Share the love

l-online schooling

Kienu ħafna li beżgħu mill-għeluq tal-iskejjel għal xhur sħaħ għal raġunijiet ovji, iżda reġa’ ġara l-istess. Mill-15 ta’ Marzu 2021 ġie ntrodott l-online schooling f’Malta għat-tfal kollha li jattendu l-iskola, bil-ħsieb li jiġi tiġi kkontrollata l-imxija tal-COVID-19 fil-gżejjer Maltin waqt il-proċess nazzjonali tal-vaċċinazzjoni. Sfortunatament din id-deċiżjoni ħolqot tensjoni, insigurta’, instabbilta’ u stress fuq ħafna familji bit-tfal. L-aktar milquta minn din id-deċiżjoni huma bla dubju ta’ xejn l-ommijiet li jaħdmu.

Ħafna ommijiet ħassew il-bżonn li jiftħu qalbhom dwar il-problemi marbuta ma din l-istrateġija fuq il-medja soċjali, inkluż fuq il-grupp ta’ Facebook Women for Women (Malta). Minn dawn il-messaġġi jidher biċ-ċar li l-ommijiet qed iħossuhom mifnija u eżawriti waqt li qed ikollhom jipprovaw ilaħħqu ma’ kollox, inkluż ix-xogħol, faċendi, assistenza għal sigħat sħaħ m’uliedhom waqt l-online schooling … biex finalment xorta qed iħossu li qed ifallu f’kollox!

Ma nistax insib kliem eżatt biex nispjega kemm qed inħossni eżawrita. Kliemi bilkemm qed jagħmel sens! Tant jien għajjiena li ħin minnhom bdejt infittex il-mowbajl u ma rrealizzajtx li kont qegħda fuq il-linja fuq l-istess mowbajl! U dan wara biss jumejn! Huwa diffiċli wisq li ssegwi xi jkunu qed jagħmlu t-tfal waqt l-online schooling u fl-istess ħin taħdem mi-dar. Inħossni mentalment imkissra, u ma nistax nimmaġinani nagħmel dan għal ġimgħa oħra jew aktar, jekk ir-restrizzjonijiet jiġu mġedda. Bi 3 ulied taħt l-10 snin, l-online schooling toħloq sfida kbira! Possibbli li ma nistgħux insibu soluzzjoni oħra? Mhux kull xogħol jista’ jsir mid-dar, u meta jkollok ċertu responsabbiltajiet ikollok bilfors tara kif se tlaħħaq. Diġa’ qabżu s-6 ta’ filgħaxija u naf li fadalli numru ta’ sigħat biex forsi jirnexxili ndur l-imejls li rċevejt illum.

Rose Vassallo

Irrid nara kif ħa nlaħħaq xogħol full time u l-online schooling ta’ wild ta’ 4 snin waqt li nieħu ħsieb wild ieħor ta sentejn! Impossibbli! Għandi ġenn biex jaslu l-vaganzi tal-Għid biex forsi (nittamaw) it-tfal jerġgħu jirritornaw lura lejn l-iskola f’April.

Daniela Abela

Inħoss il-bżonn ta’ vaganza bi straight jacket u Haledol drip. U kull m’għandi huwa urugan li daqt tagħlaq 15-il xahar 🥵 Tgħallmet taqbeż u titla’ l-hemm u l-hawn. U għalhekk waqt li suppost inkun naħdem qed nispiċċa jew niġri warajha, jew nikkonslaha jew nerfagħha. Żgur mhux forsi li m’hemmx ċans ta’ bonus f’dan il-kwart tas-sena li ninsab fih 😏 Inhobbha bla qies u bla dubju lesta nilqa’ sparatura biex insalva lilha, imma qed nispiċċa nibki ħafna drabi matul il-ġurnata għax mhux inlaħħaq.

Tina Hammer

Mhux l-online schooling il-problema…dak nista’ nkampa bih. Il-problema huwa l-online schooling max-xogħol mid-dar. Għandi 3 itfal taħt is-6 snin u s-sitwazzjoni ma tistax tkompli b’dal-mod għal tul ta’ żmien. Ir-raġel jgħinni ħafna u l-ġenituri tiegħi ukoll, iżda qed inbagħtu. Xi ħaġa trid tinbidel. Hemm limitu ta’ kemm iljieli nista’ norqod biss 4 jew 5 sigħat biex inlaħħaq mas-sigħat li għandi bżonn naħdem.

Petra Jones

Kif tista’ mara taħdem mid-dar u ssegwi l-online schooling ma wild wieħed, u aktar minn hekk, ma 2 jew 3? Sfortunatament anke waqt pandemija, hija s-single mother li jkollha tbati.

Julia Navarro

Hemm nisa li lura f’Marzu 2020 għażlu li jħallu l-uliedhom id-dar u jgħinnuhom huma minħabba l-pandemija. Madankollu, b’dan il-mod it-tagħlim jista’ jseħħ fi kwalunkwe ħin. Iżda waqt l-online schooling f’Malta, it-tfal għandhom bżonn isegwu sett ta’ regoli, inklużi l-puntwalita’ u d-disponibbilta’ waqt il-ħinijiet assenjati mill-iskola…ħinijiet li huma simili ħafna għas-sigħat ta’ ġurnata ta’ skola normali. Dan jagħmel l-online schooling aktar diffiċli biex tadatta miegħu…

Ilna għaddejjin b’mod simili sa mill-bidu għax lill-uliedi ma bgħatthomx skola dis-sena skolastika. Sa qabel dil-ġimgħa konna għaddejjin tajjeb, xejn interazzjoni mal-għalliema. F’daqqa waħda BOOM iż-żewġ uliedi ta 4 u 6 snin għandhom isegwu l-online schooling full-time. It-tnejn li huma jirrikjedu ħafna assistenza u preparazzjoni. Mexxejt il-ħin tax-xogħol tiegħi mill-11am sal-5pm għalissa, iżda onestament inħossni falluta kemm bħala ħaddiema kif ukoll bħala għalliema u omm! Huwa mpossibbli taċċella f’xi ħaġa meta ssib ruħek imġebbda b’dal mod!

Anonima

U xi ngħidu għall-ommijiet bi tfal li għandhom abbiltajiet differenti?

Għandi tifel bi bżonnijiet speċjali. La jaf jilbes, la jaf jiekol…għandu bżonn superviżjoni kostanti. Inħossni ferm irrabjata li xejn m’hu qed isir biex jgħinna…u iva, jien naħdem full-time mid-dar, ngħin tfal oħra bi bżonnijiet speċjali, iżda hemm bżonn ta’ soluzzjoni oħra. Bilkemm qed inlaħħaq max-xogħol li għandi nagħmel jien, aħseb u ara nieħu ħsieb il-ħaddieħor fl-istess ħin.

Anonima

Diffiċli wisq. Inħoss li għalkemm inkun preżenti fiżikament, mentalment mhux inkampa. Moħħi ma jiflaħx għal dan kollu. 3 itfal, 2 fuq l-ispectrum jagħmlu l-online schooling u tarbija ta’ sena enerġetika mmens.

Nari Fal

Hemm ukoll ommijiet li sfortunatament ma kellhomx għażla oħra ħlief li jitilqu mix-xogħol biex jgħinnu l-uliedhom waqt l-online schooling f’Malta. U għalkemm il-gvern qed jagħti għajnuna finanzjarja lil ġenituri li għażlu li jieħdu leave bla ħlas biex jieħdu ħsieb l-uliedhom, dan mhux biżżejjed għal familji bi qligħ wieħed, bħal ma għandhom is-single parents.

Jiena ddejċidejt li nieħu leave bla ħlas għax ma nistax naħdem u nieħu ħsieb lil binti waqt 5 sigħat skola, u nlaħħaq ma tarbija fl-istess ħin. Impossibbli.

Anonima

Ma ninsewx ukoll nisa li waqt dan kollu jridu jlaħħqu ma korsijiet edukattivi jew korsijiet Universitarji bil-ħsieb li javvanzaw fil-karriera tagħhom…

Għandi tifel ta’ 5 snin u tarbija ta’ xahar li tibki l-ħin kollu u bilkemm torqod. Sadattant qed naħdem u nistudja. Ilna biss jumejn għaddejjin f’dil-ħajja u nħossni se niġġennen. Ma nafx kif ħa nkampa ġimgħatejn oħra hekk. Nittama li l-online schooling jitwaqqaf u ma jiġix estiż wara l-vaganzi tal-Għid.

Amanda Abdilla Padovani Ginies

Tnejn minn uliedi qed isegwu l-online schooling, u waqt li l-kbira kapaċi tkampa waħedha, iż-żgħira għandha bżonn għajnuna kontinwa għax tiġi distratta faċilment meta tkun onlajn. Barra mill-faċendi ta’ kuljum, naħdem part time u qed insegwi wkoll Degree l-Universita’ ta’ Malta li għalih għandi bżonn nistudja u nsegwi lekċers onlajn. Li nagħmel dan waqt li binti qed tattendi l-online schooling huwa mpossibbli. Kull m’għaddew jumejn u nħossni se niġġennen.

Claire Galea

In-nanniet qed ikollhom jerfgħu responsabbilta’ żejda f’dawn iż-żminijiet, fejn uħud minnhom qed ikollhom ipoġġu s-saħħa tagħhom fil-periklu billi jgħinnu lin-neputijiet waqt l-online schooling…

Jiena nanna u qed nipprova ngħin f’din is-sitwazzjoni. Jekk hawn nanniet oħra jaqraw dal-messaġġ, għinnu kif tistgħu għax is-sitwazzjoni hija waħda trawmatika għall-ommijiet li jaħdmu.

Anonima

Ejjew ma ninsewx li wħud minn dawn l-ommijiet li qed isibuha diffiċli jkampaw m’uliedhom waqt l-online schooling huma għalliema. L-għalliema kellhom ikomplu jippjanaw il-lezzjonijiet, jikkoreġu, u fl-istess waqt joħolqu kontenut interessanti u interattiv għat-tfal, filwaqt li jadattawh għal sistema ġdida onlajn. Fl-istess waqt kellhom ukoll jassistu l-uliedhom fl-online schooling, apparti l-faċendi ta’ kuljum…

Ninsab fl-istess dilemma…għandi wild ta 6 snin u wild ieħor ta kważi 4 snin, u fl-istess waqt ikolli nagħmel il-lezzjonijiet għall-istudenti tiegħi għal-ġurnata sħiħa. Nagħmel xogħli b’passjoni iżda fl-istess waqt qed inħossni abbandunajt l-uliedi.

Rebecca Falzon

Nemmen li s-sitwazzjoni kurrenti tal-online schooling f’Malta enfasizzat il-bżonn ta’ aktar strutturi biex jgħinnu l-ommijiet li jaħdmu. Huwa evidenti li l-ommijiet li jaħdmu qed jiġu mġebbda ħafna aktar minn kemm għandu jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli. Wieħed jista’ jargumenta li din hija pandemija u għandna nadattaw għaliha. Iżda d-dejn irid jitħallas, it-tfal iridu jiġu mitmugħa u mgħejuna, u n-nisa għandhom bżonn ix-xogħol tagħhom, illum aktar minn qatt qabel.

Il-maġġoranza tal-missirijiet ma jaħdmux mid-dar u huma l-ommijiet li ħafna drabi jagħżlu xogħol li jista’ jsir mid-dar. Iżda anke fi strutturi fejn kemm il-missier kif ukoll l-omm jaħdmu mid-dar, il-problema tibqa’ hemm. Huwa evidenti li li taħdem mid-dar waqt l-online schooling huwa mpossibbli, kif jidher fil-messaġġ li ġej…

M’għandix soluzzjoni. Li naf huwa li dil-ġimgħa tkissirna bħala familja. Qatt m’ordnajt daqshekk take-aways, u d-dar diżastru. Għandi 2 itfal: 4 snin li qed isegwi l-online schooling, u wild ta sentejn. Kelli lezzjonijiet it-Tnejn u l-Erbgħa fejn ir-raġel kellu jieqaf minn xogħolu biex joqgħod mat-tfal, u għalhekk kellu jaħdem sat-tard. Jien ipprovajt noqgħod magħhom bejn il-lezzjonijiet. Kultant ħadd minna ma seta’ joqgħod magħhom għax jien kelli lezzjoni u hu kellu telefonati mportanti tax-xogħol…it-tifel ma jridx joqgħod quddiem skrin, it-tifla taħrabli waqt li nipprova ngħin lit-tifel. Falliment totali. Il-ġimgħa d-dieħla nibda l-maternity leave…dak biss se jsalvana. Għalina mhux possibbli naħdmu mid-dar u noqgħodu mat-tfal. Għadhom żgħar wisq. Xi ħadd kien ikollu jċedi xogħlu. Skużawni tal-messaġġ twil tiegħi iżda dan żmien diffiċli wisq u ntertaq qalbi naħseb f’dawk l-ommijiet kollha li għandhom xogħol u jinsabu waħedhom m’uliedhom f’dan iż-żmien.

Estelle Imbroll

Din il-pandemija donnha qed tieħu ż-żmien tagħha, u m’għandna l-ebda garanzija li se tgħaddi fiż-żmien qarib. U għalhekk irridu nikkunsidraw dan ix-xenarju prezenti u nippreparaw għas-sena li ġejja. Francesca Fenech Conti, il-kreattriċi u l-amministratur ta’ wham u Women for Women (Malta) ħarġet bl-idea li ommijiet li jinteressahom jistgħu forsi jingħataw taħriġ bħala child carers li jkunu jistgħu iżuru djar privati u joffru s-servizzi tagħhom.

Jekk nikkreaw opportunita’ ta’ taħriġ b’dal-mod inkunu qed nipprovdu għajnuna lill-ommijiet li qed isibuha diffiċli jlaħħqu max-xogħol waqt l-online schooling, kif ukoll l-ommijiet li spiċċaw mingħajr childcare. Ovjament dan jieħu ż-żmien iżda diġa’ jeżistu korsijiet ta’ childcare – Jobsplus għandhom kors li joffru b’xejn. Kors hekk jista’ jiġi ppreżentat bħala skema għall-ommijiet li m’għandhomx xogħol u li jkunu jixtiequ joffru s-servizz ta’ childcare fi djar ta’ nisa li jaħdmu…Idealment il-gvern joffri sussidju għal dawn is-servizzi bħal ma jagħmel għal familji li jħaddmu full time carers għall-anzjani fi djarhom.

Francesca Fenech Conti

Ħaġa waħda hija ċerta…bħal ma ħafna minna diġa’ semgħu qabel, il-mara hija mistennija taħdem bħallikieku m’għandhiex tfal, u tieħu ħsieb lit-tfal daqs li kieku ma taħdimx. Ġa għaddiet sena mindu feġġet din il-pandemija. Għandna bżonn noħorġu b’ideat aħjar li jistgħu jgħinnu lin-nisa għax-xhur u s-snin li ġejjin. Ejjew ningħaqdu flimkien u naħdmu sabiex dan iseħħ.


Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam ma’ wham, f’ismek jew b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love