Kienet is-sena 2010 u jien kont ‘single mother’ ta’ tifla ta’ 3 snin. Kont kuntenta pero kelli ċertu vojt f’qalbi, u għalhekk ingħaqadt mal-websajt Connecting Singles. Wara xi messaġġi pjuttost strambi sa fl-aħħar irċivejt messaġġ ħelu minn raġel. Kemm deher orrajt! Qalli li kien għadu kemm ġie joqgħod Malta riċentament u li kien jaħdem fis-settur tal-‘i-gaming’.
Wara xi ftit ġimgħat nikkomunikaw iddeċidejna li niltaqgħu għax konna qed naqblu ħafna flimkien.
Tant ħassejtni komda miegħu li saħansitra ftaħt qalbi miegħu dwar abbuż sesswali li kont esperjenzajt fit-tfuliti. L-ewwel ‘date’ tagħna kienet waħda indimentikabbli. Eventwalment iltaqa’ wkoll mat-tifla tiegħi u bħal donnhom qablu ħafna flimkien.
Wara madwar 6 xhur mort ngħix ma dan ir-raġel. Kollox kien sejjer tajjeb ħafna. Fis-seba’ xahar li konna ilna flimkien ipproponieli u dlonk aċċettajt! Ħassejtni donni qed ngħix f’ħolma. Iddeċidejna biex nagħżlu d-data tat-tieġ tagħna f’għeluq is-sena minn mindu konna ltqajna l-ewwel darba. Għażilna post għar-riċeviment, l-ikel, il-kejk…il-libsa tat-tieġ tiegħi kif ukoll tat-tifla li konna se npoġġu bħala ‘flower girl’. Kollox kien perfett. Anke familjari li kienu joqgħodu barra minn Malta bbukkjaw it-titjiriet biex jiġu jaqsmu magħna din il-ġurnata tant speċjali!
Ġimgħatejn biss qabel it-tieġ kont illoggjata fuq il-leptop li konna nużaw flimkien u tela’ messaġġ mibgħut minn mara t’eta’ akbar. Il-messaġġ kien jgħid,”baby meta se nerġgħu nikkomunikaw flimkien? Nimmissja d-diskursati tagħna speċjalment dawk fejn nitkellmu dwar dak li konna se nagħmlu lill-uliedi l-bniet”. Qrajtu w’ erġajt qrajtu…u mbagħad qrajt il-‘history’.
Kien ilu jikkomunika ma din il-mara għal tlett snin u l-messaġġi kienu messaġġi tal-biki. Kienu jiddiskutu dwar kif kienu se jabbużaw minn uliedha l-bniet kull meta kien ikollu ċ-ċans iżurha.
Hekk kif qrajt dawn il-messaġġi rremettejt. Qbadt lil-binti u ċempilt l-oħti. Tlaqna mmedjatament u sibna dar ġdida. Minħabba l-fatt li jien kont abbużata sesswalment bħala tifla, qatt m’avdajt lill-ħadd, u għalhekk kont naf li l-binti ma kien għamillha xejn. Ikkuntattjajt lill-pulizija imma sadattant kien laħaq telaq lejn l-Ingilterra, pajjiżu. Lill-pulizija fl-Ingilterra bgħattilhom ritratti tad-diskursati li kienu seħħew bejnu u bejn din il-mara bħala evidenza, iżda sa fejn naf jien qatt ma ħadd ħa azzjoni dwar dan kollu.
Jekk għandek storja li tixtieq taqsam magħna, ibgħatilna imejl fuq [email protected] Il-kunfidenzjalita’ tiegħek hija garantita.