Share the love

raw motherhood

Li esperjenzajt rabta materna diffiċli ma’ l-ewwel tarbija tiegħi kienet probabbilment l-aktar realta’ iebsa li qatt kelli naffaċċja s’ issa bħala omm. Waqt it-tqala kont assumejt li mat-twelid it-tarbija tiegħi awtomatikament kienet se ssir ossessjonata bija. L-anqas biss għaddieli minn moħħi li seta’ jkolli bżonn naħdem u nistinka sabiex nakkwista l-fiduċja tat-tarbija tiegħi billi l-ewwel u qabel kollox nitgħallem inkun ommu!

Mhux kull omm tgħaddi minn din l-esperjenza iebsa, madankollu għal dawk l-ommijiet li qed isibu lilhom infushom jissieltu biex joħolqu rabta għażiża mat-tarbija tagħhom, nixtieq nassigurahom li din hi ħaga normali u li m’ humiex waħedhom f’ din ir-realta’.

Li toħloq rabta ma’ tarbija ġdida tista’ tkun diffiċli minħabba bosta raġunijiet li sfortunatament ma nitkellmux biżżejjed dwarhom. Kull tarbija u kull sitwazzjoni hi differenti, u għalhekk hemm bżonn niftakru li ghandna ħajja sħiħa quddiemna biex niksbu din ir-rabta mat-tfal tagħna.

Għażilt li llum naqsam magħkom l-esperjenza personali tiegħi dwar din il-ġlieda tiegħi sabiex stajt noħloq rabta mat-tarbija tiegħi, kif ukoll l-insigurtajiet li din l-esperjenza ħolqitli. Waqt li bil-mod il-mod kont qed naħdem sabiex l-ewwel nett naċċetta lili nnifsi fl-irwol ġdid ta’ omm, l-ewwel ftit xhur tat-tarbija tiegħi kienu miżgħuda b’ anzjeta’, għira u sens ta’ mistħija. Nemmen li l-aspettattivi foloz tiegħi u l-pressjoni li poġġejt fuqi nnifsi biex nipprova nilħaq dawn l-aspettattivi, intensifikaw l-uġigħ li esperjenzajt.

Il-Ġrieħi ta’ Tfuliti                                

Sabiex tifhmu sewwa l-esperjenza tiegħi, hemm bżonn nispjegalkom fil-qosor xi ftit fuq it-tfulija tiegħi. Għalkemm il-ġenituri tiegħi għamlu dak kollu li setgħu fit-trobbija tiegħi minkejja l-inkapaċita’ emozzjonali tagħhom, jiena qatt ma ħassejtni aċċettata jew mixtieqa, la minn ommi u lanqas minn missieri. Ma’ kienux kapaċi jipproteġu lill-uliedhom mill-uġieħ tad-divorzju li seħħ bejniethom, u aħna konna sirna bħal tifkira kostanti ta’ familja li kienet tassew falliet. Sa mill-bidu tas-separazzjoni tagħhom, jiena dejjem ħassejtni bħala piż żejjed fuqhom aktar milli tifla maħbuba mill-ġenituri. Ħuti w’ jien konna nħossuna miċħuda mill-ġenituri  tagħna, u għadna s’ issa m’ aħniex kapaċi jkollna relazzjoni sikura ma’ xi ħadd minnhom. Nemmen verament li r-relazzjoni nstabbli mall-ġenituri tiegħi kienet il-kawża ta’ ħafna insikurezzi tiegħi li m’ għenuni xejn biex nafda lili nnifsi.

Il-farretti li għandi f’ qalbi huma kawża tal-fatt li kont inħossni rrifjutata fi tfuliti. Dan wassal għal entużjażmu żejjed biex nesperjenza imħabba bla limitu għal persuna oħra.

Ħsibt li wara li kelli l-ibni stajt sa fl-aħħar nesperjenza dik is-sensazzjoni ta’ mħabba bla kundizzjonijiet, imħabba ta’ xi ħadd li kellu bżonni. Stennejt b’ ħerqa kbira dak il-mument fejn it-tifel kien se jiddendel miegħi u jħares lejja bħala dik il-persuna li ser tipproteġih. Stennejt lit-tifel tiegħi sabiex jien sa fl-aħħar inħossni sinifikanti, tant li nasal nagħlaq il-feriti kollha ta’ żmien tfuliti. Iżda sfortunatament dan ma kellux ikun. Bħal li kieku kienet xi ċajta kerha, ibni donnu ma tantx xtaq li jkollu  konnessjoni partikolari miegħi. Kont wellidt ġmiel ta’ tifel li minflok għeni nfejjaq il-passat beda jġgħalni nsofri aktar b’ dak is-sens ta’ rifjut għal darb’ oħra f’ ħajti.

Ir-Realta’ Sħiħa ta’ Ġlieda Kontinwa

La darba kien twieled it-tifel, kont nibża’ ħafna, speċjalment nibża’ nerfgħu. Kien jidher ċkejken u fraġli, u jiena qatt ma kont fil-kumpanija ta’ trabi daqshekk żghar f’ ħajti qabel. Minn naħa l’ oħra l-partner tiegħi kien sab din l-esperjenza naturali u kellu kunfidenza assoluta miegħu. Bla dubju, ibni ħass li jiena ma kellix esperjenza u probabbli ma tantx xtaq li jieħu ħsiebu xi ħadd bla esperjenza. Minflok, beda jħossu komdu fi ħdan missieru, u kull xħin kont nersaq lejh kien jaqbad iwerżaq. U f’ dak il-mument ma kont nista nagħmel xejn li kien itih xi ftit tal-wens, aħseb u ara kemm kien jirnexxili nraqqdu!

Kont nipprovdi lit-tarbija tiegħi bil-kura primarja tiegħu u kont niġi eżawrita tant kemm kont nipprova nfissdu. Madankollu ibni xorta ma tantx kien jagħti kasi sakemm ma kienx ikun wasal il-ħin biex jixrob.

Biex tgħaxxaqha dak iż-żmien kont qiegħda ngħix mal-kunjata, u għalkemm għandi rispett u mħabba kbira lejn il-kunjati tiegħi, bħan-nanniet ġodda kollha ma tantx tawni ħin u spazju biex naqsam fil-kumpanija biss t’ ibni. Tant kienu ħerqana biex jieħdu t-tifel minn dirgħajja la darba kien jinfexx jibki, li qatt ma tawni ċans nitgħallem kif nagħtih ftit tal-wens. Kienu donnhom jiġġieldu bejniethom għall-attenzjoni tiegħu kif ukoll jinvadu dak il-mument rari fejn jien stajt inkun waħdi mat-tifel. Il-ħajja tiegħi ta’ kuljum kienet donnha saret battalja sħiħa, u l-premju kien ikun dejjem l-affezzjoni tat-tarbija tiegħi.

M’għandix għalfejn ngħid, kont donni wasalt f’ xifer l-irdum. Evidentament kont għoddni tlift din il-battalja u l-kunjata tiegħi kienet tista’ tgħid rebħet. Kellha l-kapaċita’ li ssabbar l-ibni bil-kalma kollha u b’ mod naturali, u t-tifel bilkemm kien ikun interessat fija waqt li hi kienet tkun fl-istess kamra miegħi. Kien dejjem ifittex lilha minflok lili, u kull darba li dan kien iseħħ kont inħoss bħal stallett jinfidli qalbi. Kont inħoss għira kbira tinbet u taqbad profondament f’ ruħi u spiss kont inħoss il-bżonn li nitlaq mill-kamra.

Ta’ min jgħid li l-kunjata tant kienet tieħu gost li n-neputi tagħha kien jippreferi lilha, li spiss kienet tiċċajta u tgħid li ibni kien donnu jaħseb li hi kienet ommu propja u mhux jiena. Ħassejtni mkissra totalment. Bħala ommu, jien kont suppost il-persuna li ibni kien ifittex u jrid. Emmint li kien ħaqqni li nkun il-persuna li kellu jfittex, u li jkun irid iqatta’ ħinu miegħi.

Spiċċajt nesperjenza anzjeta’ kbira kull meta’ kien ikolli nieħu ħsieb it-tifel, speċjalment quddiem in-nies, għax kont nistħi nuri li ibni ma kienx iridni.

Il-Kisba ta’ l-Imħabba t’ Ibni

Minkejja li ppruvajt nispjega s-sentimenti tiegħi u ppruvajt noħloq tip ta’ regoli u limiti għall-kunjata, kollox kien qed jaqa’ fuq widnejn torox. Eventwalment, kellna nitilqu minn hemm għax ma flaħtx nissaporti aktar. Kont ninkwieta li se naqa’ f’ dipressjoni kbira. Meta morna noqogħdu f’ appartament għalina, jien bdejt insib iċ-ċans li nieħu pjaċir bl-ispazju tiegħi, u kelli l-ħin kollu li ridt biex inqatta’ ma’ ibni. Bdejt nibni relazzjoni miegħu bil-mod u nifhem l-emozzjonijiet tiegħu, biex b’ hekk stajt nipprovdilu l-wens li kellu bżonn kull meta kien jibki u jolfoq. Ma kellix għalfejn nikkompeti aktar ma’ ħaddieħor għall-attenzjoni tiegħu, u għalhekk stajt nirrilassa, waqt li t-tifel beda jħossu aktar sikur madwari.

Wara ċertu żmien, bdejt infassal lili nnifsi f’ dik l-omm li ibni kellu bżonn, u hu stess beda jirreċiproka dan billi beda jafdani biex nieħu ħsiebu.

Illum il-ġurnata għandi konnessjoni profonda, qawwija u ta’ mħabba infinita m’ ibni. Pero’ xorta jibqa’ l-fatt li din kienet triq twila u diffiċli mmens. Ġagħlitni niftaħ feriti kbar minn tfuliti u ġagħlitni wkoll nanalizza u nifhem kif l-insikurezza tiegħi u l-aspettivi foloz li kelli dwar il-maternita’ kienu dgħajfu l-abbilta’ tiegħi li nidħol f’ qalb ibni.  Issa nista’ ngħid li hemm relazzjoni bellezza bejni u bejn ibni, u nifhem ukoll li hemm post għal aktar imħabba mingħand ħaddieħor. Lin-nanniet tiegħu għadu jadurahom u huma l-istess. Għandhom imħabba tremenda għalih. Għalkemm kienet triq twila sabiex wasalt fejn ninsab illum, napprezza immensament li t-tifel tiegħi għandu daqstant persuni li verament iħobbuh.                           

Dwar l-Awtriċi

Raw Motherhood jagħtik il-verita’ kollha u onesta dwar l-esperjenza ta’ omm, bit-tlajja u l-inżul kollha li toffrilha l-ħajja waqt li trabbi l-uliedha.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *