Share the love

l-iskola onlajn

Ftit ġranet wara l-pubblikazzjoni tal-artiklu tiegħi L-Online Schooling f’Malta u l-Effett Devastanti Tagħha Fuq l-Ommijiet, ċertu nisa rreaġixxew b’mod negattiv minħabba li skond huma, l-effett ta l-iskola onlajn mhux biss qed jinħass mill-ommijiet li jaħdmu, iżda minn kull omm u missier. U għandhom raġun. Bħala kittieba ffukajt fuq l-effetti devastanti ta l-iskola onlajn fuq l-ommijiet, iżda nsejt lill-ħafna missirijiet li huma involuti b’mod attiv f’kull aspett tat-trobbija t’uliedhom, inkluż l-edukazzjoni, u ta’ dan niskuża ruħi. Missier partikolari kkuntattja lili direttament b’reazzjoni għal dak li ktibt fl-artiklu preċedenti tiegħi. Hu qasam miegħi din is-sitwazzjoni iebsa minn lenti ta’ missier…

“Il-missirijiet qed ibagħtu minħabba din is-sitwazzjoni daqs kemm qed ibagħtu l-ommijiet. Jien naħdem fuq bażi ta’ xiftijiet, u ħafna drabi, wara xift ta’ bil-lejl qed ikolli ngħaddi l-ġurnata mal-erbat’itfal tagħna: ngħinhom u nissorveljahom waqt l-iskola onlajn minflok nistrieħ. Inħossni qed nitlef moħħi kif ukoll saħħti…”

Evidentement stressjat, dan il-missier, li għażel li jibqa’ anonimu, kompla jgħid…

“Jiena 100% favur l-ekwalita’, ħlas indaqs u kull ma għandu x’jaqsam ma li n-nisa jkunu trattati bl-istess mod bħal ma jiġu trattati l-irġiel, u hekk għandu jkun. Iżda mal-missirijiet li jagħżlu li ma jerfgħux responsabbilta’ t’uliedhom qed ibagħtu dawk li bħali jerfgħu ir-responsabbiltajiet kollha, dawk li bħali jissapportjaw lin-nisa billi jkunu attivi d-dar u m’uliedhom. Inħossni mdejjaq, irrabjat u ngannat…”

Il-missier kompla jispjega għaliex iħoss li rigward l-ippjanar tal-edukazzjoni onlajn, il-ġenituri ġew totalment minsija, speċjalment fiż-żminijiet tal-lum fejn iż-żewġ ġenituri ħafna drabi jkunu jaħdmu t-tnejn li huma…

“Kif jista’ tifel t’erbgħa snin jiġi mistenni jsegwi lezzjonijiet onlajn kuljum waqt li ħutu jkunu għaddejjin b’tagħhom? Għaliex jekk inħallu l-uliedna man-nanniet tagħhom niġu kkuntattjati minħabba problemi t’internet? Jekk aħna nkunu x-xogħol, kif nistgħu inlaħħqu ma dawn it-tip ta problemi? U ejjew ma ninsewx li mhux in-nanniet kollha kapaċi jużaw l-internet u t-Teams. Qed ngħixu sitwazzjoni diffiċli wisq, inħossni eżawrit…”

Il-mara tiegħu kompliet mal-konverżazzjoni tagħna, u spjegat li huma t-tnejn jaħdmu full time, u għalkemm jagħmlu ħilithom biex ilaħħqu mal-bżonnijiet edukattivi t’uliedhom, bħalissa qed jissaraw biex jipprovaw ilaħħqu, iżda qed iħossuhom mifnija totalment…

“Inħossuna eżawriti. Jien naħdem ħinijiet twal matul il-ġurnata. Inżomm ruħi nformata sew dwar l-edukazzjoni t’uliedi u dak kollu li jkun għaddej. Ir-raġel tiegħi jasal id-dar wara 12-il siegħa xift ta’ bil-lejl u minflok jorqod qed ikollu jkompli mat-tfal, speċjalment maż-żgħir, li jirrikjedi attenzjoni kostanti waqt l-iskola onlajn. It-tfal li ma jattendux qed jiġu mmarkati assenti. Anke fejn it-teleworking huwa possibbli (fejn ix-xogħol ikun jippermetti), li taħdem waqt li tissorvelja t-tfal mhuwiex vijabbli. Wieħed jista’ biss jiffoka fuq xogħlu jew fuq ix-xogħol t’uliedu. Dik hi r-realta’…”

U filwaqt li t-tnejn li huma jifhmu li minħabba data protection, il-lezzjonijiet ma jistgħux jiġu rrekordjati, jirrimarkaw li metodu simili li ġie adattat fil-bidu tal-pandemija kien aktar flessibbli u ġenituri li jaħdmu setgħu jikkrejaw rutina addattata għall-bżonnijiet individwali tagħhom…

Lezzjonijiet irrekordjati minn qabel taw lilna l-ġenituri ċ-ċans li mmorru għax-xogħol moħħna mistrieħ. U hekk kif nirritornaw lura d-dar stajna niffokaw 100% fuq l-edukazzjoni t’uliedna u nagħmlu ħilitna biex jagħmlu xogħolhom sew bl-aħjar mod possibbli”.

Xi ħaġa li żgur tgħallimna waqt din il-pandemija hija li nistmaw l-emozzjonijiet aktar mill-affarijiet materjali. Dan ma jfissirx li għandna nerħu x-xogħolijiet tagħna biex niffokaw fuq l-edukazzjoni…kollox huwa mportanti, u x-xogħol huwa essenzjali għat-trobbija tat-tfal u l-kwalita’ ta’ ħajja li nistgħu nagħtuhom. Madankollu, bħala nazzjon għandna niffokaw fuq dak li huwa tassew importanti – kollha kemm aħna qed nesperjenzaw din il-pandemija. L-anqas ħaġa li nistgħu nagħmlu huwa li nippromovu għarfien: għarfien fuq il-post tax-xogħol billi nagħtu aktar flessibilta’ lill-ġenituri; għarfien fl-iskejjel billi nnaqqsu l-aspettattivi li għandna tat-tfal u tal-ġenituri tagħhom; għarfien u kompassjoni għal dawk li qed iħossuhom eżawriti. Nistgħu biss ngħaddu din il-pandemija b’mod san jekk kollha kemm aħna niġbdu ħabel wieħed.


Jekk inti missier jew taf missirijiet għaddejjin minn diffikultajiet simili flimkien ma marthom u uliedhom, ikkuntattjana billi tibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love