Share the love

Jiena favur il-ħajja. Għalija l-ħajja għandha valur. Inħobb lil kulħadd b’qalbi kollha, anke l-dawk li għamluli l-ħsara fil-passat, u nemmen li kulħadd għandu potenzjal.

Jiena w’nikber ġejt mgħallma biex nara l-valur u l-potenzjal f’kull ħaġa ħajja, bl-istess mod bħal ma nħares lejn tfal, adulti, u kwalunkwe ħaġa ħajja oħra. Għalhekk ili nsejjaħ lili nnfisi favur il-ħajja għal ħafna snin.

Kelli ħafna problemi fil-passat, inklużi tqaliet mhux mistennija, li nammetti ħallew impatt drammatiku fuq ħajti speċjalment f’dawk iż-żminijiet. Kelli nkampa waħdi, bi ftit biss għajnuna. Naf xi jfisser li tbati b’dipressjoni ta’ wara l-ħlas…mhux darba esperjenzajtha, imma darbtejn. Naf xi jfisser li jkollok ħsibijiet kontinwi ta’ suwiċidju, li tixtieq li tara ħajtek tintemm għax ma tiflaħx tbati aktar. Naf x’iġifieri li tipprova tikkalma u traqqad it-tarbija tiegħek filwaqt li tibki inti wkoll, għax ma tiflaħx aktar dik l-għajja kollha, apparti dwejjaq bla limitu.

Meta nħares lura lejn dawk is-snin ta’ wara dak il-perjodu daqstant ikraħ nesperjenza uġiegħ differenti f’qalbi. Il-fatt li kont għaddejt minn dak kollu u rnexxieli noħroġ minnu b’ulied li nħobb b’qalbi kollha, donnu tagħni xi awtorita’ biex nitkellem kontra dawk kollha li kienu favur l-għażla: pro-choice.

Meta mqar naħseb dwar dan inħossni litteralment niddardar. Iva, sejjaħt nisa qattiela tat-trabi, tkellimt pubblikament u għedt li nisa favur l-għażla ma jixirqilhomx ikunu ommijiet, qatt. Esperjenzajt rabja u saħansitra mibegħda.

L-emozzjonijiet negattivi li kont qed nesperjenza f’dak il-perjodu kienu jmorru lura għal meta kelli madwar 13-il sena, fejn l-iskola kont ġejt murija Silent Scream. Dan kien filmat li wera ‘ultrasound’ ta fetu waqt li kien qed jiġi abortit, li bħal donnu kien qed iwerżaq bl-uġiegħ. Wara kważi 30 sena għadni niftakar b’ċarezza assoluta kontenituri mimlijin dmija u biċċiet ta’ trabi…

Niftakar li kien hemm mara partikolari f’ xi grupp fuq Facebook li sibt ruħi niddibatti magħha dwar is-suġġett ta’ l-abort. Niftakarni nsemmilha li t-tarbija għandu jkollha d-drittijiet daqsha, u akkużajtha talli kienet temmen li għandu jkollha d-dritt li ttemm it-tqala jekk tkun trid jew ikollha bżonn. Dakinhar aġixxejt b’mod disgustanti għall-aħħar…xtaqtilha li qatt u qatt ma jirnexxilha tikkonċepixxi f’ħajjitha għax f’għajnejja ma kienx jixirqilha jkollha tarbija.

Ma niftakarx isimha, jew id-dehra tagħha, u lanqas il-grupp li fih kien ġara dan kollu. Iżda għalkemm għaddew madwar 7 snin minn dan l-inċident, għadni nħossni ħatja sal-lum u jiddispjaċini għall-aħħar li għedtilha dak il-kliem, u onestament nixtieq li b’xi mod l-apoloġija tiegħi taslilha, anke jekk żgur ma nagħrafhiex jekk tkellimni jew tikkuntattjani.

Kont Għoddni Tlift Ħbiberija Unika Minħabba Li Kont Daqstant Favur Il-Ħajja…

Tul is-snin irnexxieli nibni ħbiberija ma mara li kienet snin akbar minni li kellha tifla iżgħar minni. Ħabbejt lil din il-mara daqs li kieku kienet oħti. Kellna relazzjoni unika. Kienet hemm għalija fl-agħar żminijiet ta’ ħajti, u anke jekk kien hemm mili jifirduna, kellha l-kapaċita’ li tagħmilni ferħana għax verament kienet tieħu ħsiebi. Kienet tara valur fija meta lanqas jien ma kont nara dan fija nnifsi. Kont qrib tagħha aktar milli kont ma persuni li kelli madwari.

Darba waħda qaltli li t-tifla tagħha kienet inqabdet tqila għat-tielet darba u li l-għarus tagħha kien għadu kif telaqha. Ta’ mara favur il-ħajja li kont, ħeġġiġtha biex tissapportja lil bintha u tgħinna tieħu d-deċiżjoni t-tajba. Iżda wara xi ftit ġranet bdejt inħoss li kien hemm xi ħaġa fuq moħħ il-ħabiba tiegħi, u eventwalment fetħet qalbha u qaltli li t-tifla kienet iddeċidiet li tagħmel abort.

Bħala persuna favur il-ħajja ħadtha bi kbira ħafna din l-aħbar. Tlabtha bil-ħniena biex ittini ċans nistaqsi u nara jekk stajtx naddotta t-tarbija u nrabbiha jien daqs li kieku kienet tiegħi minħabba li hi kienet Amerikana u kienet toqgħod l-Amerika.

Kont naf fiċ-ċert li finanzjarjament ma kienx jirnexxili nkampa, iżda ma flaħtx il-fatt li t-tifla ta’ l-akbar ħabiba tiegħi kienet ħa tagħżel li tagħmel abort. Dan il-fatt kważi kisser il-ħbiberija tagħna…ħbiberija li sa dakinhar kienet għelbet ħafna w’ħafna ostakli.

Spiċċajna kellna ġlieda minħabba t-tensjoni li nbniet bejnietna, u minħabba tisgwid partikolari spiċċajna għamilna ġranet ma nitkellmux.

Eventwalment irrealizzajt li ma stajtx inħalli l-ħbiberija tagħna tintemm hekk. Irrealizzajt li l-ħbiberija tagħna kienet tiswa ħafn’ aktar fehem u kompassjoni minn dak li kont qed nagħti jien. Ma stajtx nitlef din il-ħbiberija tant speċjali, ma ridtx. Għalhekk ikkuntattjatha u tlabtha skuża…skuża li hi aċċettat mill-ewwel. Eventwalment kont fuq it-telefon ma ħabibti waqt li kienet qed tistenna t-tifla ħierġa minn wara l-intervent abortattiv fil-pajjiż li kienet tgħix fih.

Eventwalment snin wara ħabibti ingħatat dijanjosi ta’ ħafna kanċers differenti f’daqqa, u tilfet ħajjitha minħabba kanċer f’moħħha. Ili xi ftit snin li tliftha, u l-uġiegħ tal-firda nħossu kuljum, imma għadni sal-lum il-ġurnata ngħid kemm kien ikun żball ikrah kieku ħallejt l-abort ta’ bintha jkissrilna l-ħbiberija tagħna. Grazzi għal maħfra u l-kompassjoni irnexxieli nkun hemm għaliha waqt li kienet qed tesperjenza l-battalja tagħha mal-kanċer. Konna inċemplu w’nibgħatu l-messaġġi, u kienet tħossha aħjar meta nitkellmu, anke jekk kienet qed tbati bl-effetti tal-kimoterapija u radjazzjoni, sakemm fl-aħħar spiċċat bla saħħa u tilfet ħajjitha ftit ġimgħat wara. Iżda naf li ħalliet din id-dinja ċerta mill-imħabba li kelli għaliha.

Perspettiva Ġdida…

Illum inħares lejn is-suġġett ta’ l-abort minn lat differenti. Jekk meta kont fi żminijiet diffiċli jien irnexxieli ma ntemmx ħajti waqt li kont f’qagħda ħażina bil-post natal depression minħabba tqala mhux mistennija, ma jfissirx li nisa oħra għandhom ibagħtu bl-istess mod. M’għandu jkolli l-ebda jedd fuq dak li tagħżel li tagħmel mara oħra b’ġisimha u b’ħajjitha.

Kif nista’ nsejjaħ lili nnifsi favur il-ħajja jekk mhux nagħmel dak kollu li nista’ biex inġib tibdil f’pajjiżna biex il-missirijiet kollha jġibu ruħhom ta’ missierijiet vera għall-ulied li jkunu kkrejaw? Kif nista’ nagħlaq għajnejja għas-sofferenzi ta’ daqstant nisa li qed jispiċċaw ikollhom irabbu t-tfal waħedhom?
Kif nista’ niġġudika mara talli ma qagħditx attenta u ma użatx kontraċettivi, meta m’għandi l-ebda idea x’jiġri wara dak il-bieb magħluq? Kif nista’ nipponta subgħajja lejha meta m’għandix idea dwar kemm il-darba talbet bil-ħniena ġinekoloġisti differenti biex jagħmlulha ‘tubal ligation’ iżda ġiet irriffjutata ħafna drabi minħabba l-eta’ tagħha u minħabba l-possibilta’ li xi partner fil-futur forsi jkun jixtieq it-tfal minnha? Kif nistgħu naċċettaw li s-soċjeta’ tagħna titratta lin-nisa bħala inkubatur mingħajr ma noqogħdu fuq il-kelma tagħha dwar dak li hi temmen li hu l-aħjar għal ħajjitha?
Min jien jien biex nitfa’ l-ewwel ġebla u nħaġġar lil dik il-mara li għamlet abort, li nżeblaħha u npattihielha talli ħassitha ċerta li ma kinitx se tiflaħ twelled tarbija oħra?
Kif nista’ mmur il-knisja nitlob, meta f’qalbi nħoss il-mibegħda lejn mara li qed tħossha inkapaċi li ġġib tarbija f’din id-dinja?

Li tkun favur l-għażla ma jfissirx li trid tagħmel abort jekk tinqabad tqila mingħajr mistenni. Li tkun favur l-għażla jfisser li tħalli l-għażla lill-mara li tkun qed iġġorr it-tqala. Meta tkun favur l-għażla tkun taf li m’għandekx tindaħal fil-ħajja ta’ mara oħra, għax temmen li hija l-unika waħda li taf eżattament il-kapaċita’ mentali, fiżika, emozzjonali u finanzjarja tagħha. Li tkun favur l-għażla jfisser li ma tiġborx dik il-ġebla u toqtol lil dik il-mara billi titfagħha l-ħabs minħabba l-ħajja li hemm ġo fiha…mela l-ħajja tagħha ma tiswa xejn??

Bħal ma jien iġġudikajt oħrajn fil-passat, naf li ħa jkun hawn min ħa jħossu disgustat b’dak li ktibt hawn. Naf li ħa jkun hawn min jgħid li ma nistax insejjaħ lili nnifsi favur il-ħajja, u li jien ma jien xejn ħlief xi mezz ieħor użat għal propaganda favur l-abort.

Lil dawk kollha li huma favur il-ħajja nixtieq nistaqsihom biex qabel ma jiġġudikaw mara talli tagħżel li tittermina tqala għandhom jibdew jitkellmu u jitolbu bidla fejn jidħlu r-responsabbiltajiet ta’ l-irġiel għall-ulied li jkunu kkonċepew. Jekk qed jippretendu li n-nisa għandhom jerfgħu r-responsabbilta’ kollha tat-tqala, għandhom ukoll jitolbu l-istess mill-partners ta’ dawn in-nisa. Il-liġijiet mhux qed ikunu biżżejjed. Ħafna nisa qed isibuha diffiċli ferm biex jitimgħu lill-uliedhom waqt li l-qorti tieħu l-ħin kollu tagħha biex tieħu l-azzjoni mistħoqqa (jekk finalment tittieħed xi azzjoni). Irġiel qegħdin kontinwament jaqbżu xhur ta’ manteniment għal uliedhom waqt li jkomplu b’ħajjithom daqs li kieku qatt ma kien xejn. It-trabi u t-tfal għandhom il-bżonnijiet tagħhom, u ħafna wkoll! U dawn il-bżonnijiet għandhom bżonnhom ISSA! Ma tistgħux tibqgħu tikkundannaw in-nisa meta qed jissaraw kuljum biex forsi jkollhom xi ħaġa x’jieklu u x’jitmgħu lill-uliedhom. Jekk int issejjaħ lilek innifsek favur il-ħajja, ibda billi tkun favur dawk li huma diġa’ ħajjin imma qed ibagħtu bħalissa. Għinhom iqumu fuq saqajhom u oħloq differenza f’ħajjithom.

Illum naf li se niġi msejħa traditura talli qed nidher bħala favur il-ħajja imma m’inix. Għalhekk nixtieq nispiċċa b’dan il-kliem…Nippreferi nkun fuq in-naħa ta’ dik il-mara li inti tippreferi tħaġġar u toqtol waqt li qed tgħajjat li inti favur il-ħajja. Nippreferi nissejjaħ favur il-kompassjoni milli favur il-ħajja jekk dawk huma l-konnotazzjonijiet marbuta mal-frażi ‘pro-life’.

Jekk inti wkoll għandek esperjenza li tixtieq taqsam magħna, ibgħatilna imejl fuq [email protected] Il-kunfidenzjalita’ tiegħek hija garantita.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *