Share the love

Laura Paris

“Isma’, imma tibżax tagħmel xi ħaġa li hija għal qalbek għax tiddevja min-‘normal’. Jekk issegwi l-boxxla nterna tiegħek, il-ħajja għandha mod umoristiku kif tisvolġi.”

Laura Paris

Riċentament, Laura Paris ikkolaborat ma’ ‘Break the Taboo’ kif ukoll ma’ ‘Young Progressive Beings’ biex tinħoloq kollezzjoni ta’ esperjenzi ta’ nisa li għamlu abort. Dan il-proġett issejjaħ ‘Dear Decision Makers’ u sar bit-tama li jipperswadu lil dawk li joħolqu l-liġijiet f’ Malta biex jisimgħu t-talbiet tan-nisa u joħolqu dibattitu fuq il-projbizzjoni totali tal-abort f’Malta.

Aħna ta’ Wham tkellimna ma’ Laura biex insiru nafu aktar fuq  x’ jogħġob lil din il-mara żagħżugħa u ambizzjuża. Hija taħdem bħala speċjalista tal-kontroll tal-mard f’ emerġenzi umanitarji u għandha nteress kbir fid-drittijiet tan-nisa.

Allura Laura għidilna aktar fuqek innifsek, u fuq xogħlok. X’ jagħmel eżatt specjalista tal-kontroll tal-mard waqt emerġenzi umanitarji, u kif spiċċajt taħdem f’ dan ix-xogħol? Xogħlok ġie affettwat mill-Covid u tista taħdem f’ postijiet oħra?

Dejjem ħassejtni attrattata lejn ix-xjenzi bijoloġiċi, u issa din il-passjoni kibret u mmaturat f’ xewqa speċifika biex nagħti l-kontribut tiegħi lejn il-ġlieda globali kontra mard infettiv u titjib ta’ saħħa nternazzjonali. L-għażla ħadtha minħabba l-esperjenzi li għaddejt minnhom waqt li kont qed naħdem ma’ komunitajiet sottoprivileġġati madwar id-dinja. Waqt dawn l-esperjenzi rajt devastazzjoni kbira li ġiet ikkawżata minn mard li jittieħed, speċjalment f’ postijiet fejn kellhom riżorsi limitati.

Bħalissa qed naħdem ma’ NGO imsejħa ‘The Mentor Initiative’. Il-mandant ta’ din l-NGO huwa biex tnaqqas l-imwiet u tbatija kkawżati minn mard tropikali ġo pajjiżi li qed jaffaċċjaw kriżi umanitarja (bħas-Sirja, is-Sudan t’ isfel, CAR…). Ninsab ibbażata fil-kwartieri ġenerali f’ Londra u nipprovdi s-sapport lit-tim tas-Sudan t’ isfel. Hawnhekk il-kompiti jvarjaw bejn kitba ta’ applikazzjonijiet ta’ grant u riċerka fuq proposti li jistgħu jgħinu fit-tfassil ta’ programmi ta’ kontroll għall-mard tropikali bħall ‘malaria’ u  ‘leishmaniasis’ f’postijiet b’ riżorsi limitati.

Il-Covid għamilhielna diffiċli biex naħdmu fuq l-operat u t-tnedija tal-programmi minħabba r-restrizzjonijiet ta’ l-ivjaġġar, l-inflazzjoni tal-prezzijiet ta’ ikel lokali u ż-żieda tal-faqar. Min-naħa tagħhom dawn ikkawżaw żieda fi vjolenza u nkwiet f’ pajjiżi li kienu diġa’ instabbli. Waqt dan il-mument qed nistenna li jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar, sabiex immur is-Sudan t’ isfel u ntaffi l-piż fuq xi wħud mill-voluntiera li ma setgħux jiġu lura. Iżda bħalissa, qed naħdem b’ mod virtwali.

Naf li tagħmel ħafna xogħol umanitarju mat-tfal fil-Kenja – tista’ tgħidilna dan kif seħħ? Għandi raġun ngħid li inti ħlaqt NGO hemmhekk stess?

L-ewwel darba li żort il-Kenja kelli biss tmintax-il sena u mort biex nagħmel ftit xogħol ma’ grupp tal-missjoni. Meta kont hemm ġejt abbinata mal-komunita’ li kont qed naħdem fiha u b’hekk erġajt żortha s-sena ta wara. Jien, flimkien ma’ grupp tal-missjoni lokali, ħloqna programm li issa huwa NGO irreġistrat imsejjaħ ‘Sponsor My Future’, li jissaporti l-edukazzjoni u l-ħajja tat-tfal. Issa ili naħdem ma’ din il-komunita’ żmien twil u hija verament ħaġa sabiħa li tara dawn it-tfal jikbru u jirnexxu. Għandna wkoll ftit tfal gradwati mill-Universita’!

Jekk trid aktar informazzjoni fuq din l-inizjattiva, jekk jogħġbok żur il-paġna tal-Facebook tagħna, jew is-sit https://sponsormyfuture.org/.

laura paris

Jiena nemmen ħafna fl-importanza tal-mudelli ta’ rwoli – speċjalment mudelli ta’ rwoli nisa. Fi tfulitek, kellek xi mudelli ta’ rwoli nisa, jew nisa li kont veru tammirahom?

Ma’ nistax ngħid li kelli mudell ta rwol wieħed partikolari waqt li kont qed nikber, iżda minn dejjem kont esposta għall-nisa b’ saħħithom u li jaħdmu ħafna. Il-bużnanna, Anne Agius Ferrante, kienet bdiet trabbi t-tfal weħidha ta’ dsatax-il sena, u wara saret ukoll l-ewwel mara MP tal-Partit Nazzjonalista. Ommi, sid ta negozju ġo spazju mimli rġiel, urietni li hija possibbli li jkolli karriera tiegħi kif ukoll familja. Nannti, magħrufa li tgħid dak li għandha f’moħħha u li taqbeż għal dak li temmen, hija sors kontinwu ta inspirazzjoni u sapport matul ħajti kollha. Fl-aħħar, Sister Celine, li hija soru li taħdem fil-missjoni, u li magħha waqqaft ‘Sponsor My Future’, għalmitni l-valur tat-tjubija u l-importanza li naqbżu għall komunitajiet foqra u l-aktar membri emarġinati tas-soċjetà. Nista ngħid li dawn huma l-aktar nisa li inspirawni tul ħajti.

Minn fejn bdiet il-passjoni għas-saħħa u d-drittijiet tan-nisa fik? Kien hemm xi sitwazzjoni li skattat din il-passjoni, jew forsi persuna partikolari li spiratek?

Matul l-esperjenzi li għaddejt minnhom, kemm meta ħdimt ġo postijiet żviluppati kif ukoll postijiet li mhumiex, huwa ċar li f’ ħafna pajjiżi madwar id-dinja, inkluża Malta, prattiki patrijarkali għadhom dominanti. In-nisa u l-bniet huma affettwati b’ mod sproporzjonat bil-faqar, u xi kultant għandhom mill-inqas jew xejn ċansijiet biex jgħidu l-opinjonijiet tagħhom fuq deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom. Dan l-izbilanċ ta’ poter iġib lin-nisa aktar vulnerabli għall-vjolenza sesswali u fiżika, li għandha mpatt fuq is-saħħa, l-istatus ekonomiku u l-benesseri ġenerali.

Malta ta’ spiss tkun idealizzata biex turi ambjent sikur, fejn kulħadd jitqies ugwali u assulti sesswali huma kważi non-eżistenti. Jekk inti mara li kbirt f’ Malta, taf fiċ-ċert li dan m’ huwiex il-każ. Ammont kbir minn sħabi, inklużi jien, konna nvoluti f’ assulti sesswali li jvarjaw, fi stadji differenti ta ħajjtina. Ftit minnha għaddejna minn esperjenza hekk aktar minn darba waqt iż-żmien tal-iżvilupp.  Dan mhuwiex aċċettabbli. Jekk irridu verament nipproteġu lin-nisa u l-bniet li jgħixu ġo dan il-pajjiż, irridu noħorġu rasna minn ġor-ramel u nibdew nitkellmu fuq l-affarijiet li jġiegħluna nħossuna skomdi. Kulħadd għandu jagħti kas ta dawn il-kwistjonijiet, irrispettivament jekk intix se tkun affettwata direttament minnhom jew le, sabiex tassigura l-kisba tal-ugwaljanza fuq livell legali u soċjali.

Minn Women for Women ħafna nisa ta’ daqsek bagħtuli biex jgħiduli li jsibuha diffiċli li jgħidu li huma favur l-għażla fejn jidħol l-abort. Inti minn dejjem kont favur l-għażla u sibtha diffiċi tiftaħ qalbek fuqha?

Meta kont żgħira kont nemmen dak kollu li kienu jgħidulna l-iskola: li l-abort huwa qtil u li qatt m’ għandna nagħmluh. Kienu wrewna vidjow jismu ‘The Silent Scream’, fejn tarbija li kienet qed tiżviluppa sew u għadu ġol-ġuf kien ġie mqatta’ f’ biċċiet żgħar – ma nistax ninsa dawk ix-xeni fejn kien hemm biċċiet tat-tarbija barra mill-‘abortion clinic’. Meta mort l-universita’ fl-Ingilterra tgħallimt li hemm differenza kbira minn dak li kienu wrewna l-iskola għar-realta’ u li hemm ħafna raġunijiet għala mara jista’ jkollha bżonn tagħmel abort. Li tissapportja d-drittijiet tan-nisa għall-awtonomija tal-persuna ma jagħmel lil-ħadd qattiel. Sfortunatament, hemm nisa li qed jgħaddu minn sitwazzjonijiet li personalment lanqas jien ma nista’ nifhem, u fl-aħħar mill-aħħar għandhom id-dritt li jagħmlu dak li jħossu li hu ideali għalihom, għal-familthom u għas-sitwazzjoni li għaddejjin minnha. B’ hekk jien ma nistħix ngħid li jiena favur l-għażla u li qatt ma sibtha diffiċli niddiskuti l-opinjonijiet tiegħi.

Xi trid tgħid lil dawk in-nisa żgħar li jħossuhom ma jistgħux jiftħu qalbhom fuq l-opinjonijiet tagħhom?

Qatt m’għandek tistħi taqbeż għal dak li temmen fih u m’ għandekx tistħi meta tkun ġo diskussjoni ma’ nies li ma’ jaqblux miegħek. L-unika mod li bih tista’ tqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet b’mod partikolari kwistjonijiet relatati mas-saħħa u l-benesseri tan-nisa, huwa li nitkellmu fuqhom.

Għidilna aktar fuq ‘Dear Decision Makers’: x’ inhu l-iskop wara l-idea u x’ inhu l-pass li jmiss? Għadek qed tiġbor l-istejjer?

L-għan tal-kampanja, li hija ssapportjata minn ‘Young Progressive Beings’ u ‘Break the Taboo Malta’, hija li jixħet dawl fuq il-firxa tad-dannu kkawżat mill-kriminalizzazzjoni u l-projbizzjoni sħiħa fuq l-abort f’ Malta. Aħna qed nipprovdu pjattaforma sikura għan-nisa u membri oħra tal-pubbliku ġenerali biex jaqsmu l-istorja tagħhom u jesprimu ħsara, biża u trawma mhux neċessarja li jġibu magħom il-liġijiet rigward l-abort. Nistiednu wkoll professjonisti tas-saħħa publika biex jingħaqdu ma’ din il-kampanja u jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom. Permezz ta’ dawn il-vucijiet magħqudin, nixtiequ nwasslu l-messaġġ lil dawk li jfasslu l-liġijiet u lill-pubbliku Malti li l-aċċess għal abort sikur huwa essenzjali.

Bħalissa qegħdin fil-fażi li niġbru l-istejjer u se nibqgħu għaddejjin sakemm naħsbu li għandna biżżejjed materjal biex noħolqu kampanja tajba kemm jista’ jkun. L-għan tagħna huwa li nippublikawhom f’ parti minn dokument uffiċċjali li se jkun immirat lejn dawk li joħolqu l-liġijiet u li jkunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali wkoll.

Fejn u x’ tixtieq li tkun qed tagħmel madwar ħames snin oħra?

F’ xogħli tant għandi diversita’ li lanqas nista’ ngħid fejn jew x’ se nkun qed nagħmel madwar ħames snin oħra! Nispera biss li nkun ferħana u li nkun qed nagħmel xi ħaġa eċitanti fejn inkun nista’ noħloq differenza.

X’ inhu l-aħjar parir li tagħti lilek innifsek kieku għandek ħmistax-il sena u taf dak kollu li taf illum il-ġurnata?

  • Tibżax tgħid le. Li tgħid le ma jafissirx li mintix b’saħħtek u m’għandek qatt tgħid le meta tkun qed taffaċċja ‘peer pressure’, lil raġel u l-ħbieb.
  • L-azzjonijiet mhux il-kliem. Il-kliem ma jfissru xejn jekk ma jkunx hemm azzjoni u huwa dejjem aħjar li tiġġudika n-nies mill-imġieba tagħhom milli mill-affarijiet li jgħidu. Dan huwa partikolarment minnu għas-subien!
  • ‘Cut your parents some slack’. Huma ma jobgħodukx. Huma biss inkwetati fuqek. Li tkun tista’ tiftaħ qalbek  mal-ġenituri u tkun tista’ titkellem magħhom fuq dak li qed jiġri f’ ħajtek (skont ir-raġuni, hemm affarijiet li m’hemmx għalfejn ikunu jafuhom), huwa dejjem aħjar.
  • Iddedika ħin għan-nanniet. Ħa timmisjahom meta jiġu nieqsa.
  • Emmen dak li jgħidlek l-istint. Jekk ma tħossokx tajba dwar xi ħaġa, tagħmilhiex.
  • Segwi l-boxxla nterna tiegħek. Meta nkunu żgħażagħ KULĦADD ikollu parir x’ jagħtina jew xi ħaġa x’ jgħidulna fuq il-futur tagħna. Isma’, imma tibżax tagħmel xi ħaġa li hija għal qalbek għax tiddevja min-‘normal’. Jekk issegwi l-boxxla interna tiegħek, il-ħajja għandha mod umoristiku kif tisvolġi.
  • Dejjem hemm għada. Ma jimpurtax jekk kellek ġurnata diffiċli, dejjem hemm għada. Huwa normali li jkollok ġranet ħżiena u li tħossok ħażin, imma huwa importanti li tiftakar li dawn il-ġranet koroħ mhumiex permanenti u li dejjem hemm ġranet aħjar il-quddiem.

Share the love