Share the love

Ta’ spiss kont insib lili nnifsi naħseb, x’għandi ħażin jien? Bilfors għandi xi ħaġa ħażina. Kif nista’ ma nobgħodokx wara dak kollu li għaddejtni minnu? Għala ma nħossx rabja għalik? Għaliex sibtha daqshekk ħafifa biex naħfirlek wara dak kollu li għaddejtni minnu?

L-aktar li niftakar meta jiġuni f’moħħi l-memorji tiegħek huwa l-uġiegħ. Il-mibegħda f’għajnejk u l-aktar ħaġa ċara, il-ponn tiegħek. Tagħtini f’wiċċi, ‘black eyes’, id-demm ħiereġ minn imnieħri, is-snien imkissra. Id-daqqiet li tajtni fuq in-naħa ta’ wara t’għonqi filwaqt li tgħidli li m’intix se tieqaf qabel ma niżviluppa l-kanċer, imbagħad tħallini mitlufa minn sensija mal-art u titlaq l-hemm.

Kif stennejt li kont se nkun irrid ikolli x’naqsam miegħek wara dak kollu li għaddejtni minnu? B’hekk kont issawwatni, iżżommni biex ma niċċaqlaqx, torbotni, taħraqni bis-sigarett, iżżommli pistola ma’ rasi u tirrejpjani kemm il-darba. L-unika ħaġa li kont tieħu gost tara kienet il-pornografija, u wara kont iġġiegħlni nagħmel kull ħaġa li tkun rajt. Tiftakar il-ġurnata li għidtlek nippreferi mmur ma kelb milli miegħek? Nirringrazzja l-istilel kollha tas-sema li ma qtiltnix dakinhar, għadni nista’ ntiehem demmi sa minn dakinhar.

Kont tiġi mix-xogħol waqt il-brejk tiegħek biex tittorturani u tirrejpjani. Kont inħossni qisni l-prostituta tiegħek. Taqqaltni, u xorta kont issawwatni waqt li jien kont nipprova nagħmel dak kollu li nista’ biex nipproteġi t-tarbija li kelli f’ġufi.

Għajjartni b’kull ħaġa li stajt tgħajjarni biha, u ivvintajt xi ftit tal-kliem int ukoll. Wasalt fil-punt li qas kont għadni nikkunsidra lili nnifsi persuna umana. Kull darba li kien jibki t-tifel matul il-lejl kont litteralment twaddabbni minn fuq is-sodda għal isfel u qabel ma jieqaf jibki ma kontx tieqaf issawwatni. Id-drabi li kont inkun ma niflaħx kont taqbadni minn xagħri u tisfurzani biex insajjarlek l-ikel u naħsel l-art.

Għadni niftakar is-‘safety shoes’ tiegħek sal-lum. Veru kien iweġġa’. Kemm il-darba għidtli li tieħu gost tarani niġi ttorturata. Kont taf tilgħab id-‘darts’ sew, u filfatt kellek ħafna trofej jleqqu jixhdu dan. Għadni niftakar il-ħoss tad-‘darts’ jaħbtu mal-‘board’, siegħat ta’ prattika waqt li kont tgħidli li qed timmaġina wiċċi fuq id-‘dartboard’.

Kemm il-darba għidtli li ma kontx leali lejja u sfurzajtni nisma’ d-dettalji kollha tal-esperjenzi tiegħek ma’ nisa oħra. Kont kapaċi ġġagħlni nħossni mhux normali. Kont tieħu l-mobajl tiegħi miegħek biex ma nkunx nista’ nċempel. Kont sfurzata nibqa’ d-dar u ma stajtx nuri wiċċi barra mill-ħitan ta’ darna għax kien mimli tbenġil.

Għadni niftakar meta iż-żgħir tagħna kien qed jilgħab u int qbadtu minn saqajh imdendel rasu l-isfel u bdejt issawtu għall-gost tiegħek u biex tittortura lili. Kif werwirtu t-tifel dakinhar…beka b’qalbu kollha.

Dakinhar ġejt f’ sensija…iddeċidejt biex naħrab il-bogħod minnek. Tkellimt mal-pulizija? Le.

Għalkemm qed nerġa ngħix dan kollu f’moħħi bħalissa, xorta ma nobgħodokx, u m’għandix rabja lejk. L-unika rabja li forsi nħoss hija għalija nnifsi, għax ħallejtek tkissirni; ma kontx b’saħħti biżżejjed u ma ħrabtx minnek l-ewwel darba li sawwattni.

Finalment, ħlist mir-rabja kollha li kelli ġo fija. Ma ħaqqekx li mqar niftakar fik, u jekk nerġa’ niftakar fil-memorji tal-passat nista’ ngħid li qas għadhom iweġġgħuni. Il-memorja tiegħek hi midfuna fil-passat. Ma jinteressanix jekk nobgħodokx jew le. L-unika ħaġa li għadni nagħti kas hija li nħobb lili nnifsi, li nesplora lili nnifsi u li nsir naf il-veru jien.

Iva, jien ħaqqni l-imħabba, u l-aqwa mod li bih nista’ nkun maħbuba huwa li nħobb lili nnifsi. Issa nista’ nitbissem lejn ir-riflessjoni tiegħi u ngħid lili nnifsi l-kelma ‘inħobbok’. Qatt ma ħsibt li xi darba kien se jirnexxili, imma issa nista’. Li tgħallimt inħobb lili nnifsi tagħtni l-liberta’, il-paċi u l-ferħ – din l-imħabba fetħitli orizzonti ġodda. Il-ħajja sabiħa meta tagħti l-liberta’ lilek innifsek. Illum jien b’saħħti u xejn ma jista’ jkissirni.

Inħossni tassew kburija bija nnifsi talli rabbejt il-kuraġġ biex naħrab minnek u qtajt il-kuntatti kollha li kelli miegħek. Inħossni kburija li rabbejt lit-tifel waħdi u li ħrabt mit-tossiċita’ tiegħek. Veru kburija bih, għaliex kiber u sar ġentlom ta’ vera, miżżewweġ, u missier. Ma nistax inkun aktar ferħana, int kissirtni imma fl-istess ħin fija ħlaqt djamanta.

Jekk int ukoll għandek storja u titħajjar taqsamha mal-qarrejja tagħna, ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love