Kollha kemm aħna għaddejna minn żmien pjuttost stramb dan l-aħħar. Ħajjitna bħal waqfet ħesrem u kollox donnu nqeleb ta’ taħt fuq. Ġejna mistennija naddattaw malajr l-attivitajiet ta’ kuljum tagħna taħt kundizzjonijiet totalment differenti, kif ukoll naċċettaw irwoli li qatt ma konna għexna qabel.
F’ daqqa waħda, familji bit-tfal ġew mitluba jaddattaw għal irwol ta’ ‘carer’ u għalliema 24/7 mingħajr l-ebda sapport. Dan kien pass problematiku għax kif ngħidu bl-ingliż, “it takes a village to raise a child”. Dawk li jaħdmu kellhom ikomplu xogħolhom mid-dar, possibilment bit-tfal id-dar magħhom. Xi wħud raw il-post tax-xogħol jagħlaq il-bibien tiegħu b’ mod indefinit. Persuni vulnerabbli spiċċaw maqbuda fi djarhom, waqt li wħud minn dawn kellhom jirċievu sapport mill-maħbubin tagħhom mingħajr ma jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ minħabba r-regoli ta’ distanza soċjali.
Apparti dan kollu, kuljum konna qed niġu aġġornati dwar il-firxa tal-virus u l-mod li bih kien qed jaffettwa l-persuni nfettati. Stajna nsegwu mwiet ta’ pazjenti milquta mill-Covid kemm f’ Malta kif ukoll barra minn xtutna.
M’ għandniex għalfejn nistagħġbu bil-fatt li dawn l-aħħar xhur ħallew impatt fuq ħafna minna. Dan il-perjodu ġabna konxji tal-mortalita’ tagħna. Kellna ċans nagħtu ħarsa mill-qrib lejn ħajjitna u t-tifsira li qed nagħtuha. Ħafna spiċċaw jesperjenzaw sintomi ta’ ansjeta’ u dipressjoni.
Jekk qed taħseb dwar x’ tista’ tagħmel biex tikkontrolla l-livell ta’ l-ansjeta’ tiegħek, dawn huma seba’ modi li tista ssegwi faċilment:
1) Esperjenza l-mument li qegħda fih
Meta’ tħoss l-ansjeta’ tiżdied ġewwa fik, tista faċilment tinnota li qalbek tibda tħabbat b’ rittmu mgħaġġel aktar minn normal, nifsek jiġi irregolari u possibilment tħossok ukoll xi ftit storduta. Meta tesperjenza dan, poġġi bilqiegħda fuq siġġu, niżżel saqajk ma’ l-art u semmi:
5 affarijiet li tista’ tara,
4 affarijiet li tista’ tħoss,
3 affarijiet li tista’ tisma,
2 affarijiet li tista’ xxomm, u
1 li tista’ ttiegħem.
Meta tagħmel dawn jirnexxilek terġa tirritorna lejn il-ħin preżenti.
2) Eżerċizzju tan-nifs
Agħlaq għajnejk u ħu nifs twil minn imnieħrek. Ħalli n-nifs tiegħek joħroġ bil-mod minn ħalqek. Esperjenza s-sentiment ta’ l-arja dieħla minn ġo mnieħrek u ħierġa minn sidrek u ħalqek. Jekk tinduna li ħsibijietek mhumiex ikkonċentrati fuq dan li qed tagħmel, erġa ffoka fuq in-nifs tiegħek. Kompli dan għal ħames minuti jew sakemm tħossok aħjar.
3) Aċċettazzjoni
Li taċċetta l-ħsibijiet inkwetanti tiegħek mhuwiex daqshekk faċli. Madankollu dejjem żomm ħaġa waħda f’ moħħok:
Inti għandek biss kontroll fuqek innifsek.
Qed tinkwieta dwar ibnek li jaħdem fil-qasam tas-saħħa? M’ hemm xejn li tista’ tagħmel dwar dan. Tħossok anzjuża meta’ tisma’ b’ imwiet ta’ pazjenti tal-Covid? M’ għandek l-ebda kontroll fuq dawn. Tħoss tensjoni kull darba li jkollok bżonn tmur tixtri, anke jekk qed tilbes il-maskra b’ mod korrett, iġġorr is-‘sanitiser’ u timsaħ ix-xirja ħaġa ħaġa malli tirritorna lura d-dar? Qed tagħmel ħiltek kollha, ma tistax tagħmel aktar milli qed tagħmel.
Meta tħossok anzjuża dwar xi ħaġa, aħseb dwar liema azzjonijiet inti responsabbli għalihom, iżda żomm f’ moħħok li la tista ġġiegħel lil min jibdel il-ħsieb tiegħu, u wisq inqas tista’ tisforzahom jagħmlu xi ħaġa li ma’ jridux jagħmlu. Għalhekk tista’ sserraħ moħħok bil-fatt li inti dejjem tkun għamilt kull ma tista, iżda mbagħad ħalli l-bqija f’ idejn dak li jkun.
4) Gawdi kemm tista
Ippjana ħin għalik biex tgawdi xi ftit ukoll. Ħdimt u tħabatt, u l-ħajja qatt m’ hi faċli, speċjalment f’ ċirkostanzi bħal ma għexna dan l-aħħar. Għalhekk, ippjana xi banju fit-tul, irrilassa waqt li taqra’ xi ktieb sabiħ, jew kul xi ħaġa li vera tħobb. Ħaqqek tgawdi ftit! Moħħna għandu bżonn dan il-ħin ta’ kwiet biex jiċċarġja u jipproċessa l-ġurnata. Dan jgħinek biex terġa tirritorna lura lejn il-ħajja stressanti li qed ngħixu llum il-ġurnata.
5) Ikkontrolla dak li tara fuq il-midja
Kollha kemm aħna nistgħu naqblu li qed niġu bbombardjati dwar il-pandemija kurrenti minn kull angolu: aħbarijiet, internet, programmi fuq ir-radju, u ħafna aktar. Dan jista’ jaffettwana b’ mod negattiv ħafna aktar malajr milli nimmaġinaw. Meta tħoss li qed tkun ibbombardjata żżejjed minn aħbarijiet negattivi, iddedika siegħa fil-ġurnata biex issegwi aħbarijiet kurrenti, u mbagħad ieqaf hemm. Hawn anke ‘apps’ u ‘settings’ fuq il-mobajls li jistgħu jgħinuk iżżomm mal-ħin li tirriserva għal dan il-għan.
6) Iftaħ qalbek
Tkellem ma’ xi ħabiba jew membru tal-familja li tafda. Meta titkellem dwar dak li jkun qed jinfluwenzak tħossok aħjar, u tirrealizza li għandek ukoll min jieħu ħsiebek. Vantaġġ ieħor ta’ dan hu li tista’ tara u tifhem perspettivi ġodda li jistgħu jiftħulek toroq alternattivi li ma tkunx ħsibt fihom qabel.
7) Tkellem mat-tabib/a tiegħek
Jekk ilek tipprova ssolvi l-problema ta’ l-ansjeta’ waħdek imma għadek mintix tħossok aħjar, kellem lit-tabib/a tiegħek. Kultant l-ansjeta’ tikkawża sbilanċ fil-kimiċi tal-moħħ, u hawn ikun hemm bżonn ta’ interventi oħra bħal mediċini jew għajnuna psikoloġika. Xi kultant ikun hemm bżonn ukoll konsultazzjoni ma’ psikjatra. Hi x’ inhi l-problema, qatt m’ għandek tibqa tibbattika waħdek. Dejjem tista’ ssib min jgħinek.
Dr Natalie Psaila bdiet tistudja għal tabiba fl-Universita’ ta’ Malta fl-2007. Hija kompliet l-istudji tagħha u akkwistat il-MMCFD u MRCGP (Int) biex laħqet speċjalista fil-Family Medicine fl-2013.