kif kont qed nistenna. Minn mindu kont żgħira kont bnejt stampa partikolari dwar il-maternita’, li eventwalment ma ħallitnix inkun ippreparata biżżejjed għall-esperjenza reali.
Sibt lili nnifsi f’ sitwazzjonijiet diffiċli wisq, u b’ emozzjonijiet li qatt ma ħsibt li nista nesperjenza.
Is-sens ta’ ħtija li ħakmitni meta rajt lili nnifsi nitbiegħed ferm il-bogħod minn dik l-immaġni tal-maternita’ kienet kbira wisq. Nammetti li m’ inix l-omm li ħsibt li kont ħa nkun, jew l-omm li nippretendi li jien. Għalhekk huma ħafna d-drabi li nħoss il-bżonn li nipproteġi l-emozzjonijiet reali tiegħi minn dawk kollha li nħobb.
Bħala omm żagħżugħa spiss sibt lili nnifsi mitlufa fi ħsibijieti. Fallejt kemm il-darba milli nkun dik l-omm li xtaqtni nkun. Kull darba li kont nara stampi ta’ ommijiet oħra viżibbilment kuntenti u b’ dehra ta’ bla ħsibijiet żejda kont inħossni mweġġa. U meta kont nisma l-ħbieb u l-familjari jitkellmu dwar il-paċenzja u ferħ li kienu jesperjenzaw huma mingħajr problemi ta’ xejn, kont awtomatikament inħoss li forsi jien kont omm ‘difettuża’. Għalhekk spiss kont naħbi l-insikurezzi tiegħi u nagħti l-impressjoni li l-maternita’ kienet xi ħaga “tal-għaġeb”. L-unika ħaġa li kienet ittini kuraġġ kienu s-sigħat li kont inqatta’ nfittex onlajn f’ forums anonimi dwar ommijiet ‘imperfetti’.
Grazzi għal dan irnexxieli niskopri u nirrealizza li l-maternita’ reali hija eżattament dak kollu li kont qed nesperjenza jien.
Mal-ferħ, daħk u mħabba hemm ukoll emozzjonijiet negattivi bħar-rabja, frustrazzjoni u anke riżentiment. Mal-mumenti prezzjużi hemm ukoll mumenti ta’ disperazzjoni.
L-unika żball ewlieni li għamilt kien li ma ridtx naċċetta din ir-realta’ u kont filfatt nagħmel kull ma nista biex naħbiha.
Irnexxieli nitgħallem kemm hu mportanti għalina l-ommijiet li nkunu kompletament onesti. Kull darba li nipprovaw inpinġu lilna nfusna bħala ommijiet kompletament kuntenti, inkunu qed nidħku bina nfusna u b’ ta’ madwarna. Hemm bżonn li niċċelebraw il-maternita’ kif tassew hi.
Il-maternita’ hija taħlita ta’ mumenti sbieħ, dmugħ u rabja, biża bla raġuni, ħtija soffokanti u mħabba bla qies, li tagħmel il-maternita’ esperjenza unika. Hija vjaġġ li nesperjenzaw flimkien ma’ uliedna, u l-ebda esperjenza ma tista tkun l-istess bħall-oħra.
Il-ħsieb aħħari tiegħi hu li nagħti unur lill dak li verament ifisser li tkun omm, permezz ta’ l-esperjenza reali tiegħi, bi trasparenza u onesta’ kompleta dwar ir-realta’ tal-maternita’. Qed naqsam magħkom l-emozzjonijiet veritiera tiegħi, ħsibijiet u esperjenzi, bit-tama li nagħmel kuraġġ lin-nisa kollha biex jagħmlu l-istess. Ninkuraġġikom kollha biex taħfru lilkom infuskom. Ifhmu li l-perfezzjoni hija mpossibbli, wara kollox aħna umani. Nixtieq ukoll li aħna n-nisa ommijiet nippreparaw lil dawk li għadhom ma bdewx il-vjaġġ tal-maternita’ billi naqsmu l-esperjenzi tagħna dwar ir-realta’ tal-maternita’ bl-iktar mod onest possibbli.
Raw Motherhood jagħtik il-verita’ kollha u onesta dwar l-esperjenza ta’ omm, bit-tlajja u l-inżul kollha li toffrilha l-ħajja waqt li trabbi l-uliedha.