Share the love

Aħna ta’ Wham dejjem ninteressaw ruħna f’ avvenimenti differenti, u huwa pjaċir kbir tagħna li ngħarrfu lin-nisa dwar opportunitajiet ġodda ideali għalihom. Kien għalhekk li meta smajna dwar grupp ta’ nisa li jilgħabu l-‘polo’ ħassejna l-bżonn li nindagaw dwaru minnufiħ.

Personalment ma tantx naf dwar il-‘polo’ apparti li dan jintlagħab minn fuq żiemel u li jidher kemmxejn perikoluż għalija li nibża ħafna miż-żwiemel. Iżda xorta ħassejt il-bżonn li nfittex aktar, speċjalment biex inkun nista’ ngħaddi informazzjoni u kuraġġ lin-nisa qarrejja tagħna. Għalhekk irħejtilha lejn l-Arena Polo f’ Montekristo Estates biex insir naf aktar dwar dan l-isport u n-nisa kuraġġużi li jilgħabuh.

Iltqajt ma’ Steve Vassallo li huwa l-kowċ u t-trejner ta’ dan l-isport. L-aħħar li kont tkellimt ma’ Steve kien fi żmien meta kien ibigħ l-antikitajiet, u kont ili snin ma’ narah. Ridt niskopri aktar dwar dan is-suġġett intriganti.

Steve, personalment ma’ naf xejn dwar l-Arena Polo; dak li naf huwa bbażat fuq dak li għadni kemm rajt hawnhekk. Innotajt li l-blalen li bihom dan l-isport jintlagħab jidhru differenti minn blalen normali, bħal ngħidu aħna l-blalen li jużaw il-Prinċep Charles u Camilla, simili ħafna ta’ blalen tal-futbol li jilgħabu bihom tfal ta’ tlett snin. Tista tispjegalna ftit dwar id-differenza ta’ bejn l-Arena Polo u Polo ieħor?

Iva, filfatt il-blalen huma differenti. Fl-Arena Polo nużaw blalen tal-ġilda ddisinjati apposta biex jiġu mmobilizzati f’ distanzi żgħar. Dan jagħmilha aktar faċli biex jintlaqtu u jibbawnsjaw. Arena Polo huwa ekkwivalenti għal ‘5 a side football’. Meta l-Polo jintlagħab fil-ħaxix, jintużaw blalen iżgħar magħmulin minn plastik aktar iebes li jkun kapaċi jiġi mmobilizzat f’ distanzi akbar minħabba li l-‘pitch’ tkun ħafn’ akbar. L-Arena Polo ġie ntrodott madwar għaxar snin ilu bil-ħsieb li jattratta ‘beginners’ li ma kienx ikollhom bżonn jonfqu ħafna flus biex jilgħabu.

Niftakarni naqra xi mkien li l-Polo huwa l-aktar sport perikoluż wara t-tlielaq tal-karozzi minħabba li huwa sport li jirrikjedi għaġġla, żwiemel ikkargati, mazez itiru l-hemm u l-hawn, apparti l-ballun. Huwa korrett li ngħid li f’ din il-verżjoni ta’ Polo li qed nara hawn inaqqas dawn ir-riskji minħabba li l-ballun użat inaqqas l-għaġġla?

Minħabba l-fatt li l-Arena Polo jirrikjedi żwiemel jiġru, l-element ta’ periklu dejjem ikun hemm. Madankollu l-ballun użat, minħabba li magħmul mill-ġilda, jnaqqas ir-riskju. Personalment ili nilgħab il-Polo għal 33 sena, u ġieli weġġajt, iżda nista nassigurakom li jekk persuna ssegwi r-regoli stipulati u tisma mill-kowċ, il-periklu jitnaqqas drastikament.

Għandek xi messaġġ li tixtieq tgħaddi biex ninkuraġġixxi l-kull min qed jaħsibha biex jipprova dan l-isport?

Huwa sport li jqanqal ferħ, eċitament u pjuttost inkuraġġanti.

Ikolli ngħid li ħadt gost ħafna nara l-ħila tal-plejers f’ dan l-isport, speċjalment minħabba l-fatt li jkollhom jikkontrollaw iż-żiemel, jagħtu attenzjoni lill-opponent tagħhom kif ukoll jipprovaw jolqtu l-ballun waqt li jkunu rikbin u għaddejjin b’ ħeffa ġmielha…

Taħseb li kulħadd kapaċi jitgħallem jilgħab l-Arena Polo mill-bidu nett inkluż kif tirkeb fuq żiemel bl-għan li tilgħab l-Arena Polo? Jew huwa neċessarju li persuna tkun diġa kapaċi tirkeb żiemel sew qabel tikkonsidra li tieħu sehem f’ dan l-isport?

Iva, tista’ tibda titgħallem mill-bidu nett. Filfatt dan jista’ jkunlek aktar utli għaliex il-Polo jintlagħab b’ mod li aħna nsejħu ‘half seat’, u rikkieba li jiġu għandna minn dixxiplini oħra ma’ jużawx dan il-mod u spiss isibuha kemmxejn iebsa biex jibdlu l-mod li jkunu tgħallmu qabel. Għalhekk, persuna li titgħallem hawn mill-bidu tista’ titgħallem mill-ewwel bil-mod korrett, ideali għall Polo.

Allura inti toffri lezzjonijiet ta’ rkib taż-żwiemel lill-nies li qatt ma rikbu żiemel qabel? Jew biss lezzjonijiet ta’ l-Arena Polo lil min diġa’ jaf jirkeb?

Personalment nagħti lezzjonijiet lill-kull min jixtieq jilgħab Arena Polo, anke lill-min qatt ma rikeb żiemel. Fil-fatt uħud mill-plejers li għandi hawn kienu totalment ġodda sa sena ilu, u llum il-ġurnata huma plejers tajbin ħafna.

Jekk xi ħadd diġa’ kapaċi jirkeb fuq żiemel u huwa kuraġġuż bħal dawn in-nisa u jixtiequ jitgħallmu jilgħabu Arena Polo – jistgħu jiġu biss għall-lezzjonijiet tal-Polo? U jekk diġa’ jafu jilgħabu Polo – għandhom bżonn li jkollhom żiemel tagħhom, jew jistgħu jiġu u jsibu żiemel bil-lest u jitilqu wara?

Biex jiġi stabbilit jekk persuna hix kapaċi tirkeb jew le trid tiġi għall-ftit lezzjonijiet minn qabel. Le, jien nipprovdi żiemel lil min jiġi hawn. Dejjem nagħmel ċert li l-plejer ikun komdu fuq iż-żiemel qabel ma jibda’ jilgħab, u għalhekk dejjem ikun hemm bżonn ta’ lezzjoni. Għandi żwiemel ittrenjati għal kull livell ta’ Polo li jkollhom il-plejers li jiġu hawn.

Ġieli smajt min jgħid li l-Polo huwa sport jiswa’ ħafna, iżda smajt ukoll li ‘snow skiing’ huwa ħafna iktar ‘expensive’ – kemm jiswa biex tiġi tilgħab Polo jew biex titgħallem tirkeb fuq żiemel?

Waħda mir-raġunijiet għala Arena Polo ġie kkreat kienet biex jinżamm prezz baxx. Lezzjonijiet biex titgħallem tirkeb żiemel jiswew €35 u għal dawk li m’ għandhomx iċ-‘chukkas’ tagħhom, dawn jiswew €15 kull waħda.

Tista’ persuna tiġi tara biss jew forsi tipprova sessjoni waħda ta’ darba? Tista’ tagħtina xi dettalji fejn jistgħu jikkuntattjawk għal aktar informazzjoni dwar dan l-isport?

Iva, kulħadd jista’ jiġi jara biss. Għandna zona sabiħa apposta minn fejn dak li jkun jista’ jsegwi l-logħba fl-arena. Kull min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja lili personalment fuq 79537550, jew iżur il-websajt tagħna maltaarenapolo.com.

Bla dubju dan l-isport jista’ jintlagħab mill-irġiel ukoll, u huwa inkoraġġanti ħafna li tara sport fejn ma’ teżistix differenza bejn is-sessi; fejn nisa u rġiel jistgħu jilgħabu flimkien fl-istess timijiet: xi ħaġa rari f’ ħafna mill-isports. Madankollu faċli ninnota li llum in-nisa huma f’ numru ħafna akbar mill-irġiel, u kien ta’ sodisfazzjon bkir nara nisa daqshekk kunfidenti, potenti u kuraġġużi.

Il-Polo huwa probabbilment l-unika sport ta’ kuntatt fejn iż-żewġ sessi jistgħu jilgħabu flimkien jew kontra xulxin. Fil-Polo kull plejer jikkontribwixxi bl-iżvantaġġi tiegħu lejn it-tim. Id-differenza tiġi mogħtija f’ ‘goals’.

Aktar tard iltqajt man-nisa li kienu qed jilgħabu l-Polo waqt l-intervista, biex nisma direttament mingħandhom dwar dak li jaħsbu rigward l-Arena Polo:

Il-Polo huwa possibilment l-unika sport li wieħed jista’ jikkompeti b’ mod ugwali fejn jidħol il-ġeneru, minħabba l-fatt li t-tekniki u t-talenti huma l-aktar importanti, u mhux is-saħħa fiżika. Il-Polo jista’ jagħti l-opportunita’ biex persuna tkun parti minn sport li jinkoraġġixxi ‘team work’ kif ukoll ħbiberiji.

Tania

Bdejt nirkeb madwar sentejn ilu, u bdejt nilgħab Polo fl-aħħar ftit xhur. Ma tagħmilx differenza jekk tkunx raġel jew mara, u meta tkun qed tiffoka fuq il-ballun litteralment tinsa li għandek żiemel taħtek! Polo huwa sport eċitanti ħafna kif ukoll soċjali. Nieħdu gost kemm fuq il-‘pitch’ kif ukoll apparti.

Serena

Polo huwa l-uniku sport fejn kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jistgħu jikkompetu flimkien fuq livell għoli. L-importanza ddur madwar it-teknika użata u mhux il-forza, u għalhekk li tolqot il-ballun bis-saħħa ma’ jagħtix vantaġġ akbar. In-nisa kapaċi jikkomunikaw ħafna u huma t’ għajnuna kbira, u dan jagħmel l-Arena Polo logħba li toħloq sens kbir ta’ ferħ!

Laura (bdiet tilgħab Polo madwar sentejn ilu u ma’ kienet qatt rikbet qabel)

Jekk xi ħadd jixtieq isib mezz kif inaqqas l-istress wara xi ġurnata xogħol jew skola, jew mezz li bih tista’ tonqos mingħajr ma’ tmur sal-‘gym’, m’ għandux iħares aktar il-bogħod mill Polo. Qatt ma kont ferħana aktar milli waqt li nkun nilgħab il-Polo, u l-komunita’ kbira li hija relatata ma’ dan l-isport iżżid dan il-ferħ!

Nikki

Jekk inti nteressata li tibda titgħallem tirkeb jew tilgħab Arena Polo tista’ tikkuntattja lil Steve Vassallo dirett fuq 79537550.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *