Indipendenza finanzjarja tfisser li jkollok kontroll assolut fuq il-finanzi tiegħek. Tista tieħu deċiżjonijiet mingħajr il-bżonn li tiddependi fuq ħaddieħor biex jiddeċiedi għalik. Meta tkun finanzjarjament indipendenti tkun tista tissapportja lilek innifsek finanzjarjament. Dan tista tagħmlu mill-qligħ tal-paga ta’ l-impjieg tiegħek, tfaddil u investimenti, mingħajr il-bżonn li tiddependi fuq għajnuna mill-istat, familja, ħbieb jew assistenza soċjali. Fortunatament, jekk ikollok ftit informazzjoni bażika dwar kif għandek tieħu ħsieb flusek u kif tieħu deċiżjonijiet addattati għas-sitwazzjoni tiegħek, tista faċilment tikseb indipendenza finanzjarja.
Min ikollu indipendenza finanzjarja jkun jista jippjana għal futur li dejjem ħolom li jkollu. Għal kuntrarju, min sfortunatament ma jkollux dan jista biss jittama li forsi l-futur jipprovdilu mqar il-bżonnijiet bażiċi biex jgħix.
Sfortunatament in-nisa spiss jiltaqgħu ma sfidi uniċi għalihom, sfidi li b’ indipendenza finanzjarja biss jistgħu jegħlbu. L-indipendenza finanzjarja hija neċessita’ llum il-ġurnata, għax tgħinek tibni futur sod b’ moħħok mistrieħ.
Sfidi Uniċi Li Jiffaċċjaw In-Nisa
Tradizzjonalment, in-nisa kienu jiġu stmati b’ mod inferjuri għall-irġiel. Xogħol il-mara kien li tibqa’ d-dar trabbi l-ulied, issajjar u tnaddaf, filwaqt li l-irġiel kienu mistennija jaħdmu u jipprovdu l-flus għal familja kollha. Għalkemm illum in-nisa xorta għadhom jagħtu mportanza lejn dawn l-istess tradizzjonijiet tal-passat, qed jagħrfu l-importanza li jilħqu indipendenza finanzjarja wkoll. Madankollu, għad hawn nisa li jsibu ħafna ntoppi biex jilħqu dan il-għan minħabba t-tradizzjonijiet antiki u valuri konservattivi:
- Responsabbilta’: ħafna nisa jgħaddu parti kbira minn ħajjithom irabbu l-ulied, u kultant jispiċċaw ukoll jieħdu ħsieb anzjani fil-familja tagħhom. Dan isarraf f’ inqas ħin ta’ xogħol, inqas tfaddil, u inqas bolol imħallsa għal meta jaslu għal pensjoni.
- Inqas ħlas: in-nisa huma spiss mħallsa inqas mill-irġiel, anke jekk it-taxxa tilħaqhom bl-istess mod. Din hija raġuni komuni li twassal lin-nisa ma javvanzawx il-quddiem fil-karriera tagħhom.
Hi x’ inhi s-sitwazzjoni kurrenti tiegħek għandek taħseb u tippjana għal kwalunkwe eventwalita’, ħalli jekk tinqala sitwazzjoni mhux mistennija (bħal spejjeż mediċi jew djun), tkun kapaċi tegħlibha bla problemi.
Ħafna nisa eventwalment jiġu f’sitwazzjoni fejn ikollhom imexxu l-finanzi tagħhom huma…
- ‘Life expectancy’: in-nisa huma ġeneralment meqjusa li jgħixu ħajja itwal mill-irġiel. Jekk il-mara qatt ma jkun kellha esperjenza fl-ippjanar tal-finanzi tal-familja, issib ruħa f’ sitwazzjoni iebsa f’ każ ta’ mewt tar-raġel.
- L-eventwalita’ li tispiċċa waħedha: divorzju, mewt tar-raġel/partner, jew ħajja ‘single’ huma kollha realtajiet tan-nisa speċjalment illum il-ġurnata. Nisa f’ din is-sitwazzjoni jkollhom jidraw jieħdu d-deċiżjonijiet kollha tagħhom waħedhom, inklużi deċiżjonijiet relatati mal-finanzi.
- Statistika: ir-rata ta’ poverta’ fin-nisa ta’ aktar minn 65 sena hija ħafna iktar għolja minn dik ta’ l-irġiel bl-istess eta’.
Esperjenza…
Marija* ilha miżżewġa għal dawn l-aħħar għoxrin sena ma raġel abbużiv. Dawn għandhom żewġt’ itfal flimkien. Ir-raġel ta’ Marija joħroġ għax-xogħol filwaqt li Marija kellha tibqa d-dar tieħu ħsieb it-tfal. Ir-raġel għandu kontroll assolut fuq il-finanzi tal-familja, u Marija tiddependi fuqu totalment. Flus tagħha m’ għandha xejn. Kull xahar itiha ammont speċifiku ta’ flus li mhuwiex suffiċjenti biżżejjed biex tħallas id-dejn tad-dar u l-ħwejjeġ tal-familja kollha, spejjeż ta’ mediċini u tobba, ikel u bżonnijiet oħra, kif ukoll spejjeż relatati ma’ l-edukazzjoni tat-tfal. Għalhekk Marija qatt ma jirnexxilha twarrab xi ħaġa tal-flus jew tixtri xi ħaġa żejda għaliha. Marija tinsab maqbuda f’ sitwazzjoni fejn tixtieq titlaq lir-raġel abbużiv tagħha imma ma tistax għax ma taffordjax. Flus biex tissapportja lilha nfisha kif ukoll lil uliedha m’għandhiex. Jekk Marija ma ssibx mezz biex tibda twarrab xi flus bil-ħsieb li tilħaq indipendenza finanzjarja, żgur li ħa ssibha diffiċli mmens biex tkampa meta tiġi biex titlaq is-sitwazzjoni abbużiva li tinsab fiha.
(* l-isem ġie mibdul biex tinżamm il-kunfidenzjalita’)
X’ Tista Tagħmel Biex Takkwista Indipendenza Finanzjarja?
X’ inhu dak li verament trid?
Kultant tista ssib lilek innifsek f’ sitwazzjoni fejn lanqas tkun tista tifhem eżatt xi bżonnijiet għandek u x’ tista tagħmel biex jirnexxilek takkwista indipendenza finanzjarja u jkollok kontroll assolut fuq flusek. Għalhekk, saqsi lilek innifsek dawn id-domandi: x’ irrid mill-ħajja? X’ inhu dak li jġagħlni nħossni sodisfatta? X’ nixtieq nakkwista? X’ inhu dak li napprezza l-iktar? Hemm xi ħaga li nibża li nitlef? X’ għandi bżonn biex ngħix ħajti b’ moħħi mistrieħ? X’ inhi l-ħolma tiegħi?
Ħu l-ħin kollu neċessarju biex twieġeb kull domanda, għaliex dawn jgħinuk tagħraf x’ deċiżjonijiet għandek tieħu biex timxi l-quddiem u takkwista dak li vera tixtieq. Ippjana t-triq li se twasslek fejn trid, pass wara pass. Idealment ikteb dan kollu, għax dan jgħinek tibqa ffukata fuq dak li tixtieq tasal għalih.
Filwaqt li żżomm f’ moħħok kemm hu mportanti li takkwista indipendenza finanzjarja, kun proattiva biżżejjed biex tilħaq dan skond il-pjan li ħejjejt inti stess.
Żomm għajnejk fuq l-għan ewlieni tiegħek filwaqt li timxi fuq dawn il-pariri:
- Ikkrea baġit
- Ipprova ġemma ammont żgħir mill-qligħ tiegħek jew tal-familja b’ mod regolari
- Iftaħ kont ta’ tfaddil u ibda iddepożita fih ammonti li taċċessa biss f’ każ ta’ emerġenza
- Investi fil-futur tiegħek billi ssib xogħol jew tidħol lura tistudja biex takkwista ħiliet jew professjoni ġdida
- Aħseb f’ modi li bihom tista żżid il-qligħ kurrenti li għandek
Għal pariri dwar karriera, ‘mentorship’, jew biex issib xogħol ikkuntattja lil-Jobsplus fuq 153 jew b’ imejl fuq [email protected]. Tista wkoll timla formola fuq il-websajt tagħhom fuq https://jobsplus.gov.mt/contact
Iċċekkja intix intitolata għall in-work benefit, li hu mmirat biex jassisti koppji u ‘single parents’ li jaħdmu u għandhom ulied taħt it-23 sena, li għadhom dipendenti fuqhom u jgħixu magħhom.
Għal pariri u sapport biex taħrab minn relazzjoni abbużiva ikkuntattja l-Appogg fuq 22959000 jew il-helpline 179