Nixtieq naqsam magħkom l-istorja tiegħi…
Xi ftit snin ilu ħriġt nieħu ‘drink’ u ltqajt ma raġel permezz ta’ ħabib. Bdejna nitkellmu u ma stajtx nemmen il-ġibda tremenda li ħassejt għalih, imma meta spiċċa l-lejl tlaqt lura lejn id-dar u ma ħsibtx aktar fuq li ġara. Madankollu xħin wasalt id-dar sibt rikwest mingħandu kif ukoll xi messaġġi fejn qalli kemm kien ħa gost jitkellem miegħi. Staqsieni wkoll jekk nixtieqx nerġa niltaqa’ miegħu. Kemm ħassejtni ferħana! Ma stajtx nemmen il-fortuna li kelli, ma stajtx nemmen li dan il-bniedem kien qagħad ifittixni biex jistaqsini ħalli noħroġ miegħu!
Ħadna gost tassew, għamilna ħafna affarijiet flimkien fejn jew qattajna lejl barra jew anke gawdejna biss il-preżenza ta’ xulxin. It-tnejn li aħna qbilna li l-konnessjoni li ħassejna bejnietna qatt ma konna ħassejniha ma ħaddieħor. Sirna ninħabbu ħafna. Hu kien il-qamar u l-istilel tiegħi. Qatt ma trattani ħażin darba f’dak l-aspett.
Fi ftit xhur madankollu, bdejt nara l-kuluri veri tiegħu… stajt nara li kellu problema ta’ xorb, imma hu qatt ma qabel ma din id-dikjarazzjoni. Qalli li jien serja wisq u li ma kien hemm xejn ħażin li joħroġ jieħu naqra gost ma sħabu waqt li jixrob ftit (dan kien ifisser li jasal id-dar l-għada filgħodu). Din ħallejtha tgħaddi għax għedt lili nnifsi li jien u hu seta jkollna opinjonijiet differenti… għala m’għandux igawdi lejl l’hemm u l’hawn?
Il-ħaġa li bdiet tiġri ftit wara kienet li kien ikollna l-pjanijiet bejnietna, u hu jew jiġi kompletament innervjat jew ma jitfaċċax. Kont inqatta’ lejl inċempillu u nibgħatlu l-messaġġi u hu qas kien jindenja ruħu jibgħatli messaġġ. Kont nagħmel iljieli sħaħ nibki, ma kontx inkun nista’ norqod, kont naħseb dwar fejn seta’ jkun u ma min, filwaqt li hu kien jixrob kemm jiflaħ u jagħmel dak kollu li jġiegħlek tagħmel ix-xorb…
Għajjejt mentalment, lanqas kien qed jirnexxili nikkonċentra fuq l-affarijiet ta kuljum. Xi kultant kont nitfi kollox u nagħmel sigħat sħaħ fis-sodda. Kont nanalizza d-dettalji kollha, u niġġieled miegħi innifsi talli wassaltu jaġixxi hekk meta jien kont nista’ naqbad u nħallih jagħmel li jrid (ovjament aktar tard irrealizzajt li jien ma kont qed nagħmel xejn ħażin u li kelli kull dritt inħossni hekk).
Din ma kinitx xi ħaġa ta’ darba fost l-oħrajn. Din l-imġieba kienet isseħħ xi darbtejn – tlett darbiet fil ġimgħa. Kont għajjejt ħafna. Spiċċajt naqqast fil-piż, ma kontx nieħu gost nagħmel l-affarijiet tiegħi, u kont inkun dejjem bil-biża’ peress li qatt ma kont naf il-burdata li kien se jkollu meta niltaqgħu, jekk dejjem kien jitfaċċa!
Sħabu kollha kemm huma qaluli li kien bniedem orrajt u jien naqbel magħhom sa ċertu punt. Kellu qalbu tajba, dejjem kien lest biex jgħin, biss dan kien veru sa ċertu punt u dejjem meta kien ta’ konvenjenza għalih. Sħabu qatt ma raw din il-faċċata tal-personalita’ tiegħu għaliex hu dejjem kien il-bniedem li jaf jieħu gost u jirrilassa madwarhom.
Ma stajtx nemmen kemm seta’ jinbidel malajr, fi ftit minuti ġieli biddel il-pjanijiet tagħna biex jiltaqa’ ma sħabu u kien iħallini mdendla mingħajr ma jgħidli xejn.
Kienu jgħaddu ġranet sakemm kont nisma’ mingħandu, iżda qatt ma kont nirċievi apoloġija. Dejjem aċċettajtu lura. Emmint li bl-għajnuna seta’ jkun aħjar. Kien hemm żmien li b’xi mod ammetta li għandu bżonn l-għajnuna u jien fittxejtlu għajnuna professjonali, imma kien jispiċċa’ jħassar fl-aħħar minuta għaliex skond l-opinjoni tiegħu ma kellux problemi. Il-kwistjoni kienet li ma kkommettiex ruħu biex jaqleb għall-aħjar għax fil-fond ta’ qalbu ma kienx jemmen li kellu problema. Għal żmien qasir kien jirnexxilu jieqaf jixrob jew joqgħod mingħajr alkoħol, imma imbagħad kien jerġa jispiċċa l-istess.
Id-drabi li kien ikollna l-pjanijiet ma’ sħabi jew ma tal-familja kont nitolbu minn qabel biex ma jwaqqanix għaċ-ċajt quddiem nies oħra bl-imġieba tiegħu… biex imbagħad konna nispiċċaw il-lejl billi jagħmel dak kollu li jista’ biex jimbarazzani. Din il-ħaġa damet isseħħ għal aktar minn sentejn. Ma nistax infiehemkom l-emozzjonijiet li ħassejt minħabba f’hekk, bl-ansjeta’ għola aktar mis-saqaf. Ħajti kienet saret ‘rollercoaster’ ta’ kuljum. Donnu kellu żewġ personalitajiet differenti, ġurnata minnhom kien ikun qisu dak il-bniedem li kien fil-bidu nett, kien jkun orrajt ħafna, kien jurini li jħobbni, kien raġel verament tajjeb, kollox kalm… filwaqt li l-ġurnata ta’ wara ma kontx inkun naf fejn ikun, mingħajr l-ebda spjegazzjoni. Ma stajtx inlaħħaq għaliex meta kont naħseb li kien se jikkalma, ftit ġranet wara kien jerġa jdur kollox ta’ taħt fuq.
Ippruvajt inwaqqaf ir-relazzjoni ħafna drabi, imma b’xi mod kien jirnexxilu jerġa jdawwarni lura bi kliemu u bil-wegħdiet. Din kienet taħdem għall-ewwel ftit ġimgħat imma wara konna nerġgħu nibdew niġġieldu. Kien jerġa jagħmel l-istess ħaġa, jħallini mdendla, u ovjament jien xtaqt li npoġġu u nitkellmu ftit, iżda din kienet ħaġa li kien jevita sa mill-ewwel ġurnata. L-idea tiegħu li ma nargumentawx kienet li nevitaw il-konverżazzjonijiet ġenerali. Qatt ma stajt nitkellem fuq l-emozzjonijiet jew il-ħsibijiet tiegħi, kelli nżomm kollox għalija u meta pruvajt inkellmu, kien jispiċċa jdawwar kollox fuqi. Kien jgħidli li jien ‘snob’, li qatt ma ridt nissoċċjalizza u li xtaqt inżommu għalija biss. Wara dan it-tip ta’ kliem kien iħallini, bla kliem xejn, u jibgħatli ftit xhur wara biex jgħidli li qed jimmisjani.
Lil dan il-bniedem tajtu kollox, tajtu affarijiet li qatt ma tajt lir-relazzjonijiet li kelli qabel għaliex kont naħseb li l-għajnuna setgħet tgħinu u jien kont inħobbu ħafna. Qatt ma ħassejtni daqshekk komda ma nies oħra. Imma sfortunatament, kien irid ikun miegħi biss fuq il-kundizzjonijiet tiegħu, dan ifisser li kien jagħmel dak kollu li ried hu, mingħajr mistoqsijiet u spjegazzjonijiet. Kull meta fettilli ngħid kelma, dan kien ifisser li jitlaqni.
Fl-aħħar mill-aħħar kienet dejjem ġlieda bħal ta’ bejn ġurdien u qattus. Kont imbenġla mentalment sal-punt li kelli nfittex l-għajnuna għalija nnifsi. Qatt ma kien jaċċetta l-iżbalji tiegħu, u minflok kien jgħidli li jien qatt m’aċċettajtu hu kif inhu. Ma stajtx, mhux meta kien qed jaffettwa lilu nnifsu u kollox u l-kulħadd ta’ madwaru. Sħabi u l-familja wissewni li dan ir-raġel ma kienx ħaqqu li jkollu lili, imma kont nagħlaq għajnejja kull darba u kont noħroġ b’kull tip ta’ skuża għalih. Kont nigdeb biex inġibu jidher persuna tajba ħalli ħadd ma jkun jaf li kont qed inbagħti.
Nixtieq nispiċċa billi ngħid lilek li qed taqra l-esperjenza tiegħi: jekk inti qiegħda f’relazzjoni ta’ din it-tip, jekk jogħġbok fittex l-għajnuna u prova itlaq; aktar ma titlaq malajr aktar aħjar. Din it-tip ta’ relazzjoni tkissrek, iġġiegħlek tiddubita fik innifsek, u ġġibek ma tafda lil ħadd.
Grazzi talli qrajtu l-esperjenza tiegħi xx