Share the love

Riċentament tkellimt ma Patricia* li xtaqet taqsam l-esperjenza tagħha bit-tama li nisa oħra ma jaqgħux fl-istess nasba li sabet ruħha fiha hi. Patricia hija mara indipendenti u edukata, għandha kumpanija tagħha u tħobb tgawdi ħajjitha ma ta’ madwarha. Filfatt għandha ħafna ħbieb, iżda bħal ħafna nisa oħra temmen li l-ħajja tista’ tkun aqwa u aktar sabiħa meta esperjenzata f’relazzjoni ma xi ħadd sinifikanti.

Bħal ħafna nisa t’etajiet differenti, iddeċidiet tidħol tagħmel parti minn Connecting Singles, li hija pjattaforma onlajn bi skop ta’ ‘dating’. Patricia tistqarr li l-ewwel żball li għamlet kienet li kitbet dwar dak kollu li tħobb u li ma tħobbx, kif ukoll dwar dak kollu li kienet qed tfittex f’raġel. It-tieni żball tagħha kien li ma qratx l-avviż importanti fuq il-websajt li speċifikament iwissi biex ħadd ma jiċċetja lil hinn minn dik il-pjattaforma.

L-istorja tagħha bdiet f’ lejla partikolari fejn bdiet tiċċettja ma Roberto, raġel t’eta’ medja b’xeħta ta’ Sean Connery, anke jekk mhux daqstant attraenti. Roberto kien raġel iddivorzjat, b’kumpanija b’suċċess wara ismu. Qablu bejniethom sa mill-bidu nett. Roberto bħal donnu kellu l-kwalitajiet kollha li Patricia kienet qed tfittex. Għamlu lejl sħiħ jiċċettjaw u qabel ma tfew, Roberto staqsa l-Patricia jekk riditx ittih in-numru tagħha minħabba li kien sejjer fuq vjaġġ twil il-ġurnata ta’ wara u kien se jkun bla internet għal xi ġranet, possibilment matul il-vjaġġ kollu. Bil-ħlewwa kollha Roberto staqsiha jekk kinitx tiddejjaq jekk meta jasal fid-destinazzjoni tiegħu riditx tibqa’ b’kuntatt miegħu fuq WhatsApp. Tant kienet ħadet gost titkellem miegħu Patricia li mill-ewwel tagħtu n-numru tal-mowbalj tagħha.

Għal madwar 3 ijiem Patricia ma semgħetx mingħand Roberto, iżda mbagħad bagħtilha fuq WhatsApp. Hija wieġbet minnufih, ċemplu l-xulxin u ħadu gost ħafna bil-kumpanija ta’ xulxin. Minn dakinhar baqgħu mexjin il-quddiem. Kienu jikkomunikaw il-ħin kollu. Għalkemm dejjem ġab l-iskuża li kellu konnessjoni ta’ l-internet ħażina biex jevita telefonati bil-vidjow, kien jgħidilha dak kollu li kienet mixtieqa tisma. Kellhom id-diska favorita tagħhom, kienu jafu kollox dwar il-familji ta’ xulxin, u Patricia saħansitra introduċietu lill-ħbiebha, li kienu tassew kuntenti għaliha li sa fl-aħħar kienet sabet raġel tassew għal qalbha. “Għamilna pjanijiet għall-futur flimkien. Meta kien ħa jispiċċa mix-xogħol iddeċidejna li kont ħa nsiefer u mmur niltaqa’ miegħu”.

F’daqqa waħda inqabad barra u ma setax jitlaq minn fejn kien, u kellu bżonn l-għajnuna ta’ Patricia biex tħallaslu xi kontijiet pendenti. Skontu ma setax iħallas mill-lokal fejn kien jinsab – il-lvant nofsani, minħabba l-konnessjoni ħażina ta’ l-internet li kellu.

Roberto staqsa l-Patricia biex tidħol fil-kont bankarju tiegħu. Taha l-informazzjoni kollha biex tkun tista’ tittrasferixxi l-flus f’ismu biex b’hekk iħallas kont pendenti li kellu missieru tad-dar residenzjali għall-anzjani li kien qed joqgħod fiha. Kull ma rat fil-kont bankarju tiegħu kien jidher leġittimu, u filfatt Patricia irnexxielha taċċessa l-kont bankarju tiegħu għal ftit sekondi u setgħet tara li kellu madwar 7,000,000…iva, kważi seba’ miljuni fil-kont tiegħu.

F’daqqa waħda pero’ donnu ġiet skonnettjata u ma rnexxilhiex terġa taċċessa l-kont tiegħu minħabba li kien hemm xi problemi tekniċi u messaġġ li qalilha biex tikkuntattja l-persuna li tagħha kien il-kont bankarju.

Patricia ħasbet bejna w’bejn ruħha kemm kienet fortunata li rnexxielha ssib raġel bħal Roberto, raġel daqstant fantastiku, inteliġenti, sinjur, li kien iħobbha daqs kemm kienet saret tħobbu hi, u li kien mejjet biex jiltaqa’ magħha. Kienu jixxerjaw il-mużika flimkien u kellhom anke d-diska favorita tagħhom, kienu ppjanaw vjaġġi flimkien, u kienu b’kuntatt kostanti bejniethom, fejn kienu jqattgħu sigħat sħaħ jiċċettjaw jew jitkellmu fuq it-telefon jew messaġġi. Ma setgħetx temmen kif kien irnexxielha tkun daqshekk fortunata. Ħafna minn sħabha kienu saħansitra tkellmu ma Roberto wkoll u kienu qablu bejniethom li Roberto kien raġel mill-aqwa.

L-għada Patricia rċeviet telefonata minn naħa tal-bank fejn skużaw ruħhom li ma rnexxielhomx jipproċessaw it-talba tagħha f’isem wieħed mill-aqwa klijenti li kellhom, Roberto, u qalulha li kellhom bżonn xi dokumenti oħra mingħandha, inklużi kopja tal-passaport tagħha, ID, l-indirizz tad-dar tagħha u n-numru tat-telefon.

Patricia, bla ebda suspett ħażin, skennjat immedjatament id-dokumenti kollha mitluba u bagħtithom, waqt li Roberto baqa’ jiskuża ruħu tal-problemi li kien qed jaqlagħlha, waqt li jgħidilha kemm kien ifisser għalih li kienet qed tgħinnu minħabba li minn naħa tiegħu ma seta’ jagħmel xejn minn fejn kien jinsab.

Ovjament il-bank sab problemi oħra – sfortunatament ma setgħetx tittrasferixxi l-flus f’ismu, u hu ma setax jaċċessa l-bank tiegħu minn fejn kien, u għalhekk staqsiha jekk setgħetx b’xi mod tħallaslu l-kont ta’ missieru f’ismu. Assiguraha li kien se jibgħatilha l-flus lura hekk kif kien ikun jista’, u li kien qed jittama li jirnexxilu jitlaq minn fejn kien jinsab u jiġi jiltaqa’ magħha mill-aktar fis possibbli.

Patricia, ta’ mara qalbha tajba li kienet, li fortunatament kellha flus biżżejjed biex tgħinnu, ħallset il-kont pendenti ta’ Roberto li kien aktar minn 10,000 ewro. Sfortunatament, sa l-aħħar irnexxielu jiskemmjaha b’ammont ta’ kważi 80,000 ewro.

Filwaqt li rrakkontatli l-istorja tagħha, Patricia qaltli “nistħi meta nara kemm kont stupida”. Jien assigurajtha u għedtilha li dan seta’ jiġri lill-kulħadd, u għalhekk tajjeb li kull min jgħaddi minn esperjenzi simili jaqsam l-esperjenza tiegħu ukoll sabiex jinħalaq għarfien ta’ sitwazzjonijiet hekk biex inqas nisa jispiċċaw vittmi t’imposturi professjonali bħal dawn. Filfatt, dawn l-individwi m’huma individwi xejn, iżda huma organizzazzjonijiet illegali li jagħmlu kollox bi ħsieb biex jisirqu nies qalbhom tajba bħal ma ġara lilha. Filfatt, dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jiġru lill-irġiel ukoll.

Iva, dan jista’ jiġri lilek ukoll. Qatt temmnu li jkunu tilfu l-partner tagħhom, li huma veterani tal-gwerra, jew stejjer oħra simili li jnisslu simpatija. Temmnux li jkollhom il-kwalitajiet kollha li tkunu qed tfittxu. Ikunu jafu x’tixtiequ tisimgħu, wara kollox ħafna drabi dan ikun kollu miktub fuq il-profil tagħkom. Tagħtux informazzjoni personali dwar propjetajiet, vjaġġi li tkunu għamiltu, profitti relatati ma’ kumpaniji tagħkom, jew informazzjoni oħra relatata dwar il-kumpaniji tagħkom b’mod ġenerali. Dawn huma professjonisti li qed ifittxu biex jidħku b’dak li jkun, speċjalment dawk li huma f’qagħda finanzjarja tajba, nisa u rġiel ‘single’, u nisa li qed ifittxu mħabba u kumpanija.

Jekk ma tistax tiltaqa’ miegħu u tikkonferma l-identita’ tiegħu, kemm minn ħbieb jew ħbieb tal-ħbieb, insih u kompli miexja l-quddiem. Persuni reali għandhom il-ħbieb, profili fuq Facebook u Linkedin b’kummenti minn ħbieb vera. Kunu attenti u qatt u qatt tibgħatu flus.

Patricia kellmet lill-pulizija, żaret l-ambaxxati tal-pajjiżi relatati, ċemplet il-banek li aċċettaw flusha, iżda kollox kien ta’ xejn. Kull ma tista’ tagħmel Patricia huwa li tittama li ħadd aktar ma jaqa’ għall-istess ingann li waqgħet fih hi.

* L-isem ġie mibdul biex tiġi protetta l-identita’ tal-vittma.

Jekk għandek xi esperjenza simili li tixtieq taqsam magħna ibgħatilna imejl fuq [email protected] Il-kunfidenzjalita’ tiegħek hi garantita.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *