Share the love

L-Esperjenza Tiegħi bil-PCOS

Ingħatajt id-dijanjosi tal-PCOS formalment meta kelli 14-il sena biss. Madankollu, nemmen li ili ngħix bis-sintomi tal-PCOS ħajti kollha.

Minn eta’ żgħira kont nesperjenza ‘migraines’ u wġiegħ ta’ żaqq li ma kontx inkun nista nispjega. U din kienet tiġri xahar. Ta’ tnax-il sena tlabt l-ommi biex teħodni għand ‘beautician’ għall-‘waxing’; kont nilbes qliezet twal is-sena kollha u kont niġi bbuljata l-iskola għax kelli saqajja sufin u kelli anke l-mustaċċi …

Issa ili ngħix bis-sindromu għal aktar min nofs ħajti. Matul dawn is-snin esperjenzajt mumenti sbieħ u mumenti kefrin. Kien hemm mumenti fejn il-kundizzjoni qelbet għall-agħar; u mumenti oħra fejn bħal donnha battiet. Il-menstrwazzjoni tiegħi qatt ma kienet regolari u qatt ma kienet l-istess; kelli ftit snin fejn kull m’esperjenzajt kienu forsi 2 perjodi f’sena, filwaqt li fi snin oħra kont regolari. Xi kultant kont nesperjenza ħafna wġiegħ waqt il-menstrwazzjoni; drabi oħra ġieli qas kont inħoss xejn. Xi drabi, kont inbagħti bis-sintomi ta’ qabel il-menstrwazzjoni għal ammont ta’ ġimgħat, imma drabi oħra ma kont inħoss xejn. Kont inbagħti ħafna b’’migrains’ qawwija li kkawżawli nuqqas ta’ produttivita’ f’ħafna ġranet.

F’dawn l-aħħar 15-il sena, bagħtejt ukoll minn problemi relatati mal-piż; il-piż tiegħi jitla b’mod persistenti u ma jinżilx, u qaddi qed jiżdied. Għamilt ħafna snin ninkwieta li ma nkunx nista’ jkolli tfal. Ippruvajt anke nwissi lir-raġel qabel ma’ żżewwiġna – fil-każ li qatt ma jkollna tfal, hu jkun jista jkollu ċ-ċans jieħu l-annullament…

Biż-żmien aċċettajt il-kundizzjoni tiegħi bħala parti intrinsika minni, u li mhux se titlaq. Kundizzjoni li kelli nidra ngħix biha.

Sirt konxja li hemm nisa oħra jbagħtu mill-istess kundizzjoni f’forma aktar severa u li b’xi mod, kelli xortija tajba li għext ħajja kważi normali s’issa. Saħansitra rnexxieli ninqabad tqila mingħajr ebda problemi.

Madankollu, f’dawn is-snin riċenti bdejt nirrealizza li l-PCOS hija ħafna aktar minn menstwrazzjoni rregolari u xagħar tal-ġisem b’mod eċċessiv. Aktar ma fittixt fuq is-suġġett, aktar inħolquli dubji għaliex jista ikun hemm konsegwenzi severi fis-saħħa tal-mara. Irrealizzajt li kura ħolistika għall kundizzjoni ma teżistix f’Malta. Il-PCOS preżentament tiġi trattata sintomu sintomu; ġinegoloġista tgħin f’ każ ta’ menstrwazzjoni irregolari jew problemi ta’ fertilita’; dermatoloġista tgħin fi problemi bl-akne jew telf ta’ xagħar (alopecia); beautician tgħin fi problemi ta’ suf eċċessiv, u endokrinoloġista għal żbilanċ ormonali…

Imma, mill-esperjenza twila ta’ professjonisti li żort, ħadd qatt ma qalli li għandi riskju eċċessiv biex niżviluppa d-dijabete, jew li l-PCOS jista’ jpoġġini f’riskju ikbar li niżviluppa l-kolesterol, problemi tal-qalb, mard metaboliku u kanċer endometrijali (kanċer fil-ħajt tal-utru) meta kkumparata ma nisa li m’għandhomx PCOS.

Barra minn hekk, ħadd qatt ma qalli li l-PCOS huwa responsabbli għal ċans akbar ta’ dipressjoni fin-nisa – jien bagħtejt minn ħafna episodji mhux spjegati ta’ dwejjaq u tibdil fil-burdati għal ħafna snin. Ħadd qatt ma qalli li l-PCOS ipoġġi n-nisa tqal f’riskju li tiżviluppa l-kumplikazzjonijiet fit-tqala, bħal pressjoni għolja (li personalment żviluppajt ukoll), dijabete, korriment, u twelid ta’ qabel iż-żmien.

Issa sirt konxja wkoll li n-nisa m’humiex infurmati biżżejjed fuq il-PCOS u kif taffwetwalna ġisimna u s-saħħa tagħna b’ mod ġenerali. Minkejja l-fatt li l-PCOS huwa komuni ħafna – sa 10% tan-nisa għandhom il-PCOS. B’dan l-artiklu qed nittama li noħloq aktar għarfien, u forsi ninkuraġġixxi nisa oħra biex jaffaċċjaw il-problemi tas-saħħa tagħhom b’mod aktar dirett.

Ħarsa ġenerali lejn il-PCOS

Il-PCOS  hija kkawżata minn żbilanċ fl-ormoni, u il-karatteristika li tgħin tidentifika din il-problema hija żieda fid-daqs tal-ovarji b’boroż mimlija fluwidu madwar il-bajd. Iżda il-frazi ‘ovarji poliċistiċi’ hija waħda tista’ tgħid falza għax dawn huma boroż u mhux ċesti; dawn huma bajd li m’humiex żviluppati li ma jiġux rilaxxati u b’hekk l-ovulazzjoni ma sseħħx.

Ċerti nisa jispiċċaw jiżviluppaw ċesti kbar fl-ovarji li jkollhom jitneħħew b’mod kirurġiku (jien personalment kelli nagħmel din l-operazzjoni darbtejn). Dawn iċ-ċesti ġeneralment ma jikkawżawx ħsara, imma jekk jinfaqgħu jistgħu jikkawżaw problemi kbar.

Minbarra l-apparenza tal-poliċistiċi, iż-żewġ sintomi ewlenin ta’ din kundizzjoni huma:

  • Menstrwazzjoni irregolari jew ċikli tal-menstrwazzjoni twal: Anke f’nisa li għandhom PCOS ħafifa għandhom perjodu pjuttost regolari u ċ-ċiklu tagħhom ikun minn 35-il ġurnata l-fuq. Ċerti nisa jdumu ħafna xhur mingħajr ma jkollhom menstrwazzjoni. Barra minn hekk, il-PCOS għandha d-drawwa li tikkawża ‘periods’ tqal ħafna. Dan jiġri minħabba l-fatt li l-ħajt tal-utru li jeħxien bid-demm u n-nutrjienti b’mod eċċessiv, jistenna l-ovulazzjoni li qatt ma sseħħ.
  • Livelli għolja ta’ androġeni: Produzzjoni eċċessiva tal-ormoni tal-irġiel li jikkawżaw sintomi fiżiċi bħall ‘hirsutism’ (xahar tal-ġisem b’mod eċċessiv), l-akne, u f’ċerti każijiet anke’ telf tax-xagħar.

Mara tingħata dijanjosi formalment tal-PCOS jekk għandha 2 minn dawn it-3 fatturi.

X’jikkawża l-PCOS?

Resistenza tal-Insulina

Hemm karatteristika mportanti tal-PCOS li ħafna drabi ma tingħatax attenzjoni u ħafna nisa m’humiex konxji tagħha: il-fatt li l-maġġoranza tan-nisa li għandhom il-PCOS huma reżistenti għall-insulina. Reżistenza għall-insulina m’hijiex biss sintomu, imma hija xi ħaġa li tikkawża l-kundizzjoni.

L-għan tal-insulina huwa li tassorbi l-glukosju mid-demm għall-muskoli u l-fwied, u b’hekk isservi biex iżżomm il-livelli tal-glukosju (zokkor) baxxi, u li tuża l-glukosju bħala enerġija meta jkun hemm bżonn. Barra minn hekk , l-insulina tassisti l-proċess tal-‘lipolysis’, il-proċess li jkisser ix-xaħam.

Meta ġisimna jirreżisti l-azzjoni tal-insulina, aħna nibdew nipproduċu l-insulina biex nippruvaw inżommu l-livell taz-zokkor baxx; dan jikkawża produzzjoni tat-‘testosterone’ u ormoni oħra tal-irġiel. Barra minn hekk,  użu ineffiċjenti tal-insulina eventwalment jikkawża livell għoli tal-glukosju, li jwassal għad-dijabete. Madankollu, ‘lipolysis’ ineffiċjenti jfisser li x-xaħam żejjed ma jinkisirx. Din hija inkwetanti għax ix-xaħam żejjed mhux biss jagħmlilna piż żejjed u jista’ jsir xaħam vixxerali li huwa xaħam aktar perikoluż għall saħħitna, iżda fl-istess ħin li jkollok piż żejjed jipproduċi aktar u aktar insulina…

Fil-qosor, dan huwa ċiklu vizzjuż li ħafna nisa jbagħtu biex joħorġu minnu.

Żbilanċ fl-Ormoni

Ħafna nisa li jsofru mill-PCOS ikollhom żbilanċ f’wieħed jew aktar minn dawn l-ormoni msemmija hawn taħt:

  • Livelli għolja ta’ ‘testosterone’: din hija ormona tal-irġiel li tikkawża numru ta’ kwistjonijiet diġà msemmija, għalkemm hija normali li n-nisa jipproduċu ammonti żgħar tagħha
  • Livelli għolja ta’ ‘luteinising’ (LH): din hija l-ormona li tistimula l-ovulazzjoni, madankollu, livelli għolja jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-ovarji
  • Tnaqqis fil-livell tal-FSH: din ormona tistimula t-tkabbir u r-rilaxxar tal-bajd mill ovarji

Jidher li l-problemi tal-ormoni jistgħu joriġinaw fl-ovarji, jew fil-glandoli li jipproduċu dawn l-ormoni, jew fil-parti tal-moħħ li tikkontrolla l-produzzjoni tal-ormoni. Madankollu, in-natura eżatta tal-bidla ta’ dawn l-ormoni xorta m’hijiex magħrufa.

Hemm xi evidenza li turi li dawn il-bidliet fl-ormoni jistgħu jiġu kkawżati bir-reżistenza tal-insulina.

Ġenetika

Il-PCOS għandha drawwa li tiġri fil-familja. Hija ħaġa komuni li jkun hemm ommijiet, aħwa bniet, zijiet u kuġini li jkunu jbagħtu mill-kundizzjoni. Din tissuġġerixxi konnessjoni ġenetika.

Madankollu, il-konnessjoni bejn ċerti ġeni mal-kundizzjoni għadha mhix magħrufa.

Trattament tal-PCOS

Hija vera mportanti għan-nisa li jbagħtu mill-PCOS li jaċċettaw il-fatt li l-PCOS ma tistax tiġi kkurrata u hija kundizzjoni li se jbagħtu minnha ħajjithom kollha. Madankollu, is-sintomi jistgħu jiġu kkontrollati u ħafna nisa xorta jkunu jistgħu jgħixu ħajja normali.

L-għażliet tat-trattamenti jvarjaw għax mhux kull mara tesperjenza l-istess sintomi.

Medikazzjoni

  • Il-Pill

L-ewwel linja ta’ trattament għall PCOS hija ġeneralment il-pillola kontraċettiva. Din il-pillola hija utli għal dawk li jesperjenzaw menstrwazzjoni irregolari, kif ukoll tista’ tnaqqas ir-riskju tal-kanċer tal-endometriju, li huwa marbut man-nuqqas ta’ menstrwazzjoni.

Madankollu, hija importanti li nżommu ġo moħħna t-tipi differenti ta’ pilloli kontraċettivi, għax dawn jisgħu ikollhom effetti sekondarji mhux pjaċevoli. Ġeneralment in-nisa jkunu jridu jippruvaw numru ta’ tipi differenti ta pilloli kontraċettivi sakemm isibu waħda li taqbel magħhom. L-effetti sekondarji ewlenin huma l-emigranji u ż-żieda fil-piż. Il-pillola kontraċettiva tista’ tikkawża wkoll bdil fil-burdata, dardir u nuqqas ta’ tqanqil sesswali.

Minn dawn l-effetti sekondarji, l-aktar waħda perikoluża hija l-emigranji. Jekk mara tibda tesperjenza emigranji debilitanti frekwentament, hija importanti li twaqqaf il-pillola immedjatament u tkellem lit-tabib li taha l-pillola mill-ewwel biex isibu xi ħaġa alternattiva.

Hemm fattur importanti ħafna li n-nisa jridu jikkunsidraw qabel ma jibdew jieħdu l-pillola, u din hija jekk ikunx hemm passat familjari ta’ ‘strokes’. Mill-1960 ħarġet evidenza li l-pillola kontraċettiva żżid ir-riskju ta’ emboli tad-demm. Ir-riskju jżid wara l-eta ta’ 32. B’hekk, nisa li għandhom passat familjari ta’ ‘stroke’ (eżempju f’ġenituri w’ aħwa), u dawk li għandhom aktar minn 35 sena għandhom jiddiskutu l-għażliet tagħhom b’attenzjoni kbira mat-tabib jew ġinekoloġista tagħhom biex jagħżlu l-aktar għażla sikura.

Fattur kruċjali ieħor huwa t-tipjip. Idealment in-nisa li jkunu qed jikkunsidraw jieħdu l-pillola kontraċettiva jridu jieqfu jpejjpu kompletament. Dan minħabba l-fatt li jekk tpejjep waqt li tieħu l-pillola kontraċettiva, ir-riskju ta’ ‘stroke’ jiżdied. Nisa li għandhom passat familjari ta’ strokes u li jpejjpu waqt li jieħdu l-pillola kontraċettiva qegħdin f’riskju għoli ħafna li jiżviluppaw emboli tad-demm u puplesiji sussegwenti. B’hekk huwa mportanti ħafna li nisa li jpejjpu u għandhom il-PCOS ikunu konxji tar-riskju.

  • Metodi oħra kontraċettivi:

Għażliet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-ormoni bħal apparat ġol-utru (e.g. ‘Mirena’) jistgħu jiġu kkunsidrati. Dawn inaqqsu r-riskju li jiżviluppa l-kanċer tal-endometriju billi jżommu l-ħajt tal-utru rqieq. Madankollu, huwa mportanti biex tinnonta jekk il-menstrwazzjoni jiqafx kompletament meta jintużaw dawn il-mezzi.  Barra minn hekk, l-effetti sekondarji msemmija għall-pilloli bħall emigranji, u żieda fil-piż huma komuni hawn ukoll.

  • Infertilita’

Mhux dejjem tkun esperjenza kerha meta mara tkun tqila u jkollha l-PCOS. Filfatt, il-maġġoranza tan-nisa li għandhom il-PCOS ma jaffaċċjawx problemi ta’ fertilita’. Għalkemm mara bil-PCOS jista’ jkollha ċiklu tal-fertilita’ twil, xorta jkun xi ftit jew wisq stabbli. Li żżomm rekord tal-menstrwazzjoni hija ta’ għajnuna kbira, għax din tgħin lilek u lill-ġinekoloġista tiegħek tagħrfu l-‘pattern’ taċ-ċiklu. Apps fuq il-mobajl imsemmija ‘period diaries’ huma utli ħafna, għaliex jekk l-informazzjoni tkun imniżżla tajba, dawn l-applikazzjonijiet  ibassru l-ovulazzjoni u l-menstrwazzjoni.

Meta nisa bil-PCOS jesperjenzaw diffikultajiet biex jinqabdu tqal, ‘metformin’ hija ġerneralment l-ewwel għażla mill-ġinekoloġisti. Il-‘Metformin’ hija droga li tingħata f’każ ta ‘Type 2 Diabetes’. Iżda din għandha numri ta’ effetti sekondarji pożittivi għan-nisa li ngħataw id-dijanjosi tal-PCOS, għax tgħin biex jitbaxxa z-zokkor fid-demm u l-livelli tal-kolesterol. B’hekk din tippromwovi menstrwazzjoni aktar regolari u anke tnaqqas ir-riskju ta’ korriment.

Il-‘Clomifene’ tista’ tiġi preskritta wkoll. Din hija mediċina li tinduċi l-ovulazzjoni u ġeneralment tingħata għal 5 t’ijiem.

Nisa li għandhom il-PCOS u ma jirrispondux għall-medikazzjoni jistgħu jidħlu għal operazzjoni żgħira li tista’ ssolvi l-problemi tal-fertilita’. Il-proċedura hija msemmija Laparascopic Ovarian Drilling (LOD), fejn jiġu wżati s-sħana jew il-‘laser’ biex jitkissru ċ-ċelloli li qed jipproduċu ormoni tal-irġiel eċċessivi.  Din il-proċedura ġeneralment tgħin biex terġa tagħti l-funzjoni normali tal-ovarji u jitranġa l-iżbilanċ fl-ormoni.

  • Hirsutism u l-Akne

‘Metformin’ ġeneralment tgħin biex tniżżel il-livelli tal-ormoni tal-irġiel fin-nisa li ngħataw dijanjosi tal-PCOS. Għal problemi tal-‘hirsutism’ u l-akne, il-‘metformin’ hija xi kultant preskritta flimkien mal-pillola kontraċettiva (għalkemm ħafna drabi huma preskritti separatament). Madankollu, jekk il-problema tippersisti, speċjalment f’każ tal-akne severa, pilloli oħra jistgħu jiġu preskritti wkoll.

Minbarra mediċina, l-aktar trattament effettiv għax-xagħar tal-ġisem eċċessiv, inkluż xagħar fil-wiċċ, huma l-‘waxing’ u l-laser. ‘Shaving’ m’huwiex indikat peress li spiss tiggrava il-problema tal-‘hirsutism’ b’mod sinifikanti.

  • Tibdil fil-Ħajja ta’ Kuljum

Dan huwa probabbli l-aktar fattur importanti li kull mara bil-PCOS għandha tikkunsidra. Tibdil fil-ħajja ta’ kuljum ġeneralment iwassal għal titjib tas-sintomi b’mod sinifikanti.

L-aktar fatturi mportanti tal-ħajja ta’ kuljum huma d-dieta li nsegwu, u li nżommu piż san. F’nisa li għandhom piż żejjed u għandhom il-kundizzjoni, 5% biss ta’ nuqqas ta’ piż jista’ jwassal għal titjib sostanzjali tas-sintomi. Nisa bil-PCOS idealment għandhom jaraw li jżommu kemm jista’ jkun fil-parti normali tal-indiċi tal-BMI, li huwa bejn 18.5 għall 24.9.

Il-problema ta’ piż eċċessiv hija mportanti, peress li nisa bil-PCOS għandhom aktar tendenza minn dawk li m’għandhomx, li jiżviluppaw xaħam vixxerali: xaħam li jinsab fil-kavità addominali; jekk ma jiġix iċċekkjat, dan ix-xaħam jibda jgħatti l-organi nterni bħall fwied, frixa u l-intestini. Xaħam vixxerali huwa tip ta’ xaħam ‘attiv’ li jirrilaxxa ormoni perikolużi li jżidu ċ-ċans tad-dijabete, il-kanċer tas-sider, il-kanċer tal-kolon u ‘Alzheimer’. Nisa li għandhom ‘waistline’ akbar minn 35 ‘inches’ jistgħu jassumu sinjal ta’ xaħam vixxerali. Xaħam vixxerali m’huwiex afftewat bl-eżerċizzju waħdu; huwa mnaqqas biss b’dieta ‘low-calorie’, għalkemm preferebbalment li meta tagħmel dieta huwa dejjem aħjar li tagħmel l-eżerċizzju.

Dieta li hija approvata li hi effettiva għall-PCOS hija d-dieta ‘Low Glycemic Index (GI). Din id-dieta hija ġeneralment preskritta għal nies dijabetiċi; bis-sitwazzjoni tar-reżistenza tal-insulina, għandha benefiċċji tas-saħħa ovvji għall-PCOS. Dieta ‘low Gi’ tikkonsisti li tiekol ikel li jgħolli z-zokkor fid-demm bil-mod, u li tevita ikel għoli fl-ammont ta’ karboidrati. Il-konsum ta’ karboidrati jikkawża li l-livell tal-glukożju tal-ġisem jogħla b’mod sostanzjali; it-teħid eċċessiv ta’ karboidrati kuljum iwassal għaċ-ċiklu tar-reżistenza tal-insulina msemmija aktar kmieni.

B’hekk, li ssegwi dieta ‘low-carb /low calorie’, u tagħmel eżerċizzju regolari, huwa ta’ benefiċċju għal nisa bil-PCOS. Għal aktar informazzjoni fuq x’għandek tiekol jekk għandek il-PCOS, agħfas hawnekk għal parir speċifiku mid-‘dietitian’ Ariana Zarb.

Konklużjoni

Minħabba l-firxa varjata ta’ kwistjonijiet li aħna n-nisa li nbagħtu bil-PCOS insofru minnhom, huwa faċli li wieħed jara għaliex huwa attwalment sindromu esklussivament femminili.

Hija vera mportanti li nisa bil-PCOS kollhom għarfien fuq il-kundizzjoni u kif tista’ taffetwa l-varjeta ta’ sferi ta’ saħħithom u ħajjithom. Ladarba jkollna dak l-għarfien, għandna s-setgħa li nikkontrollaw is-sindromu.

Hija importanti li nfittxu assistenza medika, kif ukoll nieħdu t-trattament meħtieġ. Imma aħna għandna nkunu proattivi u nieħdu passi biex nimmodifikaw l-istil tal-ħajja tagħna, sabiex ngħixu ħajja itwal u aktar b’saħħitha, u nilħqu l-potenzjal ta’ ħajjitna.

Dwar l-Awtriċi

L-awtriċi tal-artiklu hija ‘Occupational Therapist’ li taħdem mal-anzjani fil-komunita’. Fl-aħħar snin hija żviluppat interess fis-saħħa tan-nisa u inugwaljanzi fil-kura tas-saħħa.


Share the love