Il-bieraħ irċevejt messaġġ emozzjonanti mingħand ħabiba tal-qalb tiegħi – omm ta tlett’ itfal, mara li ili naf għal aktar minn għaxar snin. Waqt il-konverżazzjoni li kellna aktar tard ma felħitx iżżomm id-dmugħ għat-tortura li l-ex tagħha, missier binha ż-żgħir, għadu qed jgħaddiha minnha. Iżda l-aktar ħaġa li tweġġagħha f’din ir-realta’ hija li l-Qrati tal-Ġustizzja tagħna donnhom iħobbu jissapportjaw missirijiet li jibqgħu jittormentaw u jkissru lill-ex maħbubin tagħhom permezz ta’ nuqqas t’azzjoni, anke fejn ikun hemm evidenza ċara t’inġustizzja u gideb bla waqfien minn naħa tal-missier.
Din hi Sonia*, li aċċettat li taqsam l-esperjenza personali tagħha bit-tama li jsir tibdil fis-sistema ġudizzjarja tagħha b’relazzjoni mal-liġijiet tal-manteniment tat-tfal (* l-isem ġie mibdul biex tiġi protetta l-identita’ tal-omm).
L-Esperjenza ta’ Sonia*
Konna bħal kwalunkwe koppja oħra fejn wara 4 snin kellna tifel flimkien. Sfortunatament, ftit wara, missier it-tifel beda jesperimenta bid-droga. Il-kontijiet bdew tilgħin tant li lanqas baqa’ jagħti kashom. Spiċċa kellu jbigħ il-ħanut li konna naħdmu fih flimkien. Qabad u xtara fabbrika li skond hu kellha tkun garaxx għal biex jaħdem fih, ħaġa li jien sfortunatament emmint bla ma vverifikajt.
Qabel din ir-relazzjoni kelli ‘penthouse’ li eventwalment kont biħħejt biex investejt f’dar li xtrajna flimkien…dar li hu ma ħallas xejn għaliha. U għalkemm suppost konna naħdmu flimkien f’ħanut, hu kien jibqa’ rieqed kull filgħodu minħabba li kien ikun mifqugħ bid-drogi.
Ipprovajt ngħinu u nissapportjah biex forsi joħroġ minn dan il-vizzju qarrieqi, fejn saħansitra mort il-Caritas miegħu, iżda xorta waħda ħareġ mill-programm. Kienet saret evidenti li ma riedx jinbidel u li mhux vera li xtaq ikun aħjar milli kien. Ried jibqa’ jara lilu nnifsu jegħreq, u miegħu jiġbed lili u l-uliedi wkoll, inkluż lill-ibnu.
Kien jgħajjat miegħi quddiem il-familja tiegħi u quddiem uliedi, iżda kont nibqa’ siekta biex inżomm il-kalma kif nista’. Spiċċajna saħansitra bla dawl, kemm id-dar kif ukoll il-ħanut, minħabba li ma kienx iħallas il-kontijiet. Fl-aħħar ma flaħtx aktar. Għedtlu li ma stajtx nibqa’ ngħix ħajti hekk.
Il-kuntratt tas-separazzjoni tagħna ġie ffinalizzat fl-2018: kuntratt li ġie approvat mill-Qorti u li ovvjament spiċċajt kelli nħallas jien ukoll għax hu kien bla flus. Biħħejna d-dar u ħallasna l-kumplament tad-dejn li kellna mal-bank. Iżda għalkemm suppost kien għad fadal fondi żejda li kont ħallast jien stess, il-bank baqa’ jżid l-interessi u jien spiċċajt b’20,000 ewro inqas għall-appartament li suppost kien se jkolli. Kelli nitlob għajnuna finanzjarja, u kieku ma kienux il-familja tiegħi żgur li kont nispiċċa mingħajr saqaf fuq rasi, ngħix barra t-triq flimkien m’uliedi.
Mill-ġurnata li fiha ffirmajna l-kuntratt tas-separazzjoni fl-2018, l-ex ma ħallas l-ebda manteniment għal ibnu. Ħallas biss darba waħda f’Diċembru, u ta dan il-pagament tajtu rċevuta. Sadanittant kelli nibqa’ mmur l-Għassa tal-Pulizija nirrapporta kull xahar li manteniment ma kienx ikun tagħni. Xahar wara xahar kont inħossni qisni xi kriminal, niġġieled għad-drittijiet t’ibni. It-tifel ma jistax jgħix bil-karti biss…
Tajjeb ngħidu li waqt din id-drama kollha l-ex kellu biżżejjed flus biex jixtri karozza. Għalih donnu li dik kienet aktar importanti mill-bżonnijiet t’ ibnu. Biex tgħaxxaqha, meta konna għadna flimkien kien bidilli l-karozza u għalhekk eventwalment lili ħaduli l-karozza wkoll. Suppost bil-liġi għandu jagħti sehmu għas-saħħa u l-edukazzjoni tat-tifel, iżda għat-tifel qatt m’għandu flus. Għaliex dan il-gideb kollu jiġi emmnut fil-Qorti meta huwa ċar daqs il-kristall li għandu biżżejjed flus biex joħroġ u jħallas għad-droga, iżda m’għandux biss għal ibnu?
“Daħħak lil kulħadd bija fuq il-medja soċjali…”
Kull meta ried jieħu t-tifel dejjem ħallejtu. Kien hemm drabi fejn ma kienx jiġi jara l-ibnu għal mill-inqas tlett ġimgħat, fejn minflok kien iċempel u jkellmu.
Iżda l-agħar esperjenza minn dan kollu kienet fiż-żmien li fih għamel ħiltu kollha biex ikissirni. Daħħak lil kulħadd bija fuq il-medja soċjali, jibki quddiem kamera, jigdeb u jgħid li jien ma nħalliħx jara t-tifel…gidba ffabbrikata kompletament minn naħa tiegħu. Dan seta’ jikkonfermah kull min daħal jara r-ritratti li jtella’ hu fuq il-profil tiegħu stess fil-medja soċjali, fejn jidher m’ibnu ta’ spiss. Anke meta kellu d-deni ħallejtu jiġi jarah fil-parti komuni tal-appartament tiegħi.
Waqt din it-trawma kollha kelli nibqa’ mmur il-Qorti. Fl-istess żmien hu nstab ħati ta’ diżrispett lejn il-Qorti. Li ma nistax nifhem hu, x’weħel tad-diżrispett li wera lejja? Kemm il-vidjow tella’ fuq il-medja soċjali jgħajjat u jibki, jirreċta u jigdeb dwari? B’għemilu rnexxielu jqanqal nies biex jikkundannawni bla ma lanqas biss jafuni…għaliex tiġġudikani meta lanqas biss ippruvajt tisma’ u tifhem il-verżjoni tiegħi?
“Il-Bank Seraqli Flusi, Injora Dokument Legali Formali Ffirmat Minn Nutar”
Konna ffirmajna dokument legali formalment li ġie miktub minn Nutar, li fih kien hemm miktub li jien ma kelli l-ebda konnessjoni mal-ammont ta’ dejn li ħadna f’ ‘loan’ għad-dar li xtrajna meta konna għadna flimkien, minħabba li jien kont ħallast il-parti kollha tiegħi mill-profitt li kont għamilt meta biħħejt il-‘penthouse’ tiegħi. Madankollu, l-Bank injora dan id-dokument kompletament, għax skond il-Bank, il-flus joħduhom minn fejn isibu u minn min ikollu.
“Mhux Vera! Il-Qorti Ma Tiffavorixxix Lin-Nisa F’Każi Simili!”
Kemm il-darba smajna nies jgħidu li l-Qorti tiffavorixxi n-nisa f’sitwazzjonijiet simili? Dan huwa biss gidba!
Meta se nirċievi dak li ħaqqu ibni? Għaliex il-Qorti tibqa’ tistenna u tipposponi għal 3, 6 u aktar xhur, u t-tifel jibqa’ b’xejn?
Sa din il-ġurnata, missier ibni għandu jtini Eur8000 għall-karozza li ħadli, u Eur1700 f’manteniment għat-tifel, inklużi spejjeż relatati ma perjodu ta’ 3 snin.
Bħalissa qed jaħdem 3 xogħolijiet, u dan ġie kkonfermat mill-pulizija li kellhom imorru jfittxuħ wara li ma attendiex seduta l-Qorti. Sessjoni li kellha tibda fid-9:30am spiċċat fis-2:15pm, fejn kienet se ttini rasi għax kelli t-tifel ħiereġ mill-iskola u ridt nagħmel l-arranġamenti kollha biex xi ħadd jiġboruli fil-ħin u jwasslu sa ħdejja.
Issa ilna wisq għaddejjin f’ din is-sitwazzjoni, iżda hu għadu ma jridx iħallas…biex imbagħad fl-istess waqt fi drabi oħra joħroġ jigdeb u jgħid li kien tagħni l-flus matul is-snin. Kieku jrid jista’ jkun responsabbli għal ibnu. M’għandux kera xi jħallas, u lanqas kontijiet…qed jgħix mal-ġenituri tiegħu li jħallsulu kollox huma.
Tajjeb insemmu li ommu tagħtu appartament biex ibiegħu u jħallas id-djun kollha bil-profitt li jagħmel. Ħallas kull ma kellu jagħti, apparti dak li kellu jagħti l-ibnu u lili.
“Is-Sistema Għandha Bżonn Tinbidel…”
Onestament qed inħossni mkissra mentalment u emozzjonalment. Din hi s-sena 2020…deħlin għas-sena 2021. Fejnha l-ġustizzja f’Malta? Għaliex is-sistema qed tibqa’ tinjora problemi bħal dawn? Għaliex daqstant ‘single mothers’ qed jitħallew jegħrqu bħal ma qed iħallu lili, u l-missirijiet mhux qed jiġu mitluba jerfgħu ir-responsabbiltajiet tagħhom? Għaliex? Jien qatt ma ridt li l-ex tiegħi jispiċċa l-ħabs, imma issa s-sitwazzjoni ġiet redikola għall-aħħar. Il-Qorti qed tibqa’ ġġeddidlu ż-żmien u ttih ċans wara l-ieħor, iżda hu jibqa’ jipposponi. Għaliex dan ir-raġel jista’ ma jħallasx il-manteniment għal ibnu għal daqstant tul ta’ żmien, meta missier ieħor li ma jħallasx il-manteniment għal xahar wieħed biss jintefa’ l-ħabs?
Għażilt li nibqa’ anonima minħabba li l-każ għadu għaddej il-Qorti, u jien irrid nipproteġi l-ibni akkost ta’ kollox. Bil-messaġġ tiegħi illum bl-ebda mod mhu qed nitfa’ l-ħtija fuq kull missier, għax mhux kull missier huwa bħall-ex tiegħi, u mhux kull missier jagħżel li jaħrab mir-responsabbiltajiet li għandu lejn uliedu. Lil nisa fl-istess sitwazzjoni tiegħi ngħidilhom ma jaqtgħux qalbhom. Forsi xi darba ssir ġustizzja m’ibni u miegħi ukoll. Lil ibni nibqa’ nħobbu sa l-aħħar nifs ta’ ħajti, u nibqa’ niġġieled għad-drittijiet tiegħu sakemm issir ġustizzja.
Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li għenuni b’ xi mod, speċjalment b’donazzjonijiet monetarji u b’affarijiet li kelli bżonn, inklużi affarijiet neċessarji għall-edukazzjoni t’ibni. Nixtieq ukoll nirringrazzja l-dawk kollha li pprovaw jirridikolawni u jdaħħqu n-nies bija…grazzi talli tajtuni aktar saħħa u għentuni ngħożż il-valuri l-aktar importanti fil-ħajja.
Finalment, grazzi talli ħadt il-ħin taqra l-karba tiegħi. Nitlobkom biex qatt ma tħallu t-tfal ibagħtu meta relazzjoni ma tirnexxix, bħal ma ġara fil-każ tiegħi.
Jekk int ukoll għandek storja simili għal ta Sonia* u tixtieq taqsamha magħna wkoll, ibgħatilna imejl fuq [email protected]. Il-kunfidenzjalita’ tiegħek hija garantita.
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn