Share the love

moviment għal moda sostenibbli

Maya Aarohi qed issegwi kors tal-B.A. fl-Ingliż u l-Komunikazzjoni fl-Universita’ ta’ Malta. Filwaqt li għaddejja bl-istudji tagħha, Maya bdiet moviment għal moda sostenibbli biex tirrivoluzzjona l-industrija tal-moda u tinkuraġġixxi lill-istudenti jkunu aktar etiċi u sostenibbli meta jixtru l-ħwejjeġ.

L-attiviżmu ta’ Maya jaf il-bidu tiegħu lill-alleanza internazzjoni msejħa “Fashion Revolution”, u minn hemm fetħet fergħa oħra li sejħet ‘Fashion Revolution UoM’.

Minn din l-organizzazzjoni tal-istudenti, Maya qajmet kuxjenza dwar ‘sweatshops’, xogħol minn skjavitu’ u produzzjoni mhux umanitarja minn marki popolari. Hija għallmet lill-istudenti sabiex jaħsbu qabel ma jixtru u anke jfittxu nformazzjoni fuq il-marki li jipproduċu l-ħwejjeġ li jilbsu huma stess.

Aħna ltqajna ma Maya biex nistaqsuha ftit mistoqsijiet rigward din l-inizjattiva importanti.

Minn fejn ġejja din il-passjoni tiegħek sabiex tirrivoluzzjona l-produzzjoni tal-moda?

Naħseb li l-passjoni tiegħi ġejja mill-imħabba li għandi għall-moda bħala forma ta’ espressjoni, arti u identita’. Din il-ħaġa sabiħa u dinamika (kemm jekk taraha bħala forma t’arti jew bħala xi ħaġa kompletament utilitarja) m’għandhiex tħalli mpatt negattiv fuq il-pjaneta jew id-drittijiet umani.

X’inhu l-għan ta’ ‘Fashion Revolution UoM’?

Biex tinħoloq kultura ta’ kuxjenza waqt ix-xiri u attiviżmu tal-konsumatur fl-UoM minn edukazzjoni, pariri prattikabbli u avvenimenti bħal tpartit ta’ ħwejjeġ u turija ta’ xi dokumentarji relatati.

X’taħseb li huwa l-aktar aspett urġenti relatat mal-‘fast fashion’?

Huwa diffiċli nagħżel aspett wieħed rigward il-‘fast fashion’ bħala l-aktar wieħed urġenti għax l-aspetti relatati huma kollha sistematiċi u jagħmlu ħafna ħsara. Emissjonijiet tal-Karbonju, miżbliet mimlija, produzzjoni żejda, kultura ta’ rimi, tniġġis tal-baħar, xogħol ta’ skjavitu’, u l-lista tibqa’ sejra. Il-fatt li d-ditti mhumiex jinżammu responsabbli huwa kwistjoni taħraq ħafna – in-nuqqas totali ta’ trasparenza fil-ktajjen tal-provisti tagħhom iħalli l-abbuż sever tad-drittijiet umani jgħaddi bla twaqqif f’isem il-profitt.

X’tirrakkomanda lis-segwaċi tiegħek jagħmlu biex jibdew jaġixxu b’mod sostenibbli (b’relazzjoni mal-moda)?

Naħseb biex ‘taġixxi’ b’mod sostenibbli trid terġa teżamina b’mod kritiku l-mod li tħares lejn il-ħwejjeġ u l-konsum. In-nuqqas totali ta’ trasparenza fl-industrija tal-‘fast fashion’ ikkombinat mal-qerq tat-teknoloġija fil-‘marketing’ jistgħu iwassluna biex naħsbu li m’hemm l-ebda ħsara fi ftit terapija permezz tax-xiri.

Li tibdel dan il-kunċett falz mal-verita’ rigward il-‘fast fashion’ mhux ħaġa faċli u din il-bidla żgur li ma ġratx f’lejla waħda għalija. Lil kull min hu nteressat nissuġġerilu li jara ‘The True Cost or Patriot Act‘, il-5 staġun, it-3 episodju, imsejjaħ ‘The Ugly Truth of Fast Fashion’ fuq Netflix, u li ssegwi @fashrev u @rememberwhomadethem fuq Instagram.

Flimkien ma dan ninkoraġġixxi lin-nies jilbsu ħwejjeġ li diġa’ għandhom u li jevitaw il-‘fast fashion’ kemm jista’ jkun. Jekk għandek bżonn xi ħaġa ġdida, ixtri xi ħaġa ‘second hand’, ‘vintage’ jew partat xi ħaġa ma sħabek.

Inti nvoluta wkoll f’xi inizjattivi relatati mal-ambjent?

Bħalissa le, għalkemm niffolowja organizzazzjonijiet lokali bħal Żibel, FOE, ‘Fridays for Future MLT’ u ‘Extinction Rebellion MLT’  u nixtieq ħafna li nkun involuta fihom fil-futur.

X’taħseb li kien l-akbar suċċess tiegħek s’issa minn mindu bdejt dan il-moviment?

Probabbilment l-akbar suċċess għalija kien li bdejt din il-konverżazzjoni u li ħlaqt komunita’ ta’ studenti li jaħsbuha bl-istess mod. Hija ħaġa vera eċitanti li tisma’ l-istudenti jgħidulek kif biddiltilhom id-drawwiet tax-xiri wara li bdew jiffolowjaw il-paġna tagħna, jew li tisma’ li biddlu dublett għall-aħjar minflok ramewħ, jew kif iddeċidew li jinjoraw il-‘fast fashion’.

Għalkemm qed tikber, il-komunita’ tas-‘slow fashion’ għadha fil-minoranza, speċjalment f’Malta, għalhekk meta nara jew nisma’ dan it-tip ta’ risposti ngħid ‘tajjeb, almenu mhux qed inħambaq fil-vojt!’.

Tirrakkomanda li wieħed jingħaqad ma’ inizjattivi soċjali/ambjentali waqt is-snin universitarji?

Jekk din hija xi ħaġa li verament tħobb, nirrakkomandaha żgur. Dan huwa mod ieħor li bih tista’ tiltaqa’ ma persuni li jaħsbu bl-istess mod bħalek u fl-istess waqt tkun tista’ wkoll tħalli mpatt pożittiv fuq il-komunita’.

Iffolowja fashrev_uom fuq instagram biex titgħallem aktar fuq dan il-moviment għal moda sostenibbli u tkun aġġornata dwar il-kampanji u l-avvenimenti li jkollna!

moviment għal moda sostenibbli

Inti wkoll timxi ma’ moda sostenibbli? Jekk iva nieħdu gost nisimgħu mingħandek u naqraw l-esperjenza tiegħek. Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *