Share the love

Dan l-aħħar aktar u aktar nisa qed jitkellmu dwar sitwazzjoni komuni li qed jiltaqgħu magħha bħala ‘single mothers’ meta jkunu qed ifittxu biex jikru appartament. Filwaqt li ċertu sitwazzjonijiet bħal żidiet drastiċi fl-ammont tal-kera għadhom l-istess, iltqajna ma Tina* li qaltilna li qed tesperjenza dik li tidher li hi diskriminazzjoni speċifikament immirata lejn ‘single mothers’.

Tina* kienet qed toqgħod f’appartament bil-kera għall-aħħar sena, u kull xahar ħallset il-kera u l-kontijiet relatati fil-ħin u bla ebda problemi. U filwaqt li fil-perjodu tal-‘lockdown’ ħafna mis-sidien ta’ postijiet bil-kera naqqsu l-prezzijiet tagħhom, Tina* baqgħet tħallas l-ammont kollu bla tgergir. Madankollu, is-sid tal-post issa ddeċieda li minħabba li l-kuntratt ta’ sena wasal biex jiskadi ma jridx iġeddidulha sakemm ma tħallasx Eur100 iktar fix-xahar…żieda drastika li hi ma taffordjax. Dan ġiegħlha biex tibda tfittex ħalli tikri post ieħor.

Waqt li tfittex u tibbukkja l-‘viewings’, Tina* nnutat li ħafna minn dawn qed jiġu kkanċellati qabel ma mqar tmur tara l-postijiet. Innutat ukoll li meta s-sidien isaqsuha kemm beħsiebhom ikunu jgħixu fil-post u hi twieġeb li se jkunu hi u ż-żewġ uliedha, mistoqsijiet oħra bla relevanza jibdew jiġu mistoqsija lilha. F’isem il-klijenti, aġenti jsaqsu domandi li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma jekk hux se tkun kapaċi tħallas il-kera jew le kull xahar. Domandi bħal “Inti separata jew ‘single mother’?” “Kemm għandek żmien?” “Għandek raġel?”

Apparti li dawn id-domandi żgur li mhumiex f’lokhom, Tina* xxukkjat ruħa meta semgħet minn xi aġenti li ħafna sidien ma jkunux iridu jikru l-postijiet tagħhom lil ċittadini Maltin, speċjalment lil ‘single mothers’. Agħar minn hekk, sid partikolari kellu wkoll il-gazz jgħidilha “Ma rridekx tibda ġġibli rġiel suwed u Għarab hawn ġew”. Dan il-kliem x’aktarx qalulha minħabba l-fatt li uliedha huma ‘mixed race’. L-istess sid qalilha wkoll li kien hemm probabbilta’ kbira li wara 6 xhur kien se jgħollilha l-kera wkoll. M’hemmx għalfejn ngħidu, Tina* ħassitha offiża għall-aħħar bi kliem dan is-sid.

Tina* qed tesperjenza frustrazzjoni kbira minħabba din is-sitwazzjoni li sabet ruħha fiha. Jidher biċ-ċar li hawn diskriminazzjoni kbira kemm lejn il-Maltin kif ukoll lejn is-‘single mothers’ hawn Malta minn naħa tas-sidien ta’ postijiet għall-kiri. Iż-żmien għaddej b’rata mgħaġġla u kemm hi, kif ukoll uliedha, għandhom bżonn post mill-aktar fis li jkunu jistgħu isejħulu ‘darhom’. Għajjew iduru minn naħa għal oħra.

“Naf lil Tina* personalment u nista’ naħlef għaliha. Hija persuna bieżla ħafna, tieħu xogħolha bis-serjeta’, u tant hi risponsabbli li ma tidħolx għal intrigu ta’ xi ħaġa li ma tiflaħx tħallas għaliha, biex b’hekk dejjem tħallas kwalunkwe kera f’waqtha”, ikkonfermat Francesca Fenech Conti, il-fundattriċi ta’ Women for Women.

Tina* u wliedha jixirqilhom serħan il-moħħ bħal kwalunkwe persuna oħra, hi x’inhi l-qagħda soċjali tagħhom. Jixirqilhom post diċenti fejn jgħixu. Dan huwa dritt uman bażiku, u l-ebda sid m’għandu jiddetta xi ħaġa differenti minn dan, jew saħansitra jċaħħad lil kwalunkwe persuna minn dan id-dritt.

Bħala nisa għandna l-kapaċita’ u l-poter biex nikkontribwixxu għal tibdil fil-ħajja ta’ ħutna fil-bżonn. Għalhekk, jekk għandek xi post li lesta tikri lil nisa bħal Tina* ikkuntattjana fuq [email protected] u nlaqqgħukom ma nisa li għandhom bżonn sidien nisa b’kompassjoni li jistgħu joffrulhom post fejn jgħixu.

*L-isem ġie mibdul sabiex l-anonimita’ tal-persuna msemmija tiġi rispettata.

Jekk inti wkoll għandek esperjenza li tixtieq taqsam magħna, ibgħatilna imejl fuq [email protected] Il-kunfidenzjalita’ tiegħek hija garantita.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *