Konna tassew eċitati biex niltaqgħu mal-ewwel tarbija tagħna. It-tqala tiegħi kienet waħda tajba u mxiet sew, il-movimenti tat-tarbija kienu tfakkira kostanti tat-tqala li kont qed inġorr. Madankollu, nistqarr li kelli biża’ kbira mit-twelid – imma fir-realta’ min ma jibżax? L-iljieli bdew isiru itqal, u kont bdejt inbagħti biex norqod. Imbagħad darba waħda filgħaxija, eżatt wara t-38 ġimgħa, ma stajtx norqod, u spiċċajt indur minn naħa għall-oħra tal-kamra.
Ħassejt li kien hemm xi ħaġa ħażina. Ma bdejtx inħoss lit-tarbija tiċċaqlaq bħal qabel, imma kkonvinċejt ruħi li dan kien effett tal-biża’ li kont qed nesperjenza. Wara kollox dakinhar stess filgħodu kelli ‘ultrasound’ u kollox kien deher li sejjer sew.
Madankollu l-għada filgħodu bqajt inħossni skomda, u għalhekk iddeċidejna mmorru l-isptar biex nerġgħu niċċekkjaw li kollox kien għadu miexi sew.
Fl-‘ante-natal clinic’, il-qabla qabbdet is-CTG monitor miegħi u mallewwel innutajna li kienet donnha aġitata. Daret lejn ir-raġel tiegħi u saqsietu biex iġibli xi tip ta’ xorb li għandu z-zokkor biex jistimula ċ-ċaqliq. Dak il-ħin irrealizzajt li verament kien hemm xi ħaġa ħażina ħafna. Ma kienx hemm traċċa fuq CTG imma fl-istess ħin ma stajniex nemmnu.
B’ġirja waħda ħaduni f’kamra biex jagħmluli ’ultrasound’ għal ‘scan’ ta’ malajr. Dawk il-minuti ta’ bejn u ta’ waqt l-iscan kienu ta’ barra minn hawn. U wara, wasal il-mument tal-biża’, fejn finalment qalulna “jiddispjaċina ferm, imma m’hawnx taħbita tal-qalb”.
Dak kien l-aktar mument trawmatizzanti ta’ ħajjitna. Din l-emozzjoni surreali malajr ħalqet post għal sensazzjoni profonda ta’ dwejjaq; ħolma tal-waħx li xi ħadd forsi kellu jqajjimna minnha; imma sfortunatament ma kienx il-każ. L-unika ħaġa li bdejt naħseb fuqha dak il-ħin kienet it-tarbija, dawk it-38 ġimgħa tat-tqala, nistennew u nippreparaw, dik ix-xewqa li nilqgħu lit-tarbija tagħna f’dirgħajna. F’sekonda waħda, kollox ġie meħud minn idejna.
It-tobba u l-qwiebel tawna l-ispazju kollu li kellna bżonn u hemm stajna nibku flimkien. Ippruvajna nraqqdu l-uġiegħ u nagħtu s-sapport lil xulxin. Il-biża’ kbira tagħna li ġiet wara dal-mument kienet fuq il-futur immedjat. X’se jiġri issa? Kif kont se nwelled tarbija ta’ 38 ġimgħa iżda mejta? Jien kont smajt bi stejjer ta’ nies oħra li għaddew minn esperjenzi simili, imma qatt ma mmaġinajt li xi darba setgħet tiġri lilna – sakemm ġratilna.
Kellimt lill-ġinekoloġista tiegħi li kienet ta’ sapport kbir, u qaltli biex ma nweħħilx fija nnifsi fuq dak li kien ġara. Staqsejtha jekk stajtx insalva lit-tarbija kieku mort qabel, imma qaltli li sfortunatament la l-qalb tat-tarbija waqfet tħabbat meta kien għadu fl-utru, xejn ma stajna nagħmlu biex insalvawh. Eventwalment ippjanajna appuntament biex jibdewli l-ħlas l-għada filgħodu.
Dak il-lejl ma stajtx nagħlaq għajn m’għajn. Ir-raġel qalli li issa kien qed jibża’ li jiġri xi ħaġa lili wkoll. Jien ippruvajt inneħħilu dan il-ħsieb minn moħħu billi ngħidlu li kollox kien se jmur sew, imma fir-realta’ ma bdejtx inħossni daqshekk ċerta.
It-triq li kellha twassalna l-isptar l-għada filgħodu kienet tassew tqila. Meta wasalna fid-‘Delivery Suit’, il-qwiebel u l-‘bereavement midwife’ kellhom tassew qalbhom tajba. Spjegawlna pass b’pass x’għandna nistennew mill-induzzjoni, mit-twelid u x’kien se jiġri wara.
Kienet diffiċli wisq biex naħseb dwar l-arranġamenti tal-funeral meta ftit siegħat qabel konna qed naħsbu fuq it-twelid u l-magħmudija tat-tarbija tagħna.
Il-ġurnata għaddiet bil-mod. Jien u r-raġel tiegħi bilkemm tkellimna, imma ma kellniex għalfejn. Konna qed nissapportjaw lil xulxin waqt dan il-mument traġiku. L-induzzjoni bdiet fil-11 ta’ filgħodu u fl-4 ta’ wara nofsinhar bdejt inħoss l-uġiegħ tal-ħlas. Il-kontrazzjonijiet bdew u bdejt miexja b’pass mgħaġġel. Sal-ħamsa kont qed nesperjenza kontrazzjonijiet frekwenti, qawwija u severi u eventwalment bdejt nitlob għal xi ħaġa li ttaffi l-uġiegħ. Meta ma bqajtx niflaħ l-uġiegħ aktar, lestewli l-‘epidural’. Eżatt qabel ma bdejt inħoss l-effett tal-‘epidural’, ħassejt il-borża amniotika li kienet għadha mwaħħla fija, taqa’. Dak il-ħin daħlet qabla biex tifqagħli l-ilma, imma eżatt f’dak il-mument intlift minn sensija.
Niftakarni nqum fl-‘intensive care unit’ intubata. Ir-raġel tiegħi ġie ħdejja u fehemni x’kien ġara. Kont irremettejt, intlift minn sensija, u waqaft nieħu n-nifs.
Kont esperjenzajt ‘cardio-pulmonary arrest’ u kelli bżonn is-‘CPR’ u daħħluni għal ċesarja b’urġenza. Qabel u wara ċ-ċesarja esperjenzajt 3 attakki tal-qalb qosra b’irkupru ta’ suċċess bis-saħħa ta’ ċirkulazzjoni spontanja. Kien hemm telf ta’ demm sever u kelli bżonn ningħata ħafna demm. Imbagħad kont ġejt trasferita għall-‘intensive care unit’, bqajt intubata u ‘ventilated’. B’miraklu, wara 24 siegħa jien ġejt estubata u trasferita għall ‘obstetrics ward’ il-ġurnata ta’ wara.
Wara ftit ġranet li ġejt trasferita għall-‘Intensive Care Unit’, irnexxieli niltaqa’ mal-anġlu żgħir tagħna li semmejna Luke. Il-ħsieb li narawh kien tal-biża’ u tat-taħwid kemm għalija u kemm għar-raġel, avolja r-raġel kien żammu ftit waqt li l-infermiera kienu qed jieħdu ħsiebi minħabba l-problemi ta’ wara t-twelid.
Se nibqa’ grata għal dejjem li rnexxielna niltaqgħu mal-anġlu li issa għandna fil-Ġenna, l-anġlu ż-żgħir li kellu l-irwol biex isalvali ħajti.
Kien perfett, u veru xtaqna li nżommuh f’idejna għal dejjem, imma Alla kellu pjanijiet oħra għalina. Naf li jinsab magħna kuljum, jieħu ħsiebna. Dejjem se jibqa’ f’qalbna u f’moħħna.
Għal grazzja t’Alla, jien kont mibgħuta d-dar wara tmint’ijiem. Se nkun grata dejjem għas-sapport li kellna mill-familja, mill-ħbieb u l-ħaddiema inkredibbli li hemm l-isptar talli salvawli ħajti. Ma kienx vjaġġ ħafif, imma ninsab kburija li salvajt.
Ġejt mogħtija l-‘maternity leave’ u ħadt iż-żmien tiegħi biex nirkupra kemm fiżikament u kemm emozzjonalment. Wara 14-il ġurnata kont eċitata biex nerġa nidħol naħdem u għall-ħajja ‘normali’. Din kienet kemmxejn diffiċli minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u peress li jien tabiba. Madankollu x-xogħol kien terapewtiku u l-kollegi tiegħi veru ssapportjawni. Ħassejtni stramba nżur l-‘Intensive Care Unit’, u ma stajtx nemmen li 4 xhur qabel kont hemmhekk bħala pazjenta.
Ninsab kuntenta li nista’ nħabbar li qed nistenna tarbija oħra għal Marzu li ġej. Dan il-vjaġġ kien wieħed emozzjonali, b’taħlita t’eċitament u biża’.
Nemmen li kollox jiġri għal raġuni, avolja mhux dejjem nifhmhu għala ngħaddu minn ċerti esperjenzi.
Din l-esperjenza tagħtna s-saħħa, għallmitna biex l-affarijiet ma neħduhomx ‘for granted’, saħħitilna l-għaqda mal-familja u l-ħbieb. Il-‘bond’ tiegħi mar-raġel qatt ma kienet daqshekk b’saħħtiha, u flimkien aħna ser inkomplu nissapportjaw lil xulxin. Se tinstema’ stramba, imma din l-esperjenza trawmatizzanti għenitni negħleb l-ansjeta’ kbira li kont nesperjenza qabel. L-affarijiet mhux daqshekk pjaċevoli li jiġru fil-ħajja, issa saru rrelevanti. Aħna qed inħarsu lejn il-futur u ser inkomplu ngħixu bl-anġlu tagħna ħdejna.
Jekk esperjenzajt ‘stillbirth’ jew korriment tista’ tagħmel użu mit-terapija u sapport personali li jiġu offruti mill-‘ Practice Midwife (Bereavement & Support)’ f’l-Isptar Mater Dei, 25454442 (tista’ tħalli messaġġ fuq l-‘answering machine’).
Il-grupp Miscarriages Malta fuq Facebook joffri sapport ‘peer to peer’, u huwa mmexxi minn Martina Maria Hili li toffri s-sapport lill-dawk li qed jesperjenzaw telf ta’ tarbija; sapport għal dawk li qed jippruvaw jinqabdu tqal wara korriment jew li huma tqal wara korriment, kif ukoll sapport għall-irġiel, ‘partners’, qraba u ħbieb ta’ nies li għaddew minn korriment, biex ikunu infurmati, edukati u jsibu s-solitudni.
Jekk inti wkoll għandek storja li tixtieq taqsam mal-qarrejja tagħna ibgħatilna imejl fuq [email protected]