X’nista’ ngħid dwar is-sensazzjoni tal-midja soċjali Tamara Webb, li hija magħrufa wkoll bħala ‘The Balance Queen’ – ir-reġina tal-bilanċ? Xejn inqas minn “mara tal-għaġeb!”
Iltqajna fuq Zoom minħabba l-pandemija, iżda minkejja l-fatt li tkellimna onlajn, xorta impressjonajt ruħi bil-karattru karismatiku tagħha. Missni kont naf li din il-mara kellha aktar x’turi minn dak li jolqot l-għajn. Għalkemm qatt ma ltqajna qabel, millewwel ħassna komdi nitkellmu ma xulxin. Kont għadni ma rrealizzajtx kemm taħdem għal qalbha, kemm hija ħaġa naturali għaliha li taħdem fin-negozju, u kemm hi attiva fit-twaqqif u t-tmexxija tal-intrapriżi popolari bħal The Balance Queen, Jar, Carb u ħafna proġetti kreattivi oħra li diġa’ huma ‘ppjanati.
Jidher ċar li dak kollu li tagħmel jiġiha naturali għax hi dik it-tip ta’ persuna. Iżda jien għandi kurżita’ dwar kif bdiet u x’ispiraha ssir il-persuna ikonika li hi.
Hi fehmitni li dejjem kellha ċertu attenzjoni għad-dettal u li ggradwat b’ ‘Honours’ mill-‘Institute of Art and Design’. Qaltli dwar kemm kien t’ispirazzjoni l-kors tal-MCAST u li dak li tgħallmet hemmhekk qed jirnexxilha tapplikah fil-ħajja: “minbarra li tgħallimna kif niddisinjaw prodotti differenti, kellna nitgħallmu wkoll kif inbigħu dawn il-prodotti lill-konsumatur; ħafna minn dak li nagħmel illum il-ġurnata filfatt huwa dak li gradwajt fih”. It-tnejn li aħna qbilna fuq l-importanza li wieħed ikompli l-istudji tiegħu u jagħmel dak li jħossu miġbud lejh, għax hekk ix-xogħol li tagħmel għal ħajtek kollha mhux biss ikun aktar pjaċevoli iżda jagħtik aktar motivazzjoni.
Tkellimna dwar nisa oħra f’ħajjitna li inkuraġġewna u għenuna nġibu l-kunfidenza fina nfusna, u l-importanza li n-nisa jissapprotjaw lil xulxin u jinkuraġġixxu lil xulxin biex jippruvaw affarijiet ġodda. Tamara qaltli li minn dejjem kienet taħdem u kellha nisa oħra bħal Marisa Grima madwarha. Marisa Grima inkuraġġietha tkompli fil-fotografija meta kienet għadha tibda, u din il-ħaġa tagħtha l-kunfidenza tkompli taħdem fis-settur, li dak iż-żmien kien iddominat mill-irġiel. Tkellimna wkoll fuq li qatt m’għandna nieqfu nagħtu l-kuraġġ u nikkumplimentaw lil xulxin. Irrealizzajna wkoll li għandna ħafna ħbieb femminili komuni li nħobbu u li nammiraw.
Tamara qaltli bil-problema tal-infertilita’ li ltaqgħet magħha u kemm hija ħaġa importanti għalina n-nisa li nsibu ġinekoloġista tajba li nistgħu nafdaw. Ovjament biex mara ssib il-ġinekoloġista ideali għaliha, hemm ċans li jkollha tbiddel minn waħda għall-oħra, iżda Tamara qaltli li din il-ħaġa m’għandhiex iġġiegħlna nħossuna ħażin. Hija qaltli fuq id-darba li kienet għamlet żball li ma semgħatx minn ġisimha u moħħha u kif fl-aħħar irnexxielha ssib #bilanċ – il-mantra tagħha llum il-ġurnata! Iva naqbel kompletament; li mmorru fl-estrem huwa dejjem perikoluż, u faċli tispiċċa f’sitwazzjoni estrema mingħajr ma tirrealizza. Dan jista’ jiġri lil kulħadd hekk kif nibdew niffissaw fuq xi ħaġa jew xi ħadd. Jien ukoll nemmen li jrid ikollna bilanċ u ftit minn kollox fil-ħajja sabiex inżommu l-ġisimna u l-moħħna b’saħħtu.
Stajna nagħmlu sigħat nitkellmu – imma t-tnejn li aħna nisa bieżla! Iżda qabel ma qtajna t-telefonata virtwali xtaqt inkun naf dwar il-prodotti li għandha ppreparati Tamara Webb għal dawk kollha li jsegwuha – urietni ktieb li fih iżżomm l-affarijiet tat-trabi organizzati bl-isem ‘Baby & Pregnancy Planner‘, kif ukoll id-djarju – ‘The Balance Queen Journal‘!
Kemm nixtieq li kelli dak id-djarju biex inżomm l-affarijiet tat-trabi organizzati meta kont qed inrabbi lit-tifel tiegħi! Jogħġobni wisq l-istil tagħha. Tajtha ħjiel li possibbilment toħloq xi ħaġa ddisinjata b’mod speċjali “Tamara Webb for Women for Women” biex jinbiegħ bi skop ta’ ġbir ta’ fondi ……… “hmm naħseb f’xi ħaġa tajba“, qaltli Tamara. Għandi kurżita’ kbira biex nara biex se toħroġ! Sadanittant, inti tista’ żżur il-websajt tagħha u ssegwiha fuq Instagram.
Għandek xi negozju sensazzjonali li tixtieq taqsam magħna ta’ wham? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.