Bħalissa ninsabu fl-istaġun marbut mal-Milied, u għal ħafna nies dan l-istaġun huwa meqjuż bħala l-istaġun ta’ l-imħabba, ferħ u prosperita’. Imma sfortunatament dan mhux applikabbli għal kulħadd…għal min hu bħali, it-tiżjin u d-dawl iteptep fost il-kanzunetti ferħana jidwu matul it-toroq iservu bħala vjaġġ mentali lejn il-passat fejn kont niġi trattata ta’ żibel…żmien fejn kont taħt kontroll assolut ta’ narċissist, u l-agħar ħaġa dwar dan kienet li ma stajt nagħmel xejn biex noħroġ mill-morsa li kont spiċċajt fiha.
Kien irnexxielu jaqtagħni kompletament minn mal-familja u l-ħbieb tiegħi, u għalhekk kont nemmen li ma kelli l-ebda mod li bih stajt nitlob l-għajnuna…u onestament, anke kieku kelli ċans noħroġ minn fejn kont, x’aktarx li ma kontx naċċetta għax kont nibża’ minn dak li kien jagħmilli kieku kellu jsir jaf li nkun ftaħt qalbi ma xi ħadd.
Ħafna nies ma jifhmux għaliex persuni f’sitwazzjonijiet abbużivi hekk jibqgħu fejn ikunu, u personalment smajt kemm il-darba frażijiet bħal “Missek tlaqt” jew “Dik għax ma kontx b’saħħtek u waqaftlu” jew “Tgħid ma kontx ħa nkun jien li nħallih jitrattani hekk”.
Ejjew nagħmluha ċara…jien (u naf aktar nisa li bħali għaddew minn esperjenzi simili) mara ndipendenti b’valuri sodi. Iżda taħt il-kontroll assolut ta’ narċissist, dan ma jkunx biżżejjed. Ħa nispjega għaliex…
Narċissist jippreżenta lilu nnifsu bħala persuna perfetta, persuna li kapaċi ssaħħrek warajha b’wegħdiet ta’ futur aħjar. Għall-ewwel ikun preżenti kontinwament, b’imħabba w’affezzjoni, fejn bażikament jittrattak ta’ reġina.
Bil-mod il-mod jibda’ jinbidel – u din il-bidla tkun tant sottili li tispiċċa tiddubita lilek innifsek dwar jekk tkunx qed timmaġina.
Minn hemm jibda’ jikkritika dak kollu li tagħmel, u jekk titkellem jgħidlek li qed tagħmel plejtu għal xejn. Jibda’ jagħfas ‘like’ fuq ritratti u ‘posts’ ta’ nisa oħra quddiemek, u meta tikkonfrontah jakkużak li qed tkun insikura, paranojka u li qed toqgħod issegwih. Jibda’ jikkritikalek ġismek, inaqqaslek ġieħek u jimmanipulak. Jibda’ jgħir ħafna għal kull attenzjoni li tirċievi, speċjalment jekk din tkun ġejja minn xi ħadd maskili, anke jekk ikun evidenti li r-relazzjoni tkun waħda platonika. Imbagħad jiżolak kompletament mid-dinja u jekk taqbeż għalik innifsek ikompli jkissrek.
Jirnexxilu jwasslek f’punt fejn kull ma tibda tara fil-mera jkun kruha u spazju vojt għal xejn. U l-aħħar daqqa’ tkun li jibda’ jsawtek u jgħidlek li kollu t-tort tiegħek għax li jkun ġara jkun riżultat tal-mod li bih tkun ġibt ruħek inti.
Dik kienet l-aħħar ħaġa li aċċettajt. Hekk kif kont ninsab bilqiegħda fit-taraġ mimlija tbenġil, bilkemm nista’ nieħu nifs, irrealizzajt li jien kien ħaqqni ħafn’aħjar minn hekk, u li din il-kolma kerha kellha tintemm minnufih. Kien il-mument li fih irrealizzajt li jien biss stajt insalva lili nnifsi. Hemmhekk sibt dik il-farka kuraġġ li kien fadalli fija nnifsi, qomt u tlaqt il-barra. Kont imwerwra, imma hekk għamilt. Tlabt l-għajuna ta’ familti u l-ħbieb li kelli u mill-ewwel offrewli l-għajnuna u s-sapport tagħhom.
U issa li għaddiet sena, irnexxieli nerġa niskopri lili nnifsi…Erġajt lura għal dik il-mara li kont qabel ma daħal in-narċissist f’ħajti. Erġajt kuntenta u ferħana kif kont qabel. Xi kultant nammetti li nesperjenza xi ftit t’ansjeta’ u saħansitra nsibha diffiċli biex nafda. Ġieli jkolli ħolm tal-biża’ wkoll…iżda min qatt qal li l-fejqan emozzjonali huwa wieħed faċli?
Kull ma nista’ ngħid hu li l-fejqan jagħmel parti minn triq pjuttost iebsa u mżewqa b’uġiegħ, u jien donni diġa għaddejt tlett kwarti minnha u nħossni kburija ta’ dan. Qatt ma tkellimt dwar dak li għaddejt minnu apparti ma dawk li huma viċini tiegħi, iżda dan l-aħħar tant ili nisma’ b’nisa li għaddew minn esperjenzi simili li rrealizzajt li kieku jien ukoll kont naf dak iż-żmien b’nisa oħra għaddejjin minn esperjenzi simili, kieku żgur kont nagħmel aktar kuraġġ u kont nitlaq qabel ma filfatt tlaqt.
Għalhekk nixtieq insellem lil kull persuna li qed taqra’ l-esperjenza tiegħi u li hija għaddejja minn esperjenza simili…tħallix narċissist, jew kwalunkwe persuna oħra, tkissrek. Inti sabiħa, ħaqqek aħjar, u għandek ħafn’aktar x’toffri f’din il-ħajja. Isma minn dak li qed tgħidlek dik il-vuċi ta’ ġo fik u warrab minn dak kollu li ma jagħmlekx kuntenta. Narċissist għandu poter fuqek biss sakemm inti ttiħ iċ-ċans li jkollu – fil-mument li fih twarrab, tkun ħadt lura l-poter kollu li kien ħadlek, u finalment jirnexxilek tarah ta’ dak li tassew hu – bniedem patetiku, imdejjaq u insigur li jieħu gost jagħmel il-ħajja ta’ dawk ta’ madwaru nfern. Għalhekk, żomm rasek il-fuq anke jekk tħossok beżagħna ħafna, u itlaq. Nassigurak li din tkun l-aqwa deċiżjoni li qatt tagħmel f’ħajtek <3
Jekk qed issofri minn xi tip t’abbuż, ikkuntattja l-Appoġġ fuq 2295 9000 jew ‘Supportline’ 179, u staqsihom iqabbduk mas-Sezzjoni tal-Vjolenza Domestika (DVU). Inti tista’ tiġi assenjata ma ‘social worker’ li jista’ jiggwidak personalment dwar l-għażliet disponibbli għalik. Kun af li 179 huwa b’xejn minn kull telefown u mowbajl, u li s-‘social workers’ ma jikkuntatjawkx lura huma sakemm ma ttihomx il-permess inti, sabiex bl-ebda mod ma tiġi f’xi tip ta’ periklu.
‘Women for Women Foundation – Malta’ ġiet maħluqa riċentament bl-għan li tagħti s-saħħa lin-nisa bħal din il-mara sabiex jerġgħu jieħdu l-kontroll fuq ħajjithom, ikunu indipendenti u kapaċi jissapportjaw lilhom infushom u lil uliedhom bil-gwida, is-sapport, l-edukazzjoni u t-taħriġ neċessarju. Inti wkoll tista’ tgħin lil dawn in-nisa billi tagħfas ‘like’ fuq ‘Women for Women Foundation – Malta’s Facebook Page’ u toffri s-sapport tiegħek kif tista’.
Jekk għandek xi esperjenza simili li tixtieq taqsam magħna, ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]