Kull sena eżattament fl-10 t’Ottubru tiġi osservata l-‘World Mental Health Day‘, bl-oġġettiv ewlieni tagħha jkun li titqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali kif ukoll li jingħata s-sapport fejn ikun hemm bżonn. F’din il-ġurnata, individwi u istituzzjonijiet li għandhom il-poter biex iġibu l-bidla huma inkoraġġuti jitkellmu fuq ix-xogħol tagħhom mall-komunita’, kif ukoll jenfasizzaw iz-zoni li fihom jidher li hemm bżonn titjib.
Din is-sena ‘World Mental Health Day’ ġiet fi żmien partikolari fejn in-nuqqas ta’ sigurtà, biża’, ansjetà, fost emozzjonijiet negattivi oħra, qed jegħlbu ħafna ħajjiet ta’ nies. Din iż-żieda hija kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li qed tiddisturba ħafna aspettattivi fis-soċjeta’: fuq livell personali, soċjali u ekonomiku. Minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, ħafna individwi li ġejjin minn toroq differenti tal-ħajja qiegħdin ibagħtu minn iżolament soċjali aktar minn qatt qabel.
Għal din ir-raġuni, l-għan aħħari tal-‘World Mental Health Day’ ta’ din is-sena huwa li naraw żieda fl-investiment għas-servizzi relatati mas-saħħa mentali.
Esperjenza Personali tad-Dipressjoni
Illum il-ġurnata sirt nagħraf kemm hu mportanti li nqajmu kuxjenza dwar suġġetti li qegħdin f’qalbna speċjalment meta jkunu bbażati fuq esperjenzi personali. B’hekk iddeċidejt li naqsam magħkom kelmtejn dwar il-battalji personali tiegħi mad-dipressjoni li għaddejt minnhom fil-passat.
Esperjenzajt id-dipressjoni f’żewġ perjodi differenti f’ħajti. Dawn il-perjodi seħħew madwar sena jew sentejn wara li wellidt tnejn mit-tlett’ ibniet tiegħi. Illum inħares lura u nirrealizza li kien hemm sitwazzjonijiet partikolari f’ħajti li wassluni biex nesperjenza d-dipressjoni, imma sakemm sibt il-kuraġġ u bdejt naħdem fuq dawn is-sitwazzjonijiet, id-dipressjoni tiegħi ippresistiet avolja kont qed nieħu l-medikazzjoni preskritta lili mit-tabib.
Niftakarni nqum filgħodu, ġurnata wara ġurnata, u l-ewwel ħsieb tiegħi kien ikun li ngħodd is-sigħat sakemm kont inkun nista’ nerġa nidħol lura fis-sodda. L-irqad kien l-unika ħaġa li kien inessini l-problemi li kelli.
Niftakar ġranet fejn kelli nisforza lili nnifsi biex nidħol ninħasel. Ma kellix motivazzjoni, lanqas biex ninħasel. Kull ħaġa żgħira kienet saret xi ħaġa kbira u trivjali għalija.
Il-futur? Ma kienx jeżisti għalija. Ma stajtx naħseb fuq affarijiet oħra minbarra fuq il-ħin li kien imiss biex nerġa norqod. Kull ma xtaqt kien li nagħlaq għajnejja u ninsa fejn kont qed ngħix. Ħajti ma kienx għad fadlilha skop. Kont sempliċiment qed neżisti u mhux ngħix.
L-unika saħħa li kelli dak iż-żmien kont qed nużaha biex nitma’ lit-tfal tiegħi. Qatt ma ħallejthom bil-ġuħ, qatt ma ħallejthom mingħajr kull ma kellhom bżonn, anzi dejjem rajt li nagħtihom dak kollu li stajt intihom. Tajthom kull ħaġa li kien fadal minni. Sfurzajt tbissima kull meta kienu madwari. Kont nidħal u nilgħab magħhom, nieħu ħsieb l-edukazzjoni tagħhom, nissapportjahom fix-xogħol tad-dar li kienu jagħtuhom l-għalliema tagħhom, kont naċċerta ruħi li dejjem ikollhom ħwejjeġ nodfa…
Imma kien hemm mumenti fejn kont nistenna bil-ħerqa l-waqt li narahom interessati f’ xi film li jkunu qed isegwu. Dak il-mument kien ifisser li jien stajt naħrab sal-kamra tal-banju, nibki bikja qawwija waħdi u malajr, nimsaħ id-dmugħ u nerġa noħroġ fejn it-tfal b’maskra ta’ ferħ daqs li kieku qatt ma kien xejn.
Aspett ieħor relatat mas-saħħa mentali… is-suwiċidju. Għalkemm qatt ma ppruvajt nikkommetti suwiċidju fil-passat, ikolli nammetti li kien hemm mumenti fejn il-ħsibijiet tiegħi kienu ‘jiddiskutu’ b’mod kontinwu dwar jekk waqgħa minn post partikolari kinitx tikkawża l-mewta tiegħi ħabta w’sabta, jew kinitx tneħħili biss il-mobbilta’, jew jekk nitfa’ lili nnifsi quddiem karozza b’veloċita’ qawwija kinitx toqtolni mal-impatt…
Din hija r-realta’ li d-dipressjoni ġġib magħha. Kont nilbes il-maskra ferrieħa tajjeb ħafna, imma minn ġewwa kont mejta. L-unika ħaġa li waqqfitni milli nimmaterjalizza dawn il-ħsibijiet koroħ kienu t-tfal. L-imħabba tiegħi għalihom u l-imħabba tagħhom għalija kienet il-ħaġa li żammitni ħajja f’dak iż-żmien tant diffiċli.
Minn barra kont mara żagħżugħa, dejjem bi tbissima fuq fommi, dejjem lesta biex ngħin lill-kulħadd. Omm ferriħija. Omm li kellha kollox. Imma minn ġewwa kont qed inwerżaq u ngħajjat għall-għajnuna. Qalbi kienet muġugħa… dan l-uġiegħ ma kellux x’jaqsam ma uġiegħ ikkawżat minn problemi kardjovaskulari… l-uġiegħ li kien f’qalbi kien uġiegħ emozzjonali. Ħassejtni mejta.
Wara li ħdimt fuq il-kawża ewlenija li kienet wasslitni għad-dipressjoni bit-terapija u kotba u artikli li joffru mezzi ta’ ‘self-help’, meditazzjoni u aktar, irnexxieli negħleb dawk il-ġranet iebsa. Imma qatt mhu se ninsa fejn kont qabel ma sirt il-mara li jien illum. B’hekk inħoss li għandi bżonn inqajjem kuxjenza fuq ħafna aspetti ta’ ħajti, u waħda minn dawn l-aspetti hija s-suġġett tal-llum.
Id-dipressjoni tisraqlek ħajtek. Id-dipressjoni ġġiegħlek tħossok li d-dinja aħjar mingħajrek. Id-dipressjoni ġġiegħlek tħossok li inti qed titfa’ piż fuq is-soċjeta u fuq dawk ta’ madwarek. Id-dipressjoni hija qattiela siekta…
Qatt m’għandek tissottovaluta l-qawwa li għandha tbissima, ġest sabiħ, u l-kapaċita’ li tisma’ u toffri spalla lil min għandu l-bżonn. Qatt tissottovaluta persuna li tiftaħ qalbha miegħek dwar il-problemi tagħha, u tgħidlek li qed tħossha mħassba u mdejqa ħafna. Tgħidx frażijiet bħal “issa tara kif tħossok aħjar, ħares ħarsa madwarek… hemm ħafna aktar nies li qiegħdin f’sitwazzjonijiet agħar minnek!”. Le, dik il-frażi ma tgħinx. Kultant li tisma’ jaf ikun biżżejjed. Offri s-sapport tiegħek. Agħmilha ċara li se tkun hemm għall-persuna. Uri lil din il-persuna li inti lesta tgħina u tissapportjaha… u jekk għal xi raġuni ma tistax, fittex entitajiet li jistgħu ikunu ta’ għajnuna. Lissen il-kliem maġiku “Inti m’intix waħdek… jien qiegħdha hawn biex nissapportjak”…
Innaqqsu l-Istigma Eżistenti Lejn is-Saħħa Mentali
Xi kultant l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu bħala umani hija li noqogħdu mal-ġenb, nosservaw u ngergru dwar is-sitwazzjoni kurrenti, imma fl-istess ħin ma nagħmlu xejn biex nippromwovu l-bidla neċessarja. Aħna min aħna, xorta nistgħu nużaw leħinna u nqajmu kuxjenza fis-suġġetti li għad hemm bżonn.
Għalkemm l-għarfien dwar is-saħħa mentali inbidel ħafna minn kif kien meqjuż fil-passat, xorta fadal ċerta stigma dwaru. Biex innaqqsu l-istigma hemm affarijiet li kull wieħed u waħda minna nistgħu nagħmlu biex inħeġġu l-ugwaljanza u l-inklużjoni ta’ l-individwi li qed jaffaċċjaw kwistjonijiet ta’ saħħa mentali:
Tkellem dwar is-saħħa mentali: aktar ma nitkellmu dwar is-saħħa mentali bħala suġġett komuni li qed jaffettwa ammont kbir t’individwi, aktar inkunu nistgħu innaqqsu l-istigma relatata.
Eduka lilek innifsek: biex jitkellem fuq is-suġġett, wieħed irid ikun infurmat sew. Illum il-ġurnata, aħna fortunati biżżejjed li għandna informazzjoni bla limitu dwar kull suġġett li aħna interessati fih. Jekk taqra sew fuq is-suġġett u ssir taf aktar dwaru, inti tkun tista’ tinvolvi ruħek waqt diskussjonijiet publiċi u onlajn, u xxerred informazzjoni affidabbli u bbażata fuq l-evidenza.
Għażel kliemek sew:L-istigma tista’ tiżdied jekk ikun hemm użu ta’ kliem mhux xieraq. F’dan il-każ, kollha kemm aħna nistgħu naqblu li hemm varjeta’ kbira ta’ kliem relatat mas-saħħa mentali li mhux xieraq, u li mhux biss juri nuqqas ta’ ftehim, imma jaffettwa wkoll b’mod negattiv lil dawk l-individwi li jsofru minn-problemi tas-saħħa mentali. Billi nagħżlu kliemna sew nistgħu inkunu qed nagħmlu differenza kbira fuq livell individwali u anke soċjali.
Uri kompassjoni: Sfortunatament, nies li jbagħtu minn ċerti problemi tas-saħħa mentali bħall-ansjeta’ u d-dipressjoni jiġu ta’ spiss akkużati li huma għażżenin, bla nteress, bla motivazzjoni u affarijiet simili. Dan m’għandux ikun aċċettabbli, imma huwa ħażin fuq diversi livelli. Mard mentali huwa dak li jixhed ismu: mard, bl-istess mod bħal ma mard fiżiku huwa mard. Irridu nitrattaw mard mentali ta’ dak li hu… mard mentali. U billi nagħmlu hekk, aħna nkunu nistgħu nuru kompassjoni u nkunu hemm għal dawk li jkunu qed ibagħtu minnu.
Inkoraġġixxi lil dawk l-individwi li qed jesperenzaw problemi relatati mas-saħħa mentali: Li tpoġġi enfasi fuq persuni b’mard mentali u titrattahom differenti minħabba dak li għandhom jista’ jġiegħel l-affarijiet imorru għall-agħar, kemm għall-individwu u kemm għas-soċjeta. Meta ninnotaw individwi li qed isofru minn mard mentali, għidilhom li m’humiex weħidhom, u li hija ħaġa veru komuni. Inkuraġġihom ifittxu l-għajnuna, u offri s-sapport meta u fejn ikun hemm bżonn.
Tkellem: Il-midja għandha t-tendenza tiffoka fuq in-negattiv minflok fuq il-pożittiv. Għala le? Fuq kollox, is-sensazzjonaliżmu jbiegħ… jew hekk donnu! Dan iwassal biex il-midja tibda tagħmel aktar użu ta’ kliem mhux addattat. Similarjament, din tiġri f’livell individwali wkoll. Jekk tidħol fuq Facebook faċli tinnota li n-nies huma istintivament inklinati lejn in-negattività. KUN DIFFERENTI… tkellem u xerred il-pożittivita’ bil-‘posts’ tiegħek, u fl-istess ħin eduka lil dawk li qed iżidu l-istigma mingħajr l-intenzjoni biex jagħmlu dan.
Jekk qed tesperjenza xi problemi relatati mas-saħħa mentali, tibżax titkellem fuq is-sitwazzjoni tiegħek. Tista’ tibbukkja appuntament għal sessjoni ta’ terapija mar-Richmond Foundation billi ċċempel fuq 21445551 jew 79990409, jew tibgħat imejl fuq [email protected]. Tista’ tikkuntattja wkoll lil Kellimni fuq https://kellimni.com/, li joffru s-sapport permezz ta’ ‘chat’, imejl u messaġġi.
Referenzi
World Health Organisation. (2020). World Mental Health Day 2020. Accessed on 10th October 2020 at https://www.who.int/campaigns/world-mental-health-day/world-mental-health-day-2020
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn