Share the love

secondary infertility

Infertilita’ sekondarja. Meta jkollok taċċetta l-fatt li l-familja tiegħek ħa jkollha biss wild wieħed anke jekk ix-xewqa tiegħek u tar-raġel kienet li jkollkom iktar…

Fl-aħħar! Għandi 35 sena u f’ dirgħajja għandi tarbija, tifel, għall-ewwel darba! Mument kbir, mument ta’ mħabba, miraklu…mument fejn l-ewwel ħsieb tiegħi kien li ibni jaqsam tfulitu ma oħt jew ħuħ ieħor. Kien għalhekk li jien u r-raġel bdejna naħsbu għat-tieni tarbija fi żmien sena mit-twelid tat-tifel tagħna. Għaddew sentejn u l-pjan tagħna kien għadu ma seħħx. Donnu ċ-ċirkustanzi kienu kontrina għal xi raġuni.

Sadattant it-tama tiegħi bdiet tonqos. Kull darba li kont nara l-ħbieb tiegħi tqal bit-tieni tarbija, kif ukoll familji b’ żewġ ulied, kont ngħid bejni u bejn ruħi, “Għaliex mhux aħna wkoll? Meta se sseħħ ix-xewqa tagħna?”

Tant bdejt inħossni frustrata li personalment bdejt nikkonsidra l-IVF u l-addozzjoni. Madankollu, żewġi huwa it-tip li jħobb jafda fin-natura, u għalhekk kemm l-IVF kif ukoll l-addozzjoni ma kienx jidher ċans għalihom. Huwa kien aċċetta l-fatt li almenu konna diġa fortunati biżżejjed li kellna wild. Iżda għalija ma kinitx faċli daqshekk biex naċċetta dan il-fatt.

Għamilt raxkament darbtejn, anke jekk kien għalxejn. Ħadt pilloli tal-ormoni, li affettwawli l-burdata tiegħi, tlabt u bkejt ħafna wkoll.

Ovjament waqt dan kollu, il-ħajja kellha tkompli, kemm id-dar kif ukoll fuq ix-xogħol. Minn dejjem kont ngħid li tfal wara erbgħin sena ma ridtx li jkolli.

Eventwalment kelli naċċetta li l-familja tiegħi kienet se tibqa tikkonsisti minn tlett membri biss, u li ibni kien se jkun l-uniku wild tagħna.

Kemm kienet iebsa għalija biex naċċetta li kien se jkolli ninsa l-ħolma li kelli minn dejjem li jkolli żewġ ulied!

Fiż-żmien li għamilt nittama u nipprova għat-tieni wild, bil-frustrazzjoni kollha li dan ġab miegħu, tlift iċ-ċans li napprezza is-sabiħ tal-mument fiż-żmien li ibni kien qed jikber. Illum il-ġurnata dispjaċir wieħed biss għandi: m’ għarafx minn kmieni li kont diga’ imbierka bil-miraklu tal-maternita’.

Jekk għandek xi esperjenza vera li tixtieq taqsam mal-qarrejja tagħna kemm jekk f’ ismek kif ukoll b’ mod anonimu, ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *