Share the love

ethics in malta

Suġġett ġdid imsejjaħ Etika beda jiġi mniedi fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji Maltin fl-2014 u bħalissa qed jiġi mdaħħal f’dawn l-iskejjel. L-għanijiet ta’ dan is-suġġett huma li t-tfal jitgħallmu valuri morali minn approċċ sekulari u mhux denominazzjoni. Dan ifisser li l-istudenti kollha, irrispettivament mit-twemmin tagħhom, jistgħu jagħżlu li jistudjaw l-Etika.

Għalkemm l-Etika huwa bbażat fuq it-tagħlim ta’ valuri, l-għan aħħari huwa li t-tagħlim isir mingħajr indottrinazzjoni, għaliex l-Etika tinkoraġġixxi lit-tfal u lill-adoloxxenti biex jaħsbu b’mod kritiku dwar il-valuri tagħhom.

Is-suġġett jirrikonoxxi l-fatt li l-valuri morali u etikali jistgħu ikunu kontroversjali, u ġeneralment jiddependu fuq twemmin u opinjonijiet personali ffurmati mis-soċjeta’ ta’ min jikber fiha. Dan huwa speċjalment minnu fl-era diġitali li wliedna qed jgħixu fiha, peress li qed jiġu bbumbardjati kontinwament minn valuri u stili ta’ ħajja differenti permezz tal-midja soċjali, u kontinwament ikollhom jinnavigaw messaġġi kumplessi li jirċievu minn sorsi differenti.

B’hekk l-Etika jgħin lit-tfal jaħsbu b’mod aktar kritiku, u mhux dogmatikament, fuq l-etika, il-valuri morali u t-twemmin. Il-kurrikulu tal-Etika huwa ddisinjat b’mod li jinkoraġġixxi lit-tfal joħolqu diskusjoni fil-klassi. Hekk it-tfal ikollhom l-opportunita’ li jikkonsidraw pożizzjonijiet u twemmin kontrastanti, kif ukoll jitgħallmu jinnavigaw kwistjonijiet kumplessi morali fil-ħajja ta’ kuljum. Filfatt, anke l-mod li bih l-Etika tiġi ‘assessjata’ huwa differenti mill-mod tradizzjonali ta’ qabel, fejn kien jiġi użat il-mudell tar-‘rote learning’ u l-memorizzazzjoni ta’ informazzjoni u kontenut.

Fil-każ tal-livell tas-SEC, l-istudenti jkollhom jippreżentaw studji ta’ każijiet fejn jkollhom janalizzaw u wara jirriflettu fuq il-kwistjonijiet morali nvoluti, jikkonsidraw opinjonijiet differenti, jevalwaw l-aħjar azzjoni u jargumentaw effettivament favur u kontra l-azzjonijiet partikolari li ġew meħuda. Għalhekk, il-punt kollu ta’ dan it-tip t’’assessjar’ huwa li jiġu evalwati l-ħiliet kritiċi ta’ ħsieb tal-istudenti, aktar milli jiġu vvalutati jekk ikunux studjaw il-kontenut li għamlu fil-klassi.

Is-sillabu tal-Etika huwa bbażat fuq valuri universali, bħar-rispett, l-onesta’, ġustizzja, kompassjoni, lealtà u solidarjetà.

Dan is-suġġett jinkuraġġixxi lit-tfal jgħixu ħajja b’ etika, jiġifieri ħajja li tikkorrispondi u tirrifletti l-valuri morali tagħhom. Is-suġġett huwa bbażat fuq żewġ pilastri tal-kura – il-kura tagħhom infushom u l-kura ta’ dawk ta’ madwarhom. Is-sillabu jindirizza dawn iż-żewġ aspetti ta’ saħħa b’mod xieraq għal kull età.

Per eżempju, is-sillabi tal-iskejjel primarji u l-iskejjel medji jitrattaw suġġetti bħad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-annimali, id-dmir li jiġi salvagwardjat l-ambjent, il-bullying, l-istereotipi tas-sessi, il-ġustizzja soċjali, kulturi differenti tal-familja u reliġjonijiet u twemmini differenti. Meta jiġu trattati dawn is-sitwazzjonijiet, l-enfasi dejjem tkun dwar id-dmir tagħna li nieħdu ħsieb lilna nfusna u lil ħaddieħor, u l-fatt li għandna dejjem naħsbu dwar il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna qabel ma niddeċiedu kif għandna naġixxu.

Għalkemm is-sillabu tal-Etika huwa bbażat fuq valuri universali li jinbidlu biż-żmien u skont il-kulturi, is-sitwazzjonijiet li qed jiġu trattati huma kurrenti. Per eżempju, waqt il-lezzjoni ta’ dan is-suġġett, l-istudenti jiġu inkuraġġati biex jaħsbu fuq dawk li huma marġinalizzati u li jsibuha diffiċli biex jiddikjaraw id-drittijiet tagħhom. L-għalliema jippreżentaw lill-istudenti studji ta’ każijiet u xenarji t’a nies li kienu ffastidjati, ibbuljati jew sfruttati, u jiġu mitluba jirriflettu dwar dawn il-kwistjonijiet. Wara l-istudenti jkollhom jispjegaw għaliex imġieba bħal din hija żbaljata u jintalbu jgħidu x’ kienu jagħmlu kieku kienu f’dik is-sitwazzjoni. L-għanijiet bażiċi huma li jgħallmu l-empatija u li lill-istudenti jagħtuhom sett ta’ għodod li jistgħu jibbażaw fuqhom jekk jiġu affaċċjati b’sitwazzjoni li fiha jiġu sfruttati b’xi mod.

Is-sillabu tal-iskola sekondarja ukoll jitratta suġġetti kurrenti bħad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet fuq il-midja soċjali, is-‘cyberbullying’, l-irwol tal-‘influencers’, ‘revenge porn’, vjolenza domestika, relazzjonijiet, sexting, sess, sesswalità, kontraċezzjoni, abort, ewtanasja u piena kapitali.

Għalkemm dawn is-suġġetti mhux dejjem ħfief biex titkellem fuqhom, l-għalliema tal-Etika huma mħarrġa ħafna fl-immaniġġjar ta’ suġġetti sensittivi bħal dawn, u huma konxji li ħafna studenti għandhom twemmin differenti rigward ċerti suġġetti. Madankollu, in-natura tal-Etika jagħti ċ-ċans għal diskussjonijiet fuq ċerti suġġeti minħabba l-enfażi fuq ir-rispett għal twemmin ieħor.

Kieku kellna nistħu niddiskutu dawn il-kwistjonijiet l-iskola, it-tfal u l-addoloxxenti jsibu spazji alternattivi oħra biex jiddiskutuhom, u xi kultant jistrieħu fuq informazzjoni falza li jsibu. B’hekk, l-għan tagħna huwa li fl-istudenti tagħna noħolqu sens ta’ kura fihom infushom u f’dawk ta’ madwarhom, kif ukoll dispositi kritiċi li tħallihom jivvalutaw kwalunkwe informazzjoni li jiltaqgħu magħhom, b’mod kritiku. Din tgħinhom jevitaw li jiġu mħallta ma’ persuni li jistgħu jkunu jridu jisfruttawhom jew jinfluwenzawhom b’mod negattiv, online jew offline.

Dan huwa partikolarment importanti ghat-tfal u l-addoloxxenti tal-lum, li jiġu influwenzati mil-midja socjali, b’mod li jibdew jirrifjutaw il-valuri tal-ġenituri. Dan huwa preċiżament għaliex uliedna għandhom ikunu mgħallma biex jirriflettu fuq l-għażliet morali tagħhom u jikkunsidraw il-konsegwenzi tal-imġieba tagħhom, kemm għalihom infushom kif ukoll għal ta’ madwarhom.

Dwar l-Awtriċi

Lucianne Zammit hija l-ufficjal tal-edukazzjoni fuq l-Etika. Hija qed issegwi PhD fl’edukazzjoni fl- UCL Institute of Education, fejn qiegħda tiffoka fuq it-tagħlim diġitali tal-Etika fi skejjel Maltin. Hija tgħallem ukoll fl-Universita’ ta’ Malta.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *