Share the love

Meta kien ikun hemm wisq qadi relatat mat-tfal, ommi kienet tinfaqa’ tibki u tgħajjat waħedha: ‘Meta ħa jmissni jien?!’

Kull darba li nipprova nagħmel sens mill-averżjoni tiegħi għall-maternità u l-kuntentizza tiegħi dwar il fatt li ħrabt minnha, moħħi dejjem idur għal dik il-ġurnata partikolari meta ommi ħarġitni mill-iskola fir-rebbiegħa fl-1975 biex ikollna “mother-daughter day”. Din ġrat sena qabel m’ommi w’ missieri sseparaw.

L-avventura tagħna ta’ nofs il-ġimgħa ġiet ta’ sorpriża għalija anke jekk kont ferħana li għandi ġurnata barra mir-raba’ sena tal-iskola, bħal ma jħoss kull tifel jew tifla ta disa’ snin. Kienet se tkun ġurnata speċjali għalina biss, wegħeditni ommi. Konna sejrin il-Mużew Metropolitan tal-Arti f’Manhattan u għall-ikel konna sejrin ristorant prestiġġjuż.

Sfortunatament donnha nsiet twissini fuq l-ewwel waqfa fi triqitna mid-dar tagħna f’‘Long Island’; bini ta’ uffiċċini ta’ tliet sulari ħomor f’Lynbrook, fejn tipprattika it-terapista tagħha.

“This is Mrs Abramson,” qaltli ommi filwaqt li urietni sufan biex inpoġġi ħdejha. “Jien niġi hawnekk kull ġimgħa biex inkellimha fuq kif inħossni”.

Mrs Abramson kienet mara b’ dehra pjuttost antika liebsa libsa tal-polijester tal-kulur blu, b’elmu xagħar miżbugħ kannella. Hija iffukat għajnejha fuqi b’mod intent u bdiet titbissem b’ mod viżibilment artifiċjali.

Ħassejtni vera mħawwda – iġifieri jien kont biss hemmhekk għal waħda mill-qadi monotoni t’ommi? Jew kien hemm xi raġuni oħra għala kont hemmhekk? Forsi kont għamilt xi ħaġa ħażina?

Wara waqfa pjuttost stramba, Mrs Abramson tat sinjal l-ommi billi niżlet u għolliet rasha, u b’hekk ommi daret lejja u qalet “Naf li veru kont tħobbha n-‘Nanny’,” filwaqt li bdiet tirreferi għan-nanna materna tiegħi, il-persuna favorita tiegħi, u li kienet mietet tliet snin ilu bil-kanċer tas-sider. “Imma hi ma kinitx daqshekk ħelwa miegħi. Ma kienitx ġentili miegħi bħal ma kienet miegħek. Miegħi kienet kiesħa u egoista,” qaltli ommi.

Ommi nediet lista kbira ta’ lmenti fejn irrakkontat mumenti li fihom in-nanna allegatament ħalliet lilha u l-zijuwi weħidhom għal ġranet twal fl-istess ħin meta kienu għadhom żgħar. Ir-raġuni wara dawn il-mumenti kienet biex tkun tista’ twarrab billi tmur dawra fit-tul weħidha, minkejja l-biki t’ommi biex ma titlaqx. Hija qalet li n-Nanny kellha diżabbiltà emozzjonali, u ma kinitx “mother material”, għax ommha stess kienet mietet meta nannti kellha tlett snin, fl-1919, fl-aħħar tal-epidemija tal-influwenza. Wara li omm nannti mietet, missierha ma felaħx irabbi tifla żgħira waħdu. Kellu attakk nervuż u bagħat lil nannti biex tgħix ma xi zija. Ommi nsistiet li din is-serje ta’ avvenimenti traġiċi għamlu lin-‘Nanny’ inkapaċi biex trawwem lit-tfal.

Jien bqajt nisma b’mod intenżiv, imma din l-informazzjoni m’għamlitx sens. Ħadd ma urieni mħabba aktar milli urietni nannti. Qabel ma mietet, spiss kont norqod għandha f’xi lejla tas-Sibt. Kien il-qofol tal-ġimgħa tiegħi. Konna nintilfu fi kreattivita’ flimkien, Nanny u jien konna noqgħodu npenġu flimkien. Konna naraw filmati ta’ Shirley Temple u nkantaw mad-diska ‘Animal Crackers in My Soup’. U l-Ħdud filgħodu konna noqgħodu naraw ‘Wonderama’ u niżfnu flimkien, waqt li konna nimmaġinaw li qegħdin mal-atturi.

Ma kontx għadni kbira biżżejjed biex nifhem li r-relazzjonijiet bejn in-nanniet u t-tfal jisgħu ikunu ħafna eħfef mir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, jew biex nirrealizza li kont ġejt eżatt fiz-zmien bħala distrazzjoni mill-kanċer li kien qed joqtol lin-‘Nanny’. Forsi dik kienet ir-raġuni għala miegħi kienet aktar ġentili meta tkun ikkumparata ma kif kienet titratta l-ommi.

Qabel ma kelli ċ-ċans li nikkunsidra b’mod sħiħ din il-verżjoni differenti ta’ ‘Nanny’ li ppreżentatli ommi fl-uffiċċju tat-terapista, hija mxiet għal xi ħaġa akbar: Hi u missieri kienu qed jikkunsidraw biex jisseparaw.

Aqra l-artiklu kollu hawnhttps://www.theguardian.com/lifeandstyle/2020/jul/07/why-i-dont-have-a-child-i-watched-my-own-mother-struggle-with-parenthood

Author: Sari Botton


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *