Iż-żmien itir u ċ-ċirkustanzi jinbidlu. Hemm żmien biex nipprovaw nikkonċepixxu, u żmien biex nevitaw it-tqala. Madwar għaxar snin ilu kont anzjuża biex nikkonċepixxi għat-tieni darba, iżda bdejt insibha bi tqila biex jirnexxili! Iktar tard, madwar ħames snin wara, il-paġna nqalbet u kont anzjuża biex ma ninqabadx tqila. Iżda xi kultant il-ħajja tipprovdielna ċirkustanzi li ma nkunux qed nistennew! Hawnhekk ħa naqsam miegħek l-esperjenza tiegħi personali – il-problemi, l-istress, il-fjaski, it-tagħlim, ħalli titgħallem mill-iżbalji tiegħi u possibilment jirnexxilek tapplika dan li se ngħidlek biex tasal għal dak li tixtieq inti b’ mod naturali.
Problema biex Nikkonċepixxi
Minħabba li kont inqbadt tqila l-ewwel darba mingħajr ma kien mistenni, ħsibt li meta nipprova għat tieni wild ma kont ħa nsib l-ebda problema biex ninqabad millewwel. Iżda kelli żball kbir! Għaddew ix-xhur u iktar ma kont iddisprata biex nikkonċepixxi, iktar bdiet tidher diffiċli li xi darba se jirnexxili. Iżda mbagħad ħsibt f’ ‘app’ li kont smajt biha qabel, ‘FertilityFriend’, li twiegħed l-għajnuna biex mara tikkonċepixxi b’ mod faċli billi timmarka meta sseħħ l-ovulazzjoni. Dan huwa metodu li ilu jintuża ħafna, magħruf bħala metodu ta’ ppjanar tal-familja b’ mod naturali. Permezz ta’ kalkulazzjoni ta’ l-ovulazzjoni minn osservazzjoni ta’ sinjali naturali tal-fertilita’ tal-mara, inti tista tidentifika l-perjodu l-aktar fertili fiċ-ċiklu tiegħek u b’ hekk tkun tista tagħżel li jkollok x’ taqsam sesswalment jekk trid tikkonċepixxi, jew tuża mod ieħor protettiv bħal kondom biex tevita t-tqala.
Iddeċidejt li nipprova nuża FertilityFriend u bdejt nosserva s-sinjali naturali li l-ġisem jipprovdi b’ mod naturali, u nniżżilhom f’ din l-app, u rnexxieli! Inqbadt tqila! Għalhekk il-problema tiegħi issolviet fiż-żmien fejn konna lesti biex nibdew għadd ta’ testijiet biex niddeterminaw jekk kienx hemm xi problemi, billi bdejna jkollna x’ naqsmu sesswalment minn ġranet qabel l-ovulazzjoni, sa meta kont nikkonferma li l-ovulazzjoni tkun għaddiet.
Il-Metodu Użat
Bħal ma semmejt aktar il-fuq, il-metodu li użajt jien kien permezz ta ‘app’ b’ xejn imsejħa FertilityFriend li tinsab kemm għal Android kif ukoll għall-Apple. Din tikkalkula l-ovulazzjoni billi tgħinek tosserva s-sinjali li kull mara tesperjenza tul iċ-ċiklu tagħha. Dawn is-sinjali tista tniżżilhom fuq din-‘app’ u bl-informazzjoni li ttiha kapaċi tipprevedi d-data ta’ l-ovulazzjoni kif ukoll tikkonfermahielek meta tkun għaddiet, dejjem skond l-informazzjoni li tkun tajtha.
Iċ-Ċiklu tal-Mara
Il-bidu taċ-ċiklu tal-mara jseħħ fl-ewwel ġurnata tal-‘period’, u jispiċċa fil-ġurnata ta’ qabel il-‘period’ li jkun imiss. Jekk ħa tuża l-Fertility Friend, meta timmarka l-ewwel ġurnata tal-‘period’, l-‘app’ tibdielek ċiklu ġdid awtomatikament.
L-ewwel parti taċ-ċiklu tikkonsisti fil-ġranet kollha tal-‘period’ tiegħek. Dan huwa msejjaħ ‘Menses’. Wara din il-fażi nsibu il-‘Follicular Phase’ fejn il-ġisem tal-mara jibda jipprepara biex jovula. L-aħħar parti ta’ din il-fażi hija l-fażi fejn inti tkun l-aktar fertili, fażi li hija kkaratterizzata mill-ormoni msejjaħ Estroġen. Wara li tovula, tidħol fil-fażi msejħa ‘Luteal’.
Hawn isfel tista tara t-tibdil li tista faċilment tosserva kull xahar u tniżżel fl-‘app’ biex tkun tista tikkalkula l-ovulazzjoni tiegħek:
- Il-‘Basal Body Temperature’ (BBT)
It-temperatura bażali tal-ġisem hija t-temperatura tal-ħin li tqum fih. Din tista tiġi meħuda permezz ta termometru apposta, ‘BBT Thermometer’. Termometru diġitali huwa faċli u konvenjenti ħafna għal dan il-każ. Idealment it-temperatura trid tittieħed dejjem fl-istess ħin eżatt kif tistembaħ wara raqda twila u qabel tagħmel kwalunkwe ħaġa oħra. Kun konsistenti bil-metodu li tagħżel li tuża. Meta tibda tieħu t-temperatura kuljum għandek tinnota żieda fit-temperatura medja wara li tkun seħħet l-ovulazzjoni. Din iż-żieda ħafna drabi tkun waħda ta’ madwar 0.4F (0.2C), iżda tista tvarja wkoll. Dejjem niżżel kemm it-temperatura kif ukoll il-ħin li fih tkun ħadtha.
- Il-Fluwidu Ċervikali (CM)
Dan il-fluwidu li bl-ingliż insejħulu ‘Cervical Mucus’, jinbidel tul iċ-ċiklu tiegħek skond il-fażi ta’ fertilita’ li tkun fih. Dan tista faċilment tosservah fuq ‘tissue’ meta tkun fil-kamra tal-banju. Wara l-‘period’ jista jkollok fluwidu ċervikali xi ftit iwaħħal. Dan jibda jinbidel eventwalment fi fluwidu aktar simili ta’ krema (bħal ‘lotion’). Meta tkun fl-iktar żmien fertili tiegħek tista tinnota li dan il-fluwidu ċervikali jinbidel f’ wieħed jiżloq, simili għall-abjad tal-bajd nej. Wara li tovula, il-fluwidu ċervikali jinxef malajr.
- Il-Pożizzjoni Ċervikali (CP)
Il-pożizzjoni ċervikali hija sinjal sekondarju ieħor li tista tuża biex tikkonferma l-perjodu l-aktar fertili tiegħek. Iċ-ċerviċi jinbidel tul iċ-ċiklu tiegħek b’ rispons għall-ormoni Estroġen. Meta ma tkunx fertili, iċ-ċerviċi jkun jinħass magħluq, ferm u l-isfel, simili ħafna għal kif tinħass il-ponta ta’ l-imnieħer. Meta tibda toqrob biex tovula, iċ-ċerviċi jibda jiftaħ, jinħass aktar artab u l-fuq, u għalhekk ikun iktar diffiċli biex tilħqu. L-irtubija tiegħu tkun simili għal kif tinħass ix-xoffa. Wara li tovula, iċ-ċerviċi jerġa jagħlaq, jinżel l-isfel u jerġa jibda jinħass ferm.
Jekk tiddeċiedi li tibda tuża dal-metodu, dejjem kun ċerta li taħsel idejk sew qabel, biex b’ hekk tiffranka infezzjonijiet bla bżonn. Iċċekkja ċ-ċerviċi darba fil-ġurnata minn wara li jieqaf il-‘period’, wara li tbattal l-awrina, u dejjem fl-istess ħin tal-ġurnata. Dejjem uża wkoll l-istess pożizzjoni biex tkun tista tikkalkula l-għoli wkoll. L-aħjar pożizzjonijiet biex tagħmel dan huma li toqgħod kokka, jew billi tpoġġi sieq waħda fuq banketta jew ‘toilet seat’. Iċ-ċerviċi jinsab fuq wara tal-vaġina, u tista tħossu b’ sebgħa wieħed jew bi tnejn. Osserva dak li tħoss: Jinsab il-fuq jew l-isfel? Artab bħal-xoffa jew ferm bħal ponta ta’ l-imnieħer? Jinħass miftuħ jew magħluq? Lubrikat jew xott? Niżżel l-osservazzjonijiet tiegħek flimkien biex tkun tista tiddetermina d-data tal-ovulazzjoni tiegħek bl-iktar mod korrett.
L- Użu ta’ ‘Fertility Friend’ Bħala Mezz ta’ Kontraċezzjoni?
Personalment ma ridtx li jkolli aktar minn żewġt’ itfal, u għalhekk wara t-tieni wild bqajt inniżżel il-‘Basal Body Temperature’ fuq ‘FertilityFriend’ biex niddetermina meta kien ikun l-aħjar żmien biex ikolli x’ naqsam sesswalment mingħajr ma ninqabad tqila. Kull xahar għal aktar minn ħames snin kont eżatta bħal arloġġ, novula dejjem fis-16 –il ġurnata. Għalhekk kien ikollna x’ naqsmu dejjem sa mhux aktar tard mill-10 gurnata taċ-ċiklu tiegħi, u mbagħad konna nużaw il-kondoms sakemm inkunu ċerti li nkun ovulajt mis-sinjal li toffri t-temperatura. Kont imbierka! Ma kelli l-ebda problema biex nevita li ninqabad tqila!
Insomma propjament hekk kont ħsibt…
Bħal dejjem kellna x’ naqsmu fl-ewwel ġranet ta’ wara l-‘period’. Wara kollox, xahar wara xahar dejjem ovulajt fis-16-il ġurnata taċ-ċiklu tiegħi. Li ma kontx naf pero kien li dak ix-xahar partikolari kont ħa novula għall-ewwel darba fil-11-il ġurnata minflok! Ikkonfermajt dan fit-12-il ġurnata meta t-temperatura mmarkatli għolja kif kienet tiġi wara l-ovulazzjoni! U f’ dak il-mument eżatt irrealizzajt li kont għaxxaqtha! Ma stajtx nikkonferma minn qabel (u dak iż-żmien ma kontx naf bis-sinjali l-oħra li semmejt aktar il-fuq sfortunatament).
Eżatt kif ħsibt, dak ix-xahar il-‘period’ ma ġinix. Minflok stajt ninnota li t-temperatura flok niżlet għan normal fil-ġurnata meta suppost kellu jiġini, telgħet drastikament aktar il-fuq, sinjal ċar li jista jiġi nnutat fuq ‘fertility charts’ meta mara tinqabad tqila. Jien ma ridtx iktar tfal! Imma għażla ma kellix, issa kien tard wisq…ikkonfermajt it-tielet tqala tiegħi b’ test tat-tqala.
Tifla jew Tifel?
Meta mort il-‘Health Centre’ biex jirreferuni għall-ewwel vista tat-tqala l-isptar, inzertajt tabiba taz-zokkor. Ħassejtni komda ħafna nitkellem magħha, u filfatt spjegajtilha eżatt x’ kien ġara, u kif kont indunajt permezz ta’ l-‘Fertility Friend App’. Meta semmejtilha li kont inqbadt tqila minħabba li kont ovulajt ħamest’ ijiem qabel is-soltu, u li kont inqbadt tqila minħabba li kellna x’ naqsmu sesswalment tlett ijiem qabel, urietni li xtaqet tara l-app li kont użajt, u meta urejta ċ-ċiklu li kelli f’ dak ix-xahar qaltli, “Mela għandek iċ-ċans tittestja jekk hux vera li b’ sess tlett ijiem qabel l-ovulazzjoni tikkonċepixxi tifla!”. It-teorija tgħid ukoll li sess fil-ġurnata tal-oulazzjoni sa ġurnata wara jirriżulta f’ tifel. Hija teorija ta’ min joqgħod fuqha? Ma nafx, u minn dak li fittixt fuqha, din it-teorija hija waħda bla evidenza konkreta. Imma fil-każ tiegħi iva, eventwalment wellidt tifla!
Konsiderazzjonijiet
Hemm ċertu konsiderazzjonijiet li għandek tieħu jekk tiddeċiedi li tibda tikkalkula l-ovulazzjoni b’ dal mod biex tikkonċepixxi jew inkella biex tevita li tinqabad tqila (ftakar x’ ġara lili, attenta!). Ħu ż-żmien kollu li għandek bżonn biex tiffamiljarizza ruħek ma’ l-‘app’ li se tuża biex iddaħħal l-informazzjoni fiha. Osserva s-sinjali kollha li semmejt aktar il-fuq biex tkun ċerta li għandek stampa ċara taċ-ċiklu tiegħek.
Meta timmarka t-temperatura tiegħek ta’ kuljum tkun tista tagħraf meta tkun ovulajt. Dan ifisser li jekk beħsiebek tuża dan il-metodu biex tevita li tinqabad tqila, attenta! Uża iktar protezzjoni bħal kondoms sakemm tkun ċerta 100% li l-ovulazzjoni tiegħek tkun għaddiet b’ mill-inqas 3 ijiem.
Jekk se tuża l-‘Fertility Friend’, l-app infisha timmarkalek il-ġurnata tal-ovulazzjoni wara li tkun daħħalt temperatura iktar għolja għal tlett ijiem konsekuttivi. QATT toqgħod fuq li timmarkalek l-‘app’ biss jekk ma tridx li tinqabad tqila! Osserva l-metodi l-oħra msemmija wkoll biex tkun ċerta. Ftakar dejjem li d-data tal-ovulazzjoni tista tinbidel fi kwalunkwe xahar (bħal ma ġara lili). Jekk l-ovulazzjoni sseħħ kmieni aktar minn normal wara sess bla ebda protezzjoni sa ħamest’ ijiem qabel, tista tinqabad tqila. L-aħjar żmien li jkollok x’ taqsam sesswalment jekk ma tridx tinqabad tqila waqt li tuża dan il-metodu huwa wara li tkun ikkonfermajt l-ovulazzjoni bis-sinjali kollha.
Rigward is-sinjali ċervikali, normalment iċ-ċerviċi ikun jinħass miftuħ meta jkun fl-iktar fażi fertili. Madankollu ta min jgħid li nisa li jkunu welldu qabel spiss jinnotaw li ċ-ċerviċi tagħhom qatt ma jinħass kompletament magħluq, anke meta ma jkunux fertili, iżda xorta jkun jinħass ftit aktar miftuħ fil-perjodu l-aktar fertili tagħhom. Meta tuża dan il-metodu ta’ osservazzjoni żomm f’ moħħok li huwa metodu li jirrikjedi aktar żmien biex jindara sew, u għalhekk qatt toqgħod fuq dan il-metodu biss speċjalment jekk ma tkunx familjari biżżejjed miegħu, li ġeneralment jirrikjedi perjodu ta’ mill-inqas xahrejn jew tlieta.
Jekk qed tipprova tikkonċepixxi, idealment ara li jkollkom x’ taqsmu sesswalment meta inti tinnota likwidu ċervikali simili ta’ ‘lotion’, għax dak jindika li l-ovulazzjoni tkun fil-qrib. Kif tinnota li jkollok likwidu ċervikali simili għall-abjad tal-bajd nej, dak ikun l-aħjar mument (jew ġurnata) biex ikollok x’ taqsam sesswalment. Meta tinnota żieda fit-temperatura għal tlett ijiem konsekuttivi, l-ovulazzjoni tkun għaddiet u għalhekk iċ-ċans li tinqabad tqila jkun għadda.
Noti Mportanti…
- Sess mingħajr l-ebda protezzjoni ma jipproteġikx minn mard bħal STD’s. Jekk inti kkonċernata dwar STD’s uża kondom.
- QATT toqgħod fuq il-previżjonijiet ta’ apps tal-fertilita’ specjalment jekk ma tridx li tinqabad tqila! Minflok osserva s-sinjali kollha li semmejna hawn fuq b’ mod kollettiv.
- Jekk ma tridx tinqabad tqila, uża iktar protezzjoni bħal kondom mill bidu taċ-ċiklu sa mill-inqas 3 ijiem wara li tikkonferma li tkun ovulajt. Ftakar li anke jekk iċ-ċiklu tiegħek dejjem kien konsistenti, jista jiġi xahar fejn tovula ġranet qabel. Jekk dan iseħħ, sess fil-granet tal-period jew eżatt wara taf jirriżultaw fi tqala wkoll.
- Jekk inti nteressata li tibda tieħu pilloli kontraċettivi, tkellem mat-tabib tal-familja tiegħek biex jiġġwidak dwar l-aħjar pilloli għalik.
- Jekk qed tredda ftakar li m’hemmx żmien stipulat għall-ewwel darba wara l-ħlas li tista tovula. Tista tovula xahrejn wara l-ħlas, u tista tovula għoxrin xahar wara l-ħlas. Qatt tħossok ċerta li inti sikura, anke jekk qed tredda b’ mod esklussiv. Ma tistax tgħid meta tovula għall-ewwel darba wara l-ħlas, u jekk ikollok x’ taqsam sesswalment fiż-żmien li tovula, x’ aktarx tinqabad tqila mill-ewwel.
- Jekk ilek tipprova tikkonċepixxi għal sena jew iktar mingħajr suċċess, idealment kellem lil-ġinekoloġista tiegħek biex tiggwidak u tagħtik il-pariri li jkollok bżonn.
Wham jirrakkomanda:
Xi jgħidu l-konsumaturi…
Ili nixtieq nibda nuża dan it-termometru ta’ Femometer. Wasal hawn malajr ħafna. Kien faċli ħafna biex jiġi attivat hekk kif għamiltlu l-batterija. Nirrakkomanda ħafna dan il-prodott u l-app ta’ miegħu lin-nisa kollha li jixtiequ jżommu amment taċ-ċiklu tagħhom mingħajr ħafna xogħol u skariġġ.
Testimonjanza tal-Femometer
Bażikament dan huwa termometru normali li jista jintuża għall-manteniment tat-temperatura ta’ kuljum għal-fini ta’ ovulazzjoni, kif ukoll biex iżżomm irrekordjati l-ammonti kollha fuq l-app. Din it-temperatura tista’ wkoll tintuża għall-familja biex tiċċekkja għad-deni. It-tarf tagħha huwa artab u għalhekk jista’ jintuża kemm fil-ħalq kif ukoll taħt l-idejn, u jista’ jitnaddaf faċilment.
Il-pakkett huwa komdu ħafna, b’ link għall-app biex jintuża faċilment. Huwa ideali wkoll bħala rigal għal xi ħadd li qed jipprova għat-tfal! Nirrakkomandaħ!
Testimonjanza ta’ Easy@Home
Minħabba l-COVID bħalissa huwa mportanti li nżommu amment tat-temperatura tal-familja kollha. Dan il-prodott joffrilek dak kollu li għandek bżonn. Huwa faċli ħafna biex tużah u juri t-temperatura b’ mod ċar ħafna. Aktar minn hekk, jekk ma tafx eżatt x’ temperatura suppost tkun normalment, din turik wiċċ jitbissem jew imdejjaq, skond jekk it-temperatura tiegħek tkunx tajba jew le.
Kull ma trid tagħmel biex tużah huwa li tagħfas il-buttuna u tpoġġi t-tarf tat-termometru taħt ilsienek sakemm idoqq. Imbagħad aqra n-numru li jagħtik. Sempliċi!
Jiġi wkoll bl-istruzzjonijiet miegħu. Nirrakkomanda ħafna dan it-termometru! 5 stilel!
Testimonjanza ta’ Hylogy
Mariposa’s Blog jippreżenta esperjenzi reali kif ukoll emozzjonijiet ta’ omm u uliedha bniet. Flimkien jaqsmu esperjenzi relatati mal-ħajja, bħal emozzjonijiet, fertilita’, vjolenza domestika, problemi relatati mal-ħajja studenteska, nisa, ‘teens’, saħħa u edukazzjoni relatata ma’ l-ulied ta’ eta’ żgħira, u ħafna aktar.