Share the love

lura lejn l-iskola

Aħna u nersqu lejn tmiem l-istaġun tas-sajf aħna l-ommijiet nibdew nimtlew bi ħsibijiet relatati mal-fatt li t-tfal tagħna se jerġgħu jirritornaw lura lejn l-iskola. Ovjament dawn il-ħsibijiet jistgħu iġibu magħhom mewġa t’ansjeta’ – “Għandi bżonn nixtri aktar uniformijiet? Għandna żraben u kalzetti? Żgur għandna bżonn basktijiet, ‘pockets’, fliexken tal-ilma, kaxxi tal-ikel… il-lunches! X’nista nagħmel lit-tifla biex forsi tikolli l-iskola daqs kemm hi ‘picky’ fejn jidħol l-ikel? Nispera li t-tfal jissetiljaw faċilment dis-sena. U ma rridx ninsa-t-trasport u minjaf x’fadalli niftakar aktar…”

Għalkemm dan il-kunflitt f’moħħna nesperjenzawh sena wara l-oħra, din id-darba se tkun agħar għal dawk l-ommijiet li żammew lit-tfal id-dar magħhom is-sena l-oħra minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Tfal li kienu kkunsidrati vulnerabbli ma setgħux imorru skola. U filwaqt li ħafna mit-tfal żgħar kienu offruti lezzjonijiet virtwali, studenti mis-7 sena-il fuq tħallew ifendu għal rashom sa l-aħħar ftit xhur qabel l-eżamijiet tal-aħħar. U mhemmx xi ngħidu, dan kollu rrifletta fir-riżultati li ġabu fl-eżamijiet ħafna minn dawn it-tfal.

Issa li qed noqorbu għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida, irridu ndaħħlu f’moħħna li din is-sena se tkun iebsa għal dawk it-tfal li kellhom iżommu mad-distanza soċjali, anke jekk ma setgħux jifhmu għaliex; tfal li ma setgħux jaqsmu l-affarijiet ma xulxin wara li dejjem kienu ġew mgħallma li ‘sharing is caring’; tfal li kellhom jidraw il-fatt li d-daħka ta’ kulħadd kellha tiġi mgħottija minħabba l-użu tal-maskra mandatorja; tfal li kull ma kellhom jagħmlu huwa li jqumu mis-sodda u jippreparaw biex jidħlu għall-lezzjoni virtwali ftit minuti wara. Ma dawn, ma nistgħux ninsew li ħafna tfal, speċjalment dawk xi ftit akbar, kellhom jesperjenzaw stress kontinwu mingħajr iċ-ċans li jiżvugaw f’ attivitajiet extra-kurrikulari, hekk kif il-maġġoranza ta’ dawn twaqqfu minħabba l-pandemija.

F’dan l-artiklu, aħna ta’ Wham ħsibna sabiex niġbru lista ta’ ideat bl-iskop li ngħinu lilkom l-ommijiet tkunu aktar organizzati u sabiex niffaċilitawlkom ħajjitkom u ħajjet uliedkom…

1: Iddiskutu l-Aspettattivi

Għal ħafna tfal, tagħlim l-iskola b’mod fiżiku sar biss memorja. Il-maġġoranza ta’ dawn it-tfal hemm ċans li jsibuha aktar bi tqila jqumu kmieni u joħorġu mid-dar biex imorru l-iskola ħames darbiet fil-ġimgħa.

Għalhekk iddiskutu l-aspettativi li għandhom it-tfal għas-sena skolastika li jmiss. Isma sew u ħu nota jekk isemmu sitwazzjonijiet li mhux se jkunu possibbli minħabba l-pandemija li għaddejjin minnha. Fakkarhom li l-maskri xorta għandhom jibqgħu jintlibsu u li għandhom jibqgħu iżommu d-distanza soċjali. Avżahom ukoll li ċertu protokolli hemm ċans jinbidlu mil-lejl għan-nhar ħalli jekk jiġri hekk ikunu ppreparati. Jekk tinnota li hemm xi ħaġa li qed tinkwetahom tkellimha magħhom.

2: Ipprepara u Ixtri l-Affarijiet Neċessarji

Fil-bidu ta’ kull sena skolastika aħna l-ommijiet irridu nħabbtu rasna ma dik il-lista tax-xiri. Apparti l-flus li jkollna nonfqu fuq l-affarijiet, ma rridux ninsew il-fatt li ta’ spiss immorru biex nixtru l-affarijiet neċessarji imma niġu nformati li ma baqax – ħaġa vera tedjanti. U hawnhekk qed nitkellmu fuq l-affarijiet neċessarji bħall-uniformi u kotba.

Għal din ir-raġuni nirrakkomandaw li fejn hu possibbli tixtru l-bżonnijiet tat-tfal ġimgħat jew xhur qabel. Meta tagħmel hekk tkun tista’ sserraħ rasek li la t-tfal jibdew jattendu l-iskola jkollhom kollox issetiljat. Xi bżonnijiet li għandek tikkunsidra huma:

  • Uniformijiet
  • Żraben
  • Basket tal-iskola
  • ‘Pocket’
  • ‘Lunch box’
  • Flixkun tal-ilma li jista’ jimtela’
  • Kotba
  • ‘Stationery’
  • Trasport
  • ‘Booking’ tal-‘Extra hours’

3: Iddiskutu r-Rutina

Ħaġa tajba li ħarġet mill-lezzjonijiet virtwali hija li t-tfal ma ħlewx il-ħin jistennew għat-trasport biex imorru l-iskola mid-dar u viċi-versa .Għalkemm l-istudenti kienu mistennija li jilbsu pulit, ċertu regoli kellhom jiġu rilassati minħabba li s-sitwazzjoni kienet ġdida kemm għall-edukaturi kif ukoll għat-tfal.

Qabel ma t-tfal imorru lura lejn l-iskola għandna niddedikaw ftit ħin biex niddiskutu l-importanza tar-regoli. Li tqum filgħodu kmieni hija ħaġa ta’ bilfors – u bħal ma jgħidu, il-kollazzjon huwa l-aktar ikla mportanti fil-ġurnata. Ippjana sew minn qabel, speċjalment jekk it-tfal huma ‘picky eaters’, biex tevita skużi mit-tfal biex jitilqu lejn l-iskola fuq stonku vojt. Fakkarhom ukoll li issa se jerġgħu jibdew jilbsu l-uniformi.

4: Applika Rutina Ġdida

Ħafna tfal jidraw jorqdu u jqumu tard fis-Sajf. Għalhekk, huwa ideali li tgħinnhom jidħlu lura fir-rutina ftit ġimgħat qabel ma terġa tibda l-iskola. Ippreparahom biex jidħlu jorqdu ftit aktar kmieni mill-ġurnata ta’ qabel, sakemm jibdew iqumu f’ħin viċin ta’ dak li jqumu fih waqt l-iskola.

Ibda implementa rutina simili ta’ dik li tkun se tintuża matul is-sena skolastika. Aktar ma tipprepara lit-tfal kmieni, aktar tiġihom faċli biex jidraw għodwiet strutturati.

5: Ifforma Rutina Għalik Għal Filgħaxija

Biex tevita l-ġenn ta’ filgħodu waqt l-iskola, ifforma rutina għal filgħaxija li tista’ tgħin kemm lilek u kemm lit-tfal iħossuhom ippreparati. Rutina ideali tista’ tkun:

  • Tiċċekkja li t-tfal lestew ix-xogħol li l-għalliema tawhom għad-dar
  • Tara li t-tfal ippreparaw il-basket tal-iskola għall-għada
  • Tkun ċerta li l-‘lunches’ u l-ikel għal kollazzjon huma disponibbli
  • Tipprepara l-ikel tal-iskola biex l-għada filgħodu ssibu lest
  • Tagħmel l-‘alarm’ għall-ħin li fih għandek bżonn tqum

6: Il-Kwalita’ tal-Ħin vs Il-Kwantita’

Mingħajr dubju l-maġġoranza tat-tfal qattgħu ħafna mill-ħin tagħhom mal-membri tal-familja minn mindu l-pandemija tal-COVID-19 laqtet lid-dinja, u dan ifisser li ħafna tfal (u possibilment anka membri oħra tal-familja) x’aktarx jesperjenzaw biża’ jew ansjeta’ x’ħin jiftakru li se jkollhom iqattgħu sigħat il-bogħod mill-familja tagħhom ta’ kuljum.

Li tqatta’ ftit ħin ta’ kwalita’ mat-tfal żgur jista’ jnaqqsilhom ftit minn din l-ansjeta’. Li tqatta ħafna ħin magħhom hija ħaġa tajba imma diffiċli llum il-ġurnata, speċjalment bil-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu fiha. Fl-istess ħin, l-enfasi għandha tkun fuq il-kwalita’ u mhux il-kwantita’ tal-ħin. Sib ċans biex tgħannaq lit-tfal, tismagħhom, tkellimhom u tgħidilhom li tħobbhom.

7: Inkuraġġixxi Attivitajiet Għal Wara l-Ħin Ta’ l-Iskola

Attivitajiet ta’ wara l-iskola għandhom ħafna benefiċċji – jagħtu ċans lit-tfal juru l-individwalita’ tagħhom, jipprattikaw dak li jħobbu jagħmlu, ineħħu ftit stress li jkun qed jinħoloq mill-iskola, iżidu l-eżerċizzju u jiżviluppaw l-abbilta’ li jaħdmu fi gruppi. Dawn l-attivitajiet jgħinu lit-tfal jiżviluppaw il-ħila li jqassmu l-ħin tajjeb waqt li jitgħallmu jibbilanċjaw l-iskola u l-attivitajiet ta’ wara l-iskola.

8: Aċċettahom u Ħobbhom Mingħajr Kundizzjonijiet

Iħossuhom kif qed iħossuhom it-tfal fuq il-fatt li reġgħu sejrin lura lejn l-iskola, din is-sena xorta se tkun sena mimlija inċertezzi. Għamilha ċara li jmorru kif imorru, inti se tkun hemm għalihom, u jekk jaffaċċjaw xi diffikulta’, inti se tkun hemm għalihom. Għidilhom li l-marki li jġibu mhux se jaffetwaw l-imħabba li għandek għalihom u li jiġri x’jiġri, inti m’intix se tieqaf tħobbhom.

9: Aħbi l-Biżgħat Tiegħek Minnhom

Hija ħaġa normali li aħna l-ommijiet inħossuna kemmxejn anzjużi aktar mis-soltu fil-perjodu tal-bidu tal-iskola. Ipprova taqsamx biżgħat u ħsibijiet relatati mal-iskola mat-tfal tiegħek biex ma jħossuhomx aktar stressjati. Inqas anzjeta’ fit-tfal issarraf f’omm aktar ferħana!

10: Oqgħod Attenta

Bħal ma semmejna qabel, hija ħaġa normali li kemm inti, bħala omm, u kemm it-tfal, tesperjenzaw xi anzjeta’. Imma tajjeb li toqgħod attenta u tkun kapaċi tinnota anzjeta’ serja jew problemi relatati mas-saħħa mentali, speċjalment fi tfal li tilfu sena skolastika sħiħa qabel is-sena skolastika li jmiss. Jekk ikollok xi dubji ikkuntattja t-tabib tiegħek jew xi espert ieħor fil-qasam tas-saħħa.


Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam ma’ wham, f’ismek jew b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love