“Int l-agħar omm tad-dinja!”. Hekk qaltli t-tifla tiegħi dalgħodu, f’Jum San Valentinu. Onestament minn dejjem kont niddubita l-kapaċita’ tiegħi bħala omm. U għalkemm nemmen li f’dawn l-aħħar 20 sena għamilt ħilti kollha biex inkun omm tajba għat-tfal tiegħi, hekk kif smajt dak il-kliem ħassejt għafsa ta’ qalb.
Nistqarr li l-mod ta’ kif inrabbi lill-uliedi huwa pjuttost differenti mill-metodi li jużaw ommijiet oħra. Ta 18-il sena sirt omm għall-ewwel darba, u minkejja li dak iż-żmien kont qed naffaċċja sitwazzjoni kemmxejn iebsa, addattajt ruħi faċilment għal ħajja bħala omm. Mhux hekk biss, iżda fl-istess waqt kont ġejt mogħtija rigal sabiħ – tifla ċkejkna: tifla li tiddependi fuqi daqs kemm kont se niddependi fuqha jien. Tifla li xtaqet imħabbti daqs kemm xtaqt imħabbitha jien. U matul is-snin kbirna flimkien b’mod fejn aktar konna qisna ħbieb milli omm u bint.
Tul iż-żmien kien hemm bosta li wrew it-tħassib tagħhom dwar il-mod ta’ kif inrabbi lit-tfal tiegħi, u għalkemm dan it-tħassib kien joħloqli dubji fija nnifsi, xtaqt li nibqa’ nrabbi lill-uliedi b’tattika li, fl-opinjoni tiegħi, kienet tajba.
Din it-tattika użajtha kemm ma l-ewwel wild tiegħi li llum għandha 19-il sena, kif ukoIl maż-żewġt’ uliedi l-oħra li issa għandhom 12-il sena u 6 snin. Ma nistax ngħid li din it-tip ta’ trobbija hija perfetta. Dubji dejjem esperjenzajt, bħal ma esperjenzajt illum x’ħin smajt liż-żgħira tgħidli dak il-kliem. Li ġara kien li jien ma ‘ttollerajtx attitudni ħażina mingħandha u għalhekk ikkoreġejtha, u dan irriżutla fil-kliem “int l-agħar omm tad-dinja“. Iva, nemmen fid-dixxiplina; dixxiplina permezz ta’ ‘positive parenting’.
Id-dubji tiegħi malajr għebu. Waqt li jien iffukajt fuq li nżomm lili nnifsi kalma, ħutha ħaduha f’rokna u bdew juruha x’għamlet ħażin bil-kalma kollha. Malajr serraħt rasi jien u nismaħhom jgħidulha li qatt m’għandha tweġġagħni b’dak il-mod “wara dak kollu li tagħmel għalik”…
Wara diskussjoni bejniethom li ħadet madwar siegħa, iż-żgħira ġiet ħdejja, skużat ruħha talli weġġgħatni, għanqitni u wegħditni li mhux se terġa’ tkellimni hekk. Ovjament ninsab ċerta li sitwazzjonijiet simili ħa jerġgħu iseħħu għax wara kollox tfal hi, imma onestament din l-esperjenza wrietni li l-metodu li nuża biex inrabbi l-uliedi huwa wieħed tajjeb. Minkejja li l-kliem kien pjuttost iebes, ħadt gost nara kif bdew ikellmuha ħutha l-kbar, kif bdew iħeġġuha tirrifletti u kif għenuha tifhem x’għamlet ħażin. Bdew jinkoraġġuha titgħallem mill-esperjenza minflok qalulha biex issegwi xi ordnijiet. Fir-realta’ dan huwa l-bażi tal-metodu ta’ trobbija li nuża jien bħala omm.
Għaliex iddeċidejt li naqsam din l-esperjenza magħkom illum? Tlett raġunijiet…
- Jekk inti, bħala omm, esperjenzajt sitwazzjonijiet diffiċli, tkunx iebsa miegħek innifsek. Qed tagħmel dak kollu li tista’. Aħna umani. Nagħmlu żbalji bħal kulħadd. Żgur m’aħniex perfetti, iżda żgur ukoll li qed nippruvaw nagħmlu l-aħjar li nistgħu. Dan għandu jkun biżżejjed biex jgħinna nħossuna sodisfatti.
- Emmen fik innifsek u tħalli l–ħadd ikissrek. X’aktarx li l-mod ta’ kif trabbi lit-tfal tiegħek inti mhux bħal ta’ ħaddieħor, u minħabba f’hekk żgur li se ssib nies li se jikkritikawlek il-metodi tiegħek. Imma jekk inti temmen f’dak li qed tagħmel, kompli bl-istess mod. Int taf lill-uliedek u lilek innifsek l-aħjar… int taf x’inhu l-aħjar għalik u għal familtek.
- Kun af li hemm realta’ oħra wara kull ‘omm perfetta’. Il-medja soċjali kontinwament tibbumbardjana b’sitwazzjonijiet jew affarijiet li mhux dejjem jirriflettu r-realta’. It-tfal ma jġibux biss daħk, tgħanniq u ferħ. Fil-verita’, l-omm taffaċċja ħafna biki, inkwiet, nuqqas ta’ paċi u kwiet, iljieli bla rqad, xenati, għajjat bla raġuni valida, ġranet fejn bilkemm jirnexxilha tieħu xawer, apparti possibilta’ komuni ħafna ta’ dipressjoni, ansjeta’ u stress.
Huwa sabiħ li tkun omm? Mingħajr ebda dubju, iva, imma għandna niġu esposti aktar għar-realta’ wara dawk il-ħafna ritratti fuq il-medja soċjali li juru biss ferħ u hena. Meta naqsmu l-esperjenzi negattivi tagħna dwar it-trobbija t’uliedna nkunu qed ngħinu ommijiet, speċjalment ommijiet ġodda, biex ma jħossuhomx li qed ifallu, iżda jkunu jafu li dawn is-sitwazzjonijiet jiġru u li huma normali fejn tidħol it-trobbija tat-tfal.
Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam ma’ wham, f’ismek jew b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn