Nixtieq naqsam magħkom ir-realta’ ta’ xi ħadd li ilu ‘fostered’ għal 18-il sena, għax nara ħafna kummenti mingħand nies li huma kontra l-abort u li jaħsbu li l-addozzjoni jew il-fostering huma l-unika tweġiba.
Jien ili ‘fostered’ minn mindu kelli sentejn. Dan ifisser li jien ma niftakarnix fil-perjodu fejn kont indur familji differenti sakemm insib l-‘aħjar’ familja. Imma it-tfal li jiġu ‘fostered’ ħafna drabi jiftakru, u naf kemm hi ħaġa diffiċli u kemm tista’ tgħajjik mentalment.
Kont tassew fortunata li sibt familja t’eta żgħira imma qabel ma ġejt ‘fostered’, meta kelli 6 xhur sa meta għalaqt sentejn, ħafna familji kienu joħorġuni magħhom. Għal grazzja t’Alla ma niftakarx, għalkemm ħafna nies xorta għadhom sal-lum il-ġurnata jibgħatuli messaġġi fuq Facebook biex jgħiduli li kienu joħorġuni fil-Ħdud u anke jibgħatuli r-ritratti tiegħi magħhom. Ir-risposta tiegħi dejjem tkun “int min int?” Biex inkun onesta nipprova ma naħsibx fuq din il-ħaġa ħafna għax kieku nħossni niġġennen.
Għalkemm dejjem tawni dak li xtaqt, ħafna drabi ma nħossx li ħaqqni. Napprezza dak kollu li tagħtni l-familja li qiegħdha ngħix magħha, imma nħossni qiegħdha hawn biex naqtagħlhom ix-xewqa li jsiru ġenituri, li hija xi ħaġa li kienu ilhom jixtiequ minn mindu kienu saru jafu li ma setax ikollhom tfal. Inħossni qisni bħal sostituzzjoni biex nimlilhom il-vojt ħalli jħossuhom aħjar. Barra minn hekk inħossni li ma nistax nitkellem rigward dawn l-emozzjonijiet magħhom għax inħossni li qed nonqoshom b’xi mod u li għandi minflok nirringrazzjahom minħabba li bis-saħħa tagħhom għandi familja.
Jien għandi 4 aħwa oħra, imma ma niltaqax ħafna magħhom għax ma jgħixux miegħi. Kollha kemm aħna sseparajna u ħija l-kbir spiċċa daħal fi triq ħażina x’aktarx minħabba li qatt ma ġie ‘fostered’ jew addottat u għalhekk ħassu waħdu. Għamel żmien kien jaqsam il-problemi tiegħu miegħi. Ħija l-kbir kien jiġi abbużat fl-istitut li suppost kellu jħossu sikur fih. Kien iġib marki tajbin u kellu ħajja verament tajba sakemm darba minnhom spiċċa fi triq ħażina u beda jgħix ma ‘sħabu’ għax ħass li kien kbir biżżejjed biex jkun indipendenti. Eventwalment spiċċa bla saqaf fuq rasu. Lanqas naf jekk illum il-ġurnata għadux ħaj jew le. Kellu kuntatt mal-omm bioloġika tagħna u kien ikellimha kull meta jispiċċa f’sitwazzjoni ħażina. Darba minnhom qalilha li seraq PlayStation biex ikollu l-flus għad-droga. Minflok għenitu biddlet in-numru tal-mobajl u tat-telefon tagħha. Għalhekk, għal kull min jgħid “itfa’ lit-tfal għall-addozzjoni”, m’għandkom L-EBDA idea x’jiġifieri li tkun f’dik is-sitwazzjoni.
Dejjem niftakarni nesperjenza attakki tal-ansjeta’. Kont inħossni responsabbli għal ħuti minħabba li jien l-ikbar waħda wara ħija, anke jekk dan kollu ma kienx it-tort tagħna. Inħossni inutli. Inħossni qisni prodott tal-iżball li għamlet ommi, għax ommi kienet prostituta u b’hekk kienet inqabdet tqila bija.
Kienu ħaduni minn m’ommi għax meta kont għadni tarbija kienet tħallini fuq il-bankina WAĦDI fil-‘push chair’. Dan il-fatt jinsab miktub u kkonfermat mill-qorti. Wara li kien hemm ammont ta’ rapporti dwar is-sejba ta’ tarbija waħedha, jien kont meħuda f’istitut. Kont sfurzata naraha kull ġimgħa għal ammont ta’ snin, imma għal grazzja t’Alla wara li għalaqt 16-il sena stajt nagħżel narahiex jew le. La jien u lanqas ħuti ma mmorru narawha, u ninsab ferħana b’din l-għażla.
Dik il-mara ma ħaqqhiex it-titlu t’omm. Ma kinitx lesta tkun omm ta’ 13-il sena. Kieku kellha għażla oħra, kieku aħna ma konniex nispiċċaw bħala konsegwenza kollha kemm aħna, u forsi setgħet tgawdi minn ħajja aħjar ukoll. Imma le, marret Għawdex biex twelled il-ħija l-kbir għax hekk kienu jagħmlu fl-antik, u ħallietu hemm.
Ħajjitha tjiebet? Le. Il-ħajja iebsa waħedha, u b’din is-sitwazzjoni spiċċajna 5 minna insofru: ommi u l-erba t’itfal tagħha. L-omm bioloġika tiegħi ma riditnix ningħaqad ma familja, fil-fatt kellu jiffirmali ministru dak iż-żmien.
Nixtieq lil dawk li jissuġġerixxu li t-tfal jitpoġġew għall-adozzjoni minflok li n-nisa jkollhom l-għażla, jifhmu li l-addozzjoni m’hijiex dejjem it-tweġiba l-ideali. Ngħajja mentalment meta naqra dawn it-tip ta’ kummenti, dawn l-emozzjonijiet jibqgħu jikbru miegħek.
Qatt m’hija ħafifa l-ħajja għalija. Irrid nippretendi kuljum li jien tifla perfetta biex ma nerġax nispiċċa lura fl-istitut. Għal dawk li qed jgħidu li dak li ġara qabel m’għandux x’jaqsam, nixtieq ngħidilkhom li iva għandu x’jaqsam, għax dak il-fatt li inti qatt ma kont hemm għal oħtok jew għal ħuk iż-żgħir, jibqa’ jgħix miegħek u jieklok minn ġewwa. M’huwiex it-tort tiegħi imma xorta nħossni responsabbli għal kollox.
Jekk jogħġbokx tibbażax fuq l-istess soluzzjoni għal kulħadd. Iva, agħti l-pariri tiegħek, imma hemm bżonn li n-nisa jkollhom l-għażla, in-nisa għandhom bżonn is-sapport u għandhom bżonn jagħmlu dak li jaħsbu li huwa tajjeb għalihom infushom u mhux dak li jidher tajjeb għal ħaddieħor. Fl-aħħar mill-aħħar int mhux tgħix il-ħajja tal-persuna l-oħra.
Grazzi talli ħadt il-ħin taqra l-istorja tiegħi. Nittama li din l-esperjenza tista’ tgħin lil xi wħud minnkom jifhmu li n-nisa għandhom bżonn l-għażla miżgħuda b’imħabba kemm għalihom infushom u anke għat-tfal tagħhom
Għal aktar informazzjoni dwar ‘fostering’ tista’ żżur is-sit https://fsws.gov.mt/en/appogg/Pages/Health-and-Family-Services/Fostering.aspx
Jekk inti wkoll għandek esperjenza li tixtieq taqsam mal-qarrejja tagħna, anke b’mod anonimu, jekk jogħġbok ibgħat imejl fuq [email protected]