Bla dubju kollha kemm aħna nistgħu naqblu li s-sena 2020 ssorprendietna. Żgur li ħafna minna f’Marzu li għadda ma kellna l-ebda ħsieb li sa l-aħħar tas-sena konna se nkunu għadna qed nissaraw mal-COVID-19 f’pajjiża (bħal ma qed jiġri fil-pajjiżi kollha ta’ madwar id-dinja) mingħajr data fissa għal vaċċin sigur kontra l-vajrus. Dan wassal għal ħafna nċertezza u biża’ fejn jidħlu uliedna w’ l-iskola, speċjalment għal dawk il-ġenituri u tfal li huma meqjusa vulnerabbli u suxxettibbli għal komplikazzjonijiet relatati ma’ dan il-vajrus.
Għal din ir-raġuni ħassejt li għandi naqsam magħkom pariri dwar dak li personalment qed nagħmel mat-tfal tiegħi bħala ‘homeschooling’, sistema li qbadt sa mill-bidu ta’ din is-sena skolastika. Dan li ġej hu speċjalment għal dawk il-ġenituri li jinsabu mħassba dwar l-edukazzjoni t’uliedhom, li qed iħossu li uliedhom qed jitilfu ħafna mill-esperjenza edukattiva, u li jeħtieġu xi tip ta’ gwida dwar kif għandhom jipprovdu ‘homeschooling’ waqt il-pandemija COVID-19.
Nota: Jekk inti diġa’ qed tiġi ggwidata direttament mill-għalliema t’uliedek, ibqa’ miexja fuq dik il-gwida, u uża biss dan imniżżel hawnhekk apparti li diġa’ qed tagħmel. Tajjeb infakkrek ukoll li dawn l-ideat huma bbażati fuq l-esperjenza tiegħi bħala omm, u mhux bħala għalliema.
Parir #1: Kunsiderazzjonijiet
It-tfal huma kollha kemm huma differenti, u ħafna fatturi jinfluwenzaw il-metodu li għandek taddatta ta’ homeschooling m’uliedek. L-eta’ hija fattur importanti minnhom.
Huwa aktar faċli taddatta metodi ta’ homeschooling għal tfal żgħar minħabba l-fatt li ħafna mit-tagħlim li jeħtieġu fl-eta’ tagħhom huwa bażiku u pjuttost ħafif, u għalhekk bħala ġenitur tkun tista’ faċilment issegwi l-kontenut relatat mas-sillabu, kif ukoll tikkoreġi x-xogħol tagħhom.
Jekk uliedek huma t’eta’ żgħira hekk (dan huwa l-metodu li bih qed nimxi maż-żgħira tiegħi ta’ kważi 6 snin), ibda billi tiġbor il-kotba kollha li għandhom jiġu mgħallma mill-għalliema tagħhom waqt din is-sena skolastika, u ssepara l-materjal kollu billi tiġbor kollox suġġett għalih. Imbagħad ibda dur il-kotba u agħżel xi wħud mill-aktar paġni ħfief għal kull suġġett, speċjalment tal-Matematika, Malti w’ Ingliż. Ġurnata wara l-oħra ibda ersaq lejn titli xi ftit aktar diffiċli jew ġodda, dejjem b’ uliedek jiggwidawk bil-progress tagħhom.
Il-preparazzjoni hija mportanti ħafna f’homeschooling! Personalment inħobb nagħti ftit ċans lit-tifla tilgħab b’ xi ħaġa oħra li trid sakemm nipprepara l-kontenut li nkun se ngħaddi magħha dakinhar. Dan joffri aktar struttura fit-tagħlim tal-ġurnata. F’dak il-ħin tat-tagħlim, il-mama’ għandha tassumi t-titlu ta’ l-għalliema 😉 dan jgħin lill-uliedek jiddistingwu bejn il-ħin tal-homeschooling mill-kumplament tal-ġurnata.
Ċertu għalliema jħobbu jipprovdu materjal ieħor matul is-sena skolastika lit-tfal tal-klassi tagħhom apparti l-kotba ta’ dik is-sena. Għalkemm mhijiex responsabbilta’ tal-għalliema biex tipprovdi dan il-materjal lill-uliedek jekk mhux qed tibgħathom fiżikament l-iskola, ħafna għalliema ma jsibu l-ebda oġġezzjoni biex jgħaddu dan il-materjal lis-segretarji jew persuni oħra, biex dawn jgħadduhom lilkom, speċjalment fiż-żminijiet li ninsabu fihom bħalissa. Dwar dan tajjeb tikkuntattjaw is-segretarja tal-iskola u tistaqsi dwar il-possibilta’ li tiġbor xi materjal ieħor li l-għalliema tkun qed tgħaddi lit-tfal fil-klassi. Imxi mal-protokols tal-iskola speċjalment fejn jidħlu ħinijiet li fihom tkun tista’ tiġbor dan il-materjal. Imbagħad tista’ tqassam dan il-materjal bl-istess mod bħal ma tkun għamilt bil-kotba, suġġett suġġett.
Tajjeb li żżomm kollox organizzat, u li tiġbor ix-xogħol kollu li tkun qed tagħmel m’uliedek ġo xi ‘box file’, għax b’hekk ikollok x’turi jekk tiġi mitluba evidenza t’edukazzjoni li tkun tajt l-uliedek fiż-żmien fejn ma tkunx bgħatthom skola.
Parir #2: Alloka Ħin Speċifikament Għall-‘Homeschooling’
Żminijiet iebsa bħal dawn jirrikjedu miżuri kemmxejn drastiċi, iżda xi kultant, li ssegwi skeda riġida ma taħdimx tajjeb ma ċertu tfal, kif ġara lili maż-żgħira tiegħi, li hi kapaċi tkompli bħala studenta tajba l-iskola, iżda fejn jidħol ‘homeschooling’ jew ‘online schooling’ l-ammont ta’ ħin li kapaċi tkun attenta fih huwa pjuttost qasir. Fil-fatt, maż-żgħira nnutajt li jekk nagħmlu tlett sigħat kuljum ta’ ‘homeschooling’ tmexxi ħafn’ aħjar. Għalhekk nissuġġerixxi li timxu m’uliedkom u tħallu lilhom imexxukom fejn jidħol it-tul ta’ ħin li għandek talloka għal ‘homeschooling’.
Personalment maż-żgħira tiegħi sibt li tmexxi aħjar bi 3 sigħat xogħol kuljum, u għalhekk qed nagħmlu 3 sigħat mit-Tnejn sal-Ħadd (iva, il-ġimgħa kollha, għax b’hekk qed nikkompensaw għas-sigħat li qed nagħmlu inqas matul il-ġimgħa). Innutajt li tieħu gost aktar hekk, u filfatt tkun ħerqana għall-ħin li nqattgħu f”homeschooling’ kull filgħodu!
Rigward is-suġġetti, personalment addattajt metodu fejn qed nagħmlu mill-inqas 3 paġni kuljum ta’ Matematika, Malti w’Ingliż (li jistgħu ukoll jinkludu qari mill-kotba li jintużaw l-iskola). Barra dawn nagħmlu wkoll paġna jew tnejn kuljum minn suġġett wieħed bejn l-Istudju Soċjali, Xjenza, Etika jew Reliġjon. B’metodu hekk tkun tista’ taċċerta ruħek li l-enfasi t’uliedek tibqa’ fuq is-suġġetti l-aktar importanti, iżda mingħajr ma tkun qed tħalli s-suġġetti l-oħra barra.
L-isbaħ ħaġa relatata ma ‘homeschooling’ hija l-fatt li tista’ taddatta dan skond l-iskeda personali tiegħek. Fil-każ tiegħi, għalkemm għandi ħinijiet fejn ma nkunx nista’ nagħmel ‘homeschooling’ mat-tifla minħabba li għandi lekċers tiegħi x’nattendi, xorta nsib ħin alternattiv fejn naddatta lili nnifsi f’dak li nsejjaħlu ‘teacher-mode’ u t-tifla taddatta ruħha skond il-ħin li nkun nista’ fih bla ebda problema.
Parir #3: Kun Kreattiva!
Tista’ faċilment tagħmel l-esperjenza ta’ ‘homeschooling’ għal uliedek waħda interessanti, u ta’ pjaċir, billi tinkorpora vidjows relatati mas-suġġett li tkunu qed tagħmlu. Il-vantaġġ li għandna li qed ngħixu fis-sena 2020 hija li għandna ammont bla limitu ta’ vidjows u riżorsi li nistgħu naħdmu bihom ukoll. U l-isbaħ ħaġa hija li vidjow kapaċi jservi wkoll ta’ brejk żgħir għal uliedek bejn ix-xogħol ta’ kitba. Biex nagħti eżempju, jekk bħalissa uliedek qed jaħdmu fuq l-użu ta’ ‘a or an’, tista’ faċilment tfittex fuq Youtube ‘a or an for kids’ uu jtellagħlek lista ta’ vidjows relatati. Agħżel dejjem il-vidjow li tħoss li jgħodd l-aktar għal uliedek, vidjow li jkollu l-potenzjal li jżommhom attenti u fl-istess ħin jistgħu jitgħallmu l-kunċett minnu. Dan il-vidjow jista’ juri eżatt x’irrid infisser b’li qed ngħid…
Inkuraġġixxi l-uliedek jipparteċipaw waqt dawn il-vidjows. Eżempju, fil-vidjow t’hawn fuq tkun tista’ tinkuraġġixxi l-uliedek jgħidu l-frażi t-tajba qabel il-persuna li titkellem fih, u jekk ikun hemm il-bżonn twaqqaf ftit il-vidjow ħalli tagħti ċans lill-uliedek jaħsbu sew qabel jagħtu t-tweġiba tagħhom.
Apparti l-użu ta’ vidjows, ipprova uża aktar kreattivita’ biex tgħin l-uliedek jifhmu l-kunċetti li jkunu jridu jitgħallmu. Eżempju, tista’ tuża blokks, buttuni, dadi u affarijiet oħra relatati għal Matematika biex tgħin lill-uliedek jifhmu aħjar. Tista’ wkoll tikkrea ‘flash cards’ (jekk m’għandekx diġa’) u toħloq logħob fejn waqt li jkunu qed jilgħabu, jkunu wkoll qed jitgħallmu. Dan mhux biss jgħinhom fl-edukazzjoni, iżda wkoll jipprovdi lilek opportunita’ oħra biex tqatta’ ħin ta’ kwalita’ m’uliedek.
Parir #4: Tfal t’Eta’ Akbar
Is-sistema tieħu xejra aktar diffiċli fi tfal t’eta’ akbar. Ħafna ġenituri jsibuha ħafn’aktar diffiċli jgħinu l-uliedhom t’eta’ akbar speċjalment fejn jidħol l-iċċekkjar tax-xogħol li jkunu qed jagħmlu, u dan spiss joħloq tensjoni kemm fl-ulied kif ukoll fil-ġenituri tagħhom.
Bħal ma semmejt aktar il-fuq, tajjeb li tinkoraġġixxi l-uliedek biex jipprovaw jikkomunikaw ma l-għalliema tagħhom u jaraw jekk humiex lesti joffrulhom xi tip ta’ sapport. Iżda fl-istess waqt żomm f’moħħok li għandhom kull dritt jirrifjutaw jagħmlu dan jekk uliedek mhux jattendu l-iskola fiżikament. Madankollu mill-esperjenza li għandi tat-tifla l-oħra li għandha 12-il sena, hemm għalliema li minn jeddhom qed jagħżlu li jgħaddulhom materjal onlajn biex ikomplu kif jistgħu. M’hemm xejn ħażin li ssaqsu għall-għajnuna, dejjem b’mod edukat u bil-kapaċita’ li taċċetta l-kelma ‘le’ jekk ikun hemm bżonn.
Bħal ma semmejt aktar kmieni, it-tfal tagħna huma fortunati li għandhom iċ-ċans isibu informazzjoni vasta jekk iridu. Inkoraġġixxi l-uliedek ifittxu għajnuna relatata mas-suġġetti li jkunu qed jaħdmu fuqhom. Hemm ħafna riżorsi fuq Youtube, kif ukoll fuq l-internet. Ovjament, inti taf lil uliedek aktar minn kulħadd, u għalhekk tajjeb tieħu kwalunkwe prekawzjonijiet neċessarji fejn jidħlu attivitajiet online u s-sigurta’ kollha neċessarja.
Riżors ieħor ta’ nteress li tfal t’eta’ akbar jistgħu jinkorporaw fil-‘homeschooling’ tagħhom huwa Teleskola, li għalkemm fl-opinjoni onesta tiegħi jonqsu ħafn’ aktar kontenut, xorta jista’ jipprovdi gwida u tagħlim f’ċerti suġġetti. Teleskola jipprovdi vidjows li ġew irrekordjati minn għalliema, kif ukoll saħansitra riżorsi oħra li jistgħu jiġu pprintjati għal ċertu lezzjonijiet. Tista’ ssib xi kontenut minn dan imsemmi għal tfal minn Kindergarten sa Year 11.
Ħaġ’oħra li laqtitni ħafna għat-tifla tiegħi ta’ 12-il sena minn Teleskola hija s-sezzjoni tar-Recorded Lessons. Meta tniżżel l-isfel f’dan il-link tista’ ssib ‘Timetable’…agħfas fuq is-sena skolastika t’ uliedek u tkun tista’ taċċessa skeda ta’ kemm u x’lezzjonijiet suppost qed jagħmlu fil-ġimgħa uliedek, dejjem skond is-sena li qegħdin fiha.
Inkoraġġixxi l-uliedek t’eta’ akbar biex ikunu responsabbli u jassumu l-kontroll fuq l-edukazzjoni tagħhom jekk qed jagħmlu ‘homeschooling’. Din hija opportunita’ li fiha tista’ toħloq sens ta’ responsabbilta’ fihom. Offri dejjem is-sapport tiegħek u jekk ikun hemm il-bżonn sib ukoll għalliema li jkunu lesti joffru għajnuna u sapport lill-uliedek waqt dawn iż-żminijiet kemmxejn strambi li qed ngħixu fihom. Ovvjament offri l-ħlas għas-servizz li jistgħu joffrulek dawn l-għalliema. L-edukazzjoni hija investiment fil-futur.
Parir #5: Imxi Mal-Passi t’Uliedek
L-aħħar parir tiegħi huwa li tisma’ mill-bżonnijiet t’uliedek. Kun flessibbli, u jekk uliedek mhux iħossuhom sew, żomm xi ftit ir-riedni u imxi b’pass aktar bilmod. Bħal ma aħna l-kbar qed niġu affettwati psikoloġikament mis-sitwazzjoni kurrenti, uliedna qed jesperjenzaw emozzjonijiet simili wkoll. L-istress kapaċi jimpatta l-abbiltajiet edukattivi tagħhom. Inkoraġġixxi l-uliedek kemm tista’ billi tagħmel il-ħin tal-‘homeschooling’ interessanti u pjaċevoli kemm tista’. Iffavorixxi ‘positive parenting’ fejn jidħol ‘homeschooling’ biex b’hekk uliedek ikunu ħerqana għal dak il-ħin ta’ tagħlim li jsir bejnietkom ta’ kuljum.
Nixtieq nagħlaq dan l-artiklu permezz ta’ din l-istampa li fl-opinjoni tiegħi tiswa’ ħafna. Il-ħajja tiddependi minn kif inħarsu lejha. Nistgħu nagħżlu li niffokaw fuq dak kollu li huwa ħażin (li bħalissa jidher li huwa pjuttost ħafna aktar milli nifilħu), iżda nistgħu ukoll nagħżlu li niffokaw fuq l-isbaħ affarijiet. Meta nagħmlu dan nibdew nesperjenzaw gratitudni fina nfusna, u aktar ma nħossuna grati, aktar affarijiet li għandna għalfejn inkunu grati għalihom jidħlu f’ħajjitna. Għalhekk, nissuġġerilek tiffoka aktar fuq dik l-emozzjoni ta’ gratitudni fik għal fatt li issa għandek ċans tqatta’ aktar ħin m’uliedek waqt li tibdlilhom dawn iż-żminijiet f’mumenti memorabbli, biex b’hekk fi ftit snin oħra tkunu tistgħu tħarsu lura u titbissmu xorta waħda.
Jekk inti omm bħali u għandek xi pariri oħra dwar ‘homeschooling’ ikkuntattjana fuq [email protected]
Jekk inti għalliema kkwalifikata u tixtieq toffri l-għajuna u s-sapport tiegħek onlajn lil tfal vulnerabbli li għandhom bżonn, ikkuntattjana fuq [email protected]
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn