Share the love

PCOS diet

Il-‘Polycystic Ovarian Syndrome’ jew kif nafuha aktar il-PCOS, hija problema komuni fin-nisa kkawżata minn żbilanċ fl-ormoni reproduttivi. Huwa stmat li bejn 5% u 10% tan-nisa b’ eta’ ta’ bejn il-15 u l-44 sena għandhom il-PCOS. Il-maġġoranza ta’ dawn in-nisa jsiru jafu li għandhom din il-kundizzjoni meta jkollhom bejn l-20 u l-40 sena, hekk kif isibu problema biex jinqabdu tqal u jkellmu tabib. Madankollu, din il-kundizzjoni tista tagħraf il-bidu tagħha mill-eta’ tal-puberta’ il-fuq. Il-PCOS ma tagħmilx distinzjoni bejn ir-razza u l-etniċita’. Ir-riskju għal-PCOS huwa aktar għoli f’ każ ta’ obeżita’, jew jekk ommok, oħtok jew zitek kellha l-istess kundizzjoni.

Is-sintomi tal-PCOS jinkludu ‘periods’ irregolari, diffikulta’ biex tinqabad tqila, tkabbir eċċessiv ta’ pil, żieda fil-piż, telf ta’ xagħar, ‘acne’ u skurezza tal-ġilda f’ postijiet partikolari. Għalkemm din il-kundizzjoni hija meqjusa bħala waħda primarja li tikkawża l-infertilita’, xorta waħda tista tiġi kkurata.

Meta mara jkollha l-PCOS, l-iżbilanċ fl-ormoni tagħha jtellef it-tkabbir u l-ħelsa tal-bajda mill-ovarji (l-ovulazzjoni). Jekk ma sseħħx l-ovulazzjoni ma tistax tinqabad tqila. It-tabib jista jitkellem miegħek dwar mezzi li tista tuża biex tgħin lil ġismek jovula ħalli b’ hekk tkabbar iċ-ċans li tinqabad tqila.

PCOS diet

Sfortunatament il-PCOS hija wkoll assoċjata ma problemi oħra kroniċi li jinkludu mard tal-qalb u dijabete, speċjalment jekk ikollok livelli għolja ta’ xaħam fid-demm, pressjoni għolja jew jekk għandek piż eċċessiv. Il-PCOS hija wkoll assoċjata ma’ ‘sleep apnoea’, dipressjoni u anzjeta’, u tista wkoll tkun marbuta ma riskju ikbar li tiżviluppa ‘type 2 diabetes’ u kolesterol għoli aktar il-quddiem. Dan għaliex nisa li għandhom il-PCOS għandhom iktar insulina fid-demm minn normal. Ħafna nisa bil-PCOS għandhom reżistenza għall-insulina, speċjalment dawk b’ piż eċċessiv, li jieklu ikel mhux tajjeb għas-saħħa, li ma jagħmlux biżżejjed eżerċizzju u li għandhom id-dijabete (speċjalment ‘type 2’) fl-istorja tal-familja tagħhom. Maż-żmien din ir-reżistenza għall-insulina tista tikkawża ‘type 2 diabetes’.

PCOS Diet

B’għażla sana ta’ ikel u żieda f’ eżerċizzju fiżiku, tista tesperjenza titjib drastiku fis-sintomi tal-PCOS. Anke telf ta’ 5-10%  tal-piż jagħmel differenza kbira. Huwa mportanti li tiekol ħafna frott u ħaxix, u tnaqqas kemm tista ikel xaħmi u ħelu, inklużi xarbiet ħelwin, bħal deżerti, luminati, ‘juices’ u ikel moqli.

Spiss huwa ssuġġerit li min għandu l-PCOS jibbaża d-dieta fuq ikel b’ indiċi gliċemiku baxx (low GI). Dan ikun marbut ma’ valur li jindika jekk dak l-ikel partikolari jikkawżax żieda qawwija taz-zokkor fid-demm. Ikel li għandu ‘low GI’ jerħi z-zokkor fid-demm bil-mod u gradwalment, filwaqt li l-ikel li għandu ‘high GI’ jerħi z-zokkor b’ rittmu mgħaġġel. Ikel b’ ‘low GI’ jgħin biex inaqqas il-piż għax iżid iz-zokkor fid-demm bil-mod u għalhekk iżommok mimlija għal iktar ħin, filwaqt li jgħinek ma tnaqqarx ikel xaħmi u ħelu, u jgħinek tevita dik iż-żieda t’ enerġija assoċjata ma’ ikel ħażin għas-saħħa. Ikel b’ ‘low GI’ jinkludi ħafur (oats), ‘bran’, għaġin u ross ismar, ‘brown bread’ u ‘quinoa’, fażola, ħaxix u frott u ġewż. Tajjeb ukoll li żżid l-eżerċizzju u tiekol ikel regolarment.

PCOS high gi low gi

Il-platt tiegħek għandu jinkludi ħaxix, proteini, karboidrati u ‘healthy fats, bħal ma huma l-avokado, ħut żejtni bħal ma hu s-salamun, żejt taż-żebbuġa, ġewż u żerriegħa. Ipprova tikolx karboidrati waħedhom, iżda inkludihom bħala parti minn ikla bilanċjata u tajba għas-saħħa. Il-bilanċ permezz ta’ ikel frisk u porzjon tajjeb huwa l-iktar ħaġa mportanti għal kull min għandu l-PCOS.

Jekk għandek xi domandi dwar kif l-aħjar tqassam l-ikliet tiegħek minħabba l-PCOS, staqsi t-tabib biex jirreferik għal għand ‘dietitian’, jew ikkuntattja ‘dietitian’ inti stess.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *