Share the love

pożittiva għall-covid-19

Ma kellix deni, ma kellix sogħla u ma kellix qtugħ ta ‘nifs. U madankollu… it-test irriżulta pożittiv.

Meta nisimgħu il-kelma ‘COVID-19’, naħsbu mmedjatament f’dawk ir-ritratti tan-nies morda intubati li naraw fuq il-medja soċjali… imma meta s-sintomi jkunu ħfief, sfortunatament faċli nkomplu għaddejjin b’ħajjitna normali, għax ejja ngħidu l-verita’, min qatt kellu wġiegħ ta’ ras u ma ħax il-‘paracetamol’ u baqa’ jaħdem? Hija xi ħaġa li jagħmel kulħadd…. irridu nibqgħu għaddejjin! Inħossuna tajbin! Ma nħossuniex bħal dawk in-nies morda li naraw fuq it-TV li jkunu qed jissieltu kontinwament biex jieħdu n-nifs!

Nixtieqkom toqogħdu attenti għal dak li se nikteb hawn. Li se nikteb mhuwiex bl-iskop li noħloq il-biża’ jew biex indaħħal il-politika jew għal raġunijiet oħra. Nixtieq biss ngħidilkom dak li xtaqt inkun naf qabel ma’ rriżultajt pożittiva għall-COVID-19.

U qabel ma tippuntaw subgħajkom: le ma mortx ‘parties’ u ġeneralment jien inkun dik il-persuna li jidħku biha ta’ madwarha minħabba l-ammont ta’ ‘hand sanitizer’ u prekawzjonijiet oħra li nieħu kontinwament.

Ħassejt griżmejja xi ftit nexfin, imma ħsibtu l-effett tas-sajf tal-AC bħas-soltu. Meta tkun barra f’ħafna u ħafna sħana u tidħol ġewwa għal-frisk faċli jaqbduk is-sintomi tal-allerġija… Ninsab fiċ-ċert li ħafna jifmhuni u probabbli esperjenzaw dan kollu qabel. Għajnejja kienu kemmxejn ħomor (‘conjunctivitis’) imma għal darb’oħra… allerġija? Seta’ daħalli il-‘face wash’ il-ġdid ġo għajnejja! (Apparentament sa 3% tal-każijiet għandhom konġuntivite iżda qatt ma ssemmew fuq il-portal tas-Saħħa ta’ Malta!)

Darba smajtni nisgħol, f’daqqa waħda, u ħassejtni xi ftit stramba… imma setgħet kienet xi reazzjoni ta’ ġismi li kien qed jisħon peress li ma kontx taħt l-AC max-xarba kiesħa li kont qed nixrob. Is-sħana kienet qed taffettwani bil-kbir! Ħassejtni bla saħħa! Kull ma kelli aptit nagħmel hija li nintefa’ quddiem l-AC u ma nagħmel xejn (iżda min minnha ma jħossux hekk fis-sħana li jkollna f’ Malta f’Awwissu, speċjalment jekk tkun qed tesperjenza l-mestrwazzjoni?).

Ibbukkjajt test ĠĦAL LI JISTA’ JKUN u għax jien kemmxejn iffissata peress li ngħix mal-ġenituri tiegħi li huma vulnerabbli. U t-test irriżulta pożittiv!

L-aktar ħaġa stramba kienet li t-tlett persuni li ltqajt magħhom (apparti l-ġenituri tiegħi) matul dik il-ġimgħa, kollha rriżultaw negattivi għall-COVID-19…

F’din l-era stramba li qed ngħixu fiha, qed nistaqsikom biex iżżommu għajnejkom miftuħin. Jekk mhux qed tħossok b’saħħtek kif normalment tkun, jew tħoss daqsxejn ta’ konġestjoni fl-imnieħer, aħsibha darbtejn qabel ma tieħu l-‘Paracetamol’ u tkompli b’ ħajtek… żomm id-distanza qabel ma tkun 100% ċerta li m’għandekx il-‘Covid-19’, għax emminni, hija aktar faċli li tagħmel it-test u tikkonferma li m’għandekx il-vajrus, milli ġġorr ir-rimors għax tgħaddiha bla ħsieb ta’ xejn lil xi ħadd li ma jkunx jista jsalva minnha!


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *