Share the love

Marion Mifsud Mora mat-tifla tagħha l-Imdina, f’Settembru 2014 – fil-ġurnata ta’ qabel ma nfaqagħlha l-ilma.

Waqt vaganza f’Malta, Marion infaqagħlha l-ilma ta’ 17-il ġimgħa tqala. Hekk kif bdiet tinfetta’ ruħha u l-periklu li titlef ħajjitha beda jżid, it-tobba ħallew kollox f’idejn Alla u rrifjutaw li jwaqqfuli t-tqala.

Din hi l-istorja vera ta’ mara li rnexxielha ssalva, u li sal-lum għadha ma tistax tifhem kif f’Malta huwa aktar importanti li twelled tarbija mejta milli ssalva l-omm bil-kura medika neċessarja.

Beda kollox waqt li kont fuq karozza tal-linja sejra lejn il-Belt Valletta – ma binti ż-żgħira li ironikament jisimha wkoll Valetta – dak il-ħin irrealizzajt li xi ħaġa ma kinitx sew. Sbatax-il ġimgħa tqala, kont fuq dik li suppost kellha tkun vaganza rilassanti f’Malta fejn kont qed nerġa’ niskopri l-għeruq tiegħi u ngawdi ftit ħin ta’ kwalita’ mat-tifla ż-żgħira tiegħi.

F’daqqa waħda, fi triqitna lejn il-Belt, infaqagħli l-ilma. Ta’ 17-il ġimgħa dan ċertament ma kienx mistenni. Ma kien hemm xejn ħażin fit-tqala tiegħi u kollox kien miexi normali. Tant kien hekk, li għall-ewwel għaddieli l-ħsieb li forsi stajt għamilt xi ftit taħti.

Ma tantx domt ma skoprejt li ma kienx hekk, u li kien hemm xi ħaġa ħażina ħafna. Mort dritt Mater Dei bla ma kelli l-iċken idea ta’ x’kien qed jiġri, bit-tama li forsi seta’ kien hemm xi problema żgħira. Imma ma kinitx.

Malajr irrealizzajt li kont tlift l-ilma kollu, anke jekk ma ngħatajtx l-informazzjoni medika li suppost kelli ningħata. Bqajt nistaqsi domanda wara l-oħra, iżda kull ma bdejt ningħata kienu tweġibiet vagi.

Żewġi rnexxielu jaqbad l-ewwel titjira mill-Kanada, li huwa l-pajjiż li ngħixu fih. Kellna xokk kbir fuqna. Ironikament xhin wasal hu, fl-aħħar tawna l-informazzjoni kollha li kienu ilhom jaħbu minni sa mill-bidu.

Kont tlift l-ilma kollu, u t-tqala tiegħi ma kinitx għadha vijabbli. Lil żewġi qalulu li ta’ 17-il ġimgħa ma kien hemm l-ebda ċans li t-tarbija setgħet issalva. Dak il-ħin sibtha diffiċli nifhem għala lili ma kinux għaddewli din l-informazzjoni mill-ewwel, imma qagħdu jistennew lil żewġi jiġi. Forsi għax hu “ir-raġel“?

Iżda l-kbir kien għadu ġej. Qabditni nfezzjoni u bdejt nitlef saħħti. Kien jidher biċ-ċar li t-tqala kellha tiġi mwaqqfa. Lit-tarbija kont ridtha u ovjament kont qed nesperjenza trawma kemm fiżika kif ukoll emozzjonali. Tqala mistennija kienet tfisser bla dubju li żgur ma kontx qed infittex li nkorri, u l-fatt li t-tarbija tiegħi ma setgħetx issalva bl-ebda mod weġġagħli qalbi. Iżda kemm jien kif ukoll żewġi kellna t-tifla wkoll fuq min naħsbu, apparti f’saħħti. Ħajti issa kienet fil-periklu, u l-unika soluzzjoni kienet li t-tqala tiġi mwaqqfa.

Ma kellix idea tad-diżastru li kien għadu ġej. Ħajti issa kienet fil-periklu kawża tat-tqala li ma kinitx għadha vijabbli, u fi kwalunkwe pajjiż ieħor, il-proċedura normali kienet tkun terminazzjoni. Din hija proċedura medika bażika.

Imma le, mhux f’Malta. Kull darba li jien u żewġi bdejna ninsistu biex titwaqqaf it-tqala, professjonisti mediċi bdew jirrisponduna li “din hija f’idejn Alla” u li “mirakli jseħħu”. Irrifjutaw li jwaqqfuha.

Sadanittant jien bdejt nitlef saħħti b’rata mgħaġġla. Kienet ħaġa ovvja li sakemm ma ningħatax il-kura medika neċessarja ma kontx se nsalva. Dik li setgħet kienet biss proċedura sempliċi issa kienet saret sentenza ta’ mewt għax Malta tirrifjuta li twaqqaf tqala anke jekk il-ħajja ta’ l-omm tkun fil-periklu.

Is-sitwazzjoni issa kienet saret totalment bla raġuni. B’għemilhom issa kienu qed jirriskjaw li jħallu l-binti orfni, basta ma jwaqqfux tqala mhux vijabbli. Ma kien hemm l-ebda dubju li t-tarbija ma kelliex ċans tgħix f’dan l-istadju.

Meta xi ħadd isemmi li hu ‘pro-life’ niftakar f’ din it-trawma u nagħraf minnufih l-ironija. Le, mhumiex ‘pro-life’ imma huma ‘pro-tqala’. Binti kienet ħajja u kellha bżonn l-ommha. Jien kont għadni ħajja, iżda ma ridux isalvaw il-ħajja tiegħi. Ippreferew li jħallu lili mmut ħalli nwelled tarbija mejta. Kif tista’ ssejjaħ dan kollu ‘pro-life’?

Sadattant il-ħin kien għaddej u saħħti kienet qed tiddeterjora b’mod mgħaġġel. Lanqas medikazzjoni tajba ma tawni, iżda tawni verżjoni anqas qawwija li ma setgħetx ittellef b’ xi mod it-tqala. Kien għad hemm taħbita tal-qalb fraġli, u għalhekk baqgħu jirrifjutaw li jwaqqfu t-tqala anke jekk kienu jafu perfettament li tarbija barra l-ġuf ta’ 18-il ġimgħa ma setgħetx issalva bl-ebda mod. U għalhekk jien kont għadni nissielet għal ħajti biex inwelled tarbija li kienet se tmut xorta waħda. Il-familja tiegħi kif ukoll ħuti kienu nkwetati ħafna; kulħadd kien jaf kemm kien importanti f’dan il-mument li t-tarbija tinħareġ minn ġo fija immedjatament.

F’dan l-istadju involvejna l-‘insurance’ u ppuntajna għal evakwazzjoni b’emerġenza. Avukati ġew involuti wkoll, sakemm fl-aħħar wasal it-tim t’evakwazzjoni b’emerġenza mibgħuta mill-kumpanija tal-assikurazzjoni. L-ewwel ħaġa li għamlu kienet li ma ħallew lil ħadd aktar minn Mater Dei imissni. Neħħewli l-IV u bdew il-kura u l-medikazzjoni tagħhom, u ħarġuni minn hemm ġew. Fi 15-il minuta kont fuq ajruplan.

Inizzjalment riedu jeħduni l-Italja jew il-Ġermanja, iżda l-awtoritajiet Maltin baqgħu ikunu diffiċli, għażlu li jibqgħu jirriskjawli ħajti billi ma rrilaxxawx dokumenti neċessarji. Ħassejtni qisni ostaġġ f’sitwazzjoni reali. Stajt tlift demmi kollu sakemm nasal fejn kelli nasal, u t-tobba li issa kont f’idejhom qablu li kont meqjusa b’riskju mediku.

Hekk kif inżilna fuq l-art, wellidt it-tarbija b’mod naturali, għax issa kwalunkwe possibilta’ kienet saret impossibbli. Esperjenzajt dmija agħar minn dmija li tikkawża ċesarja. Domt marida għal 3 xhur u l-infezzjoni baqgħet terġa taqbadni minħabba l-fatt li ma kontx ingħatajt il-kura medika adekwata.

Mentalment din l-esperjenza ħallietni trawmatizzata. Waqt li kont Mater Dei, kont qed niffoka biss fuq il-fatt li ridt nibqa’ ħajja. Ridt insalva. U għalhekk, ma rnexxilix naffronta l-fatt li kont tlift it-tqala. Għadni sal-lum il-ġurnata nbati fiżikament u emozzjonalment l-effett ta’ dan kollu.

Is-sena ta’ wara inqbadt tqila u minnufih intfajt fuq ‘bed rest’. Illum għandi tifel. It-tifla għad għandha l-ommha, imma żgur mhux grazzi għat-tobba ta’ Malta.

Nifhem li hemm il-liġi li trid tiġi rispettata. Iżda sitwazzjonijiet mediċi jridu jiġu trattati b’mod individwali. It-tobba suppost qegħdin hemm biex isalvaw il-ħajjiet, u fir-realta’ mhux kull każ huwa iswed jew abjad.

Barra minn hekk, irid ikun hemm possibilta’ ta’ għażla għal tfajliet li jisfaw abbużati sesswalment. Din il-ħaġa tirrabbjani ħafna. Għaliex mara għandha tbati tqala kawża ta’ abbuż sesswali?

Ħafna mill-komunita’ Maltija fil-Kanada ma jistgħux jemmnu li s-sitwazzjoni għadha daqshekk primittiva f’malta. Hemmhekk kulħadd jaf lil xi ħadd li għadda minn sitwazzjoni simili. Kollha jemmnu li mara għandu jkollha d-dritt li tagħżel jekk għandhiex titwaqqfilha t-tqala li tkun qed tpoġġilha ħajjitha f’riskju jew le.

Il-fatt li l-liġi Maltija ma tipprovdix din l-għaża miktuba bl-iswed fuq l-abjad ma jitwemminx.

Kont fortunata biżżejjed li rnexxieli ninħareġ mill-pajjiż fil-ħin, u sal-lum inqis lili nnifsi fortunata ħafna li qed ngħix f’pajjiż fejn il-ħajja tal-mara hija protetta bil-liġi, u li għandha d-dritt għall-għażla.

Iżda spiss insibni naħseb…min jaf kemm aktar nisa Maltin qed jgħaddu minn sitwazzjonijiet hekk! Kemm hu l-ammont ta’ nisa Maltin li ħajjithom qed tispiċċa fil-periklu għaliex it-tobba jirriffjutaw li jagħmlu dmirhom u jwaqqfu tqala perikoluża?

Il-liġi għandha tiġi ndirizzata minnufih. Wara kollox, din hija problema relatata mad-drittijiet mediċi tan-nisa.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *