Minn eta’ żgħira ħafna ridt li jkolli tarbija.
Fl-1998 bdiet l-isfida tiegħi sabiex nipprova ninqabad tqila….
Sa’ l-2004 kont eżawrita! Kont ipprovajt kollox. Semmi li trid, u kont għamilt.
Bdejt bil-pilloli tal-fertilita’ imbagħad qlibt għat-titqib sabiex inkun aktar fertili, u wara pruvajt tipi oħra ta’ trattamenti t’ormoni, raxkamenti, tindif tat-tubi fallopjani, aktar raxkamenti, inseminazzjoni artifiċjali, imbagħad għal aktar affarijiet ikkumplikati bħall-IVF. L-ewwel esperjenza tiegħi tal- IVF seħħet ġewwa New York.
Din ma kinitx suċċess u jien spiċċajt imkissra. Ma stajtx naffaċċja tqala oħra li ma rnexxietx, test ieħor tat-tqala fin-negattiv, dipressjoni oħra u, aktar tħabbil tal-moħħ fuq kif kont ser inġib aktar flus biex nagħmel IVF oħra.
Iżda wara ħames darbiet oħra ta’ IVF, fl-2004 ħriġt tqila minn waħda mit- tlett embrijuni tiegħi li kienu ġew trasferriti ġewwa fija u IVA dik kellha tkun il-Bajda tad-Deheb tiegħi.
Imbagħad wasal Awwissu, u jien kont għadni qed intella’ kuljum, imma bla dubju ma kellix għalfejn ingerger u xorta waħda kont ferħana avolja kont inħossni ma niflaħx u dejjem b’wiċċi mat-tojlit! Tlaqt għand il-gynae, kienet waħda mill-visti tiegħi ta’ kull xahar, fejn kont minduda fuq il-kawċ, waqt li jien u t-tabib bdejna niċċajtaw u nidħku fuq kollox. Il-ħajja kienet sabiħa, jew hekk ħsibt għall-inqas!
F’daqqa waħda wiċċ it-tabib inbidel, beda jħares lejn il-moniter qisu ra xi ħares imma dak il-ħares kien ifisser li kien hemm xi ħaġa ħażina fit-tarbija ta’ ġo fija.
Ħarist lejħ, imwerwra, imma għamilt il-kuraġġ biex nistaqsih x’kien hemm ħazin. Beda jlaqlaq u qalli li jkun aħjar jekk immur l-isptar l-għada filgħodu sabiex ikunu jistgħu jaraw sew fuq makna tal-4D. Kont naf li ma riedx jinkwetani u staqsieni jekk kontx soqt hemm waħdi. Prova jaħbi t-tferfir tiegħu taħt tbissima u qalli biex ma ninkwetax għax taf tkun biss sempliċi ftuq li kellha t-tarbija. Irrakkomandali biex immur lura lejn id-dar bil-kwiet u nistrieħ.
Dak il-lejl kien l-itwal lejl ta’ hajti, dak il-lejl kien il-lejl li kien se jbiddilni għal-dejjem. L-għada filgħodu, kif telgħet ix-xemx, kont diġa’ mimduda fuq sodda l-isptar San Luqa, lesta sabiex inħares lejn ibni ghal darb’oħra. Lesta sabiex wara kollox nikkonferma jekk verament it-tifel tiegħi kellux il-ftuq jew le. Din id-darba, il-gynae mhux biss iċċassa lejn il-monitor, imma beda jitriegħed u jien intlift minn sensija!
B’għajnejh mimlijin dmugħ, quddiem il-partner tiegħi u l-assistenti tiegħu, spjegali kif Jack, it-tarbija tiegħi, kellu kundizzjoni rari ħafna. Il-kliem tekniku li uża kienu diffiċli wisq għalija, imma bażikament f’termini sempliċi, it-tarbija kellha l-ftuq fid-dijaframma.
Semmieli operazzjoni li setgħet issir, imma li sfortunatament ħadd hawn Malta ma kien jagħmilha u dak kien ifisser li kelli mmur malajr l-Ingilterra. Ma nistax nispjega x’kien għaddej minn moħħi dak il-ħin, iżda li kont naf żgur kien li jien kont fuq l-ewwel ajruplan li tar minn Malta għal-Londra, dritt għal King’s College Hospital. It-tabib kien irranġali sabiex jien niltaqa’ ma’ wieħed mill-aħjar kirurgi fid-dinja li kien kapaċi jopera fuq it-trabi minn ġewwa l-ġuf. Dan ma qagħdx idurli mal-lewża, w’ immedjatament tani tlett xenarji u qalli biex nagħżel waħda. Qalli li f’dan il-ħin ma kienx hemm risposta tajba jew ħażina, u li kien kollox f’idejja biex nagħzel kif ridt immexxi rigward ibni. Kelli nagħzel bejn dawn li ġejjin:
- Ma nagħmel assolutament xejn u nistenna li titwieled it-tarbija ta’ disa’ xhur imma mmur lura malta u nippjana l-funeral.
- Nagħmel abort.
- Nipprepari ruħi sabiex iwettaq operazzjoni fuq it-tarbija fil-ġuf.
Ma stajtx nieqaf nibki, ma stajtx nemmen l-għażliet li kien għadu kif tagħni imma kont naf mill-ewwel x’ridt nagħmel, ma kien hemm l-ebda dubju.
Kont soda fid-deċiżjoni tiegħi għalhekk spjegali li hu kellu bżonn iwettaq din l-operazzjoni ma kollega tiegħu li kien qiegħed il-Belġju u li dan ma setax jiġi l-Ingilterra. Għalhekk, hemm kont jien, fuq l-ewwel ferrovija lejn il-Belġju sabiex nipprova nsalva lil din it-tarbija tiegħi. Mhux ser noqgħod indejjaqkom bid-dettalji tas-sofferenzi u l-uġigħ tal-qalb li għaddejt minnu dak iż-żmien, iżda nista’ ngħidilkom li xejn ma kien ser iwaqqafni milli nipprova nsalva l-ħajja tal-persuna ckejkna li kont ridt għal żmien twil.
X’kienet din l-operazzjoni? X’kien ser jiġri? Kienet ser issalva t-tarbija wara dan kollu? Fl-ebda ħin ma tajt kas lili nnifsi, kont persważa biex insalva l-ħajja tat-tarbija tiegħi. Dak il-lejl l-infermiera tawni kalmanta sabiex norqod sew qabel l-għodwa l-iktar importanti ta’ ħajti. Għalhekk, l-għada filgħodu kont ninsab mimduda fuq il-mejda tal-operazzjoni, imdawra bi professuri, tobba w’ studenti minn madwar il-globu li kienu ġew josservaw operazzjoni delikata ta’ kas rari ta’ kundizzjoni jisimha Hydrops, li kien se jwettaqha kirurgu intelliġenti u bravissimu li kien jismu Kypros Nikolaidis.
L-anastetista raqqdet lit-tarbija f’ġufi u jien bqajt imqajma imma sedata. Raqqduli żaqqi u b’reqqa kbira daħlu mill-borża tat-tarbija, għal ġo ħalqu u poġġewlu bużżieqa bil-galbu kollu. Finalment, nefħuha bil-mod f’gerżumtu.
Ħalli nispjegalkom daqxejn x’kellu t-tifel tiegħi eżattament. Kellu sempliċi ftuq, IŻDA, peress li dan il-ftuq kien fid-dijaframma, il-fwied kompla jikber u jikber, għaliex ma kien hemm l-ebda ħajt biex iwaqqfu milli jikber. Għalhekk il-fwied ħa post kollox, invada kullimkien, imbotta qalb Jack lejn il-ġenb, u ma ħalliex post għall-pulmun biex jikber għax ma kellux fejn. Wara din il- burraxka, bagħtuni lura Malta fejn qaluli biex inkompli b’ħajti normali. Dan kien jissejjaħ Iż-Zmien Għami.
Il-pjan kien li jien nerġa’ lura Londra qabel ma’ nwelled, peress li kellhom ineħħulu l-buzzieqa qabel ma jagħmlu ċesarja u ħadd ma kien iwettaq dan ġewwa Malta. Meta wasal il-żmien, jien imxejt mal-pjan u tlaqt lejn l-Ingilterra. Għadni niftakarni nilgħab ‘pacman’ sakemm dħalt għal dik l-imbierka vista. Għajtuli sabiex għal darb’oħra nerġa mmur inħares lejn dak l-iscreen u flimkien niddeċiedu x’kien se jiġri minn hawn l’hemm. Imma, li ġara wara kienet ħolma kerha ħafna.
Hekk kif il-professur ħares lejn il-monitor, baqa’ mbellah, u tagħni ħarsa tad-dwejjaq, ħarsa li għadha ttimbrata f’moħħi sal-lum. Dar lejja u qalli li t-tarbija tiegħi kienet beżqet il-bużżieqa u l-pulmun kien reġa’ nxtorob.
Sfortunatament konna erġajna qisna bdejna mill-bidu. Ma stajtx nemmen x’kien qed jiġri madwari, kif ħajti nqelbet ta’ taħt fuq f’ħakka t’għajn, kif it-tifel tiegħi seta’ jmut hekk kif jitwieled. Il-professur Nikolaidis kien ġenju pero’ ma kienx jaf xi tfisser il-kelma simpatija. Hu rega’ tani l-istess għazliet li kien tani l-ewwel darba. Għal darb’oħra kont determinata li ma kontx ser nieqaf hawn u li ridt niġġieled din il-battalja sal-aħħar.
Ħaqq ismi, ma kontx ser inħalli l-ibni jieħu l-aħħar nifs quddiem għajnejja. Kont saħansitra lesta li mmut jien sabiex hu jibqa’ ħaj, imma li nitilfu żgur li LE!
Għat-tieni darba erġajt għażilt li titwettaq l-istess operazzjoni sabiex nerġa nagħti ċans lill-pulmun jikber sakemm ibni jkun għadu ġo fija, u wara jmur dritt f’inkubatur sakemm ikun tajjeb biżżejjed biex imbagħad tkun tista’ ssirlu operazzjoni fejn iħitulu l-ftuq li kellu.
Din id-darba, l-operazzjoni saret Londra. Imma, waqt li kont għadni l-isptar nirkupra, infaqagħli l-ilma. It-tim mediku għamel minn kollox sabiex iwaqqaf il-ħlas peress li kien għadu kmieni wisq biex titwieled it-tarbija għax il-pulmun ma kienx għadu kiber biżżejjed sabiex iżomm it-tarbija ħajja. Kien għadu kmieni wisq biex jitwieled ibni. Il-problema kienet li Jack kien għal qalbu wisq jgħix ġo fija. Hu ma kellux bżonn il-pulmun tiegħu dment li kien għadu fija, u għalhekk kien jiddependi fuqi biss. Jien biss kont qed inżommu ħaj. Li jkun il-bogħod minni kien ifisser li kellu bżonn il-pulmun u kellu jiġġieled għal ħajtu waħdu.
Għamilt minn kollox biex nipprova nżommu ġo fija kemm jista’ jkun, imma meta n-natura tagħmel ta’ rasha jkollok tbaxxi tiegħek u tagħmel li ma tridx. Meta l-mediċina ma bdietx taħdem, Jack kellu jitwieled bilfors u f’dan il-punt hu kellu 50 fil-mija ċans li jibqa’ ħaj.
Bkejt għal ommi, xtaqt li kienet hemm biex iżommli idi, imma hi wkoll kellha t-tbatija tagħha. Kienet Malta tissielet għal ħajjitha mal-marda qerrieda tal-Parkinsons. Kien għad għandha 58 sena. Hi mardet ta’ 44 sena.
Fis-sagħtejn ta’ wara nofs in-nhar tat-23 ta’ Settembru 2004, twieled Jack Kelly, jiżen 2.3 kilos u kien qisu anġlu bla ġwienaħ. Kien assolutament perfett minn kull angolu. Irnexxieli ntih daqqa t’għajn hekk kif kienu qed iħituni, qabel mat-tobba għaddew jiġru bih f’inkubatur b’bozza ħamra tixgħel u titfi u alarm jifqagħlek widnejk. Ġrew bih sparati lejn l-ITU tat-trabi f’leħħa ta’ berqa. Lanqas biss seta’ jibki, il-pulmun kien żgħir wisq. Imma jien stajt nibki, u emmnuni, bkejt sakemm ma kellix aktar dmugħ x’nibki. Tawni l-morfina u poġġewni ġo kamra taħt osservazzjoni.
Fis-sagħtejn ta’ filgħodu, tnax -il siegħa wara t-twelid, ġew iqajmuni żewġ infermiera. Ġew jistaqsuni jekk ridtx nara lil Jack tiegħi. L-uġigħ kien insapportabbli imma ta’ l-anqas irnexxieli npoġġi fuq siġġu tar-roti bl-għajnuna tagħhom u dlonk mort nara’ lill-ibni l-għażiż tiegħi. Hemm kien, mixħut f’inkubatur, kellu aktar pajpijiet milli kelli jien fid-dar tiegħi, kollha mwaħħla b’stickers tal-cartoons biex jagħtu dehra inqas makabra. Għajnejh magħluqa, bit-tejp fuqhom, liebes skufja ċelesti, mimdud ġo nkubatur waħdu jissielet għal ħajtu.
Ridt intih il-pulmun tiegħi, imma t-tobba qaluli li ma kienx possibbli, għax tiegħi kien kbir wisq għalih, kont lesta li mmut għalih, ma kienx jimpurtani għalija nnifsi.
Fl-għaxra ta’ filgħodu għammidtu u tajtu ismu offiċjalment, Jack. Għall-magħmudija tiegħu ilbist il-ġagaga li kont għadni liebsa miċ-ċesarja u xalla ċelesti li kienu poġġewli l-infermiera biex inżomm ruħi sħuna. Ir-ritratt tal-magħmudija għadu għandi. Ritratt li se nibqa’ ngħożż sakemm immut.
Fis-sagħten ta’ wara nofs in-nhar, Jack ħa l-aħħar nifs tiegħu u tneħħewlu l-pajpijiet kollha li nvadewlu ġismu żghir u fraġli. Tawh banju, libbsuh u ġew ipoġġuhuli f’idejja, bla ħajja, sabiex inħaddnu miegħi.
Ħarist lejh għal siegħat twal, u bkejt sakemm imlejtu bid-dmugħ kollu tiegħi. Kienet l-aktar ġurnata krudili, tad-dwejjaq f’ħajti kollha. Ħadd u xejn qatt ma kien se jasal qrib ta’ dak li ħassejt f’dik il-ġurnata misħuta, lanqas jekk ikolli mmut u nerġa ngħix ħajti għat-tieni darba. Li jmut ibnek qablek, li tħares lejh mejjet, li tmisslu wiċċu; kien wisq perfett imma kien anġlu tas-sema’ u fuq qalbi kelli nsellimlu u ngħid Bye lill-persuna li kont għext ħajti għaliha. Kont tant qrib imma fl-istess ħin kont daqstant il-bogħod milli nkun omm. Minn hemm il-quddiem xejn ma kien importanti aktar għalija.
Il-ġranet ta’ wara kienu ċpar totali. Barra mill-ugiegħ eċċezzjonali ta’ wara ċ-ċesarja, kelli wkoll naffaċċja sider daqs dinja, mimli ħalib, sider mixtieq għal-tarbija biex tixrob minnu. Ħassejt uġigħ kbir, mhux biss fiżiku imma aktar minn hekk uġigħ emozzjonali. Il-ħalib beda ħiereġ minn sidri, ħassejtu ser jisplodi, sakemm ġiet qabla ta’ ħafna esperjenza f’dan il-qasam tant delikat u qalet lill-partner tiegħi sabiex imur jixtri kaboċċa. Ħeġġitna biex indaħħlu dawn il-weraq fil-friża u wara ndaħħalhom fil-bra sabiex jassorbu t-tossiċi minn sidri u wkoll sabiex itaffu ftit mill-uġiegħ.
It-tobba, il-qwiebel u l-infermiera kienu ddedikati wisq u offrewli minn qalbhom spallejhom biex nibki fuqhom u f’dak il-mumenti tant ta’ dwejjaq emmnuni, kelli bżonn l-ispallel kollha li seta’ jkolli. Għalija, kienet verament l-aħħar tad-dinja. Madanakollu, kelli nibda l-proċess ta’ niket kbir li kien qed jaħkimni f’dan iż-żmien tassew diffiċli. Dan kien ifisser ħafna paċenzja, u gelgul ta’ dmugħ li kien għad irid igerbeb minn għajnejja f’dawn il-jiem li ġejjin. Offrewli li jtellawli lil-Jack kuljum sakemm inkun lesta li ma naraħx aktar.
Kelli xorti li stajt inħaddan lil ibni kull filgħodu, wara nofs in-nhar u fil-għaxija jekk xtaqt. Żammewh friżat x’imkien imma kull meta bkejt għalih u ridtu, kienu pronti jġibuhuli u jien stajt inbusu u ngħannqu miegħi kemm irrid u ghal kemm jogħġobni.
Ħadna r-ritratti miegħu, u kont ngħoddlu subgħajh t’idejh u saqajh kuljum. Kont nimlih bil-bews u nilgħablu ma’ saqajh u mnieħru ċkejknin u mmellislu xagħru waqt li kien rieqed għal dejjem ta’ dejjem. Għalkemm jien fhimt li din kienet realta’ tal-biża’ u ta’ sofferenza kbira, kont naf ukoll li bil-mod il-mod jiena kelli niġbor il-fdalijiet ta’ qalbi, jekk kien fadal xi ħaga, nqum minn mal-art u nibda miexja lejn triq twila kerha u tal-waħx quddiemi.
Għazilt l-isbaħ tebut għal Jack. Għoġobni wieħed b’tieqa żgħira fejn stajt tara wiċċu u b’hekk ma kienx kollu magħluq ġo kaxxa. Eventwalment, kien miegħi fuq it-titjira lejn Malta iżda hu ħareġ minn naħa tal- merkanzija fl-ajruport l-antik fejn missieri b’qalbu maqsuma kien qed jistennieh flimkien mal-karozza tal-mejtin, kif ukoll mal-kuġina tiegħi, air hostess, li bla ebda dubju, biddlet it-titjira tagħha sabiex takkumpanjana fuq it-titjira li d-destinazzjoni tagħha kienet ser twassalna kollha f’art twelidna.
Jack baqa’ sejjer l-isptar Capua f’tas-Sliema, fejn il-qraba u l-ħbieb setgħu liberament imorru jżuruh u jitfgħulu l bews kemm iridu. Dawn in-nies kollha kienu ħerqana biex jiltagħu ma’ dan iċ-ċkejken iżda sfortunatament kellhom jarawh f’ċirkostanzi li qatt ħadd ma basar. Jien ukoll mort inżuru nerġa’, meta finalment għamilt il-kuraġġ. Onestament, kont qed ngħix f’ħolma kerha u kultant kont noqros lili nnifsi biex nara’ jekk ma kontx qiegħda noħlom ħolma tal-waħx. Mentalment kont fi stat ta’ diżastru totali.
Il-funeral sar fil-kappella tal-Addolorata, it-tebut lanqas biss deher fil-karozza tal-mejtin, tant kemm kien żgħir. Il-quddiesa kienet tal-anġli, il-kant kien anġeliku, leħen Claudette Pace kien impekkabbli, imma f’ħin minnhom kellha tieqaf u bdiet tibki flimkien mal-bqija tal-ġemgħa miġbura fil-knisja, waqt li kienet qed tkanta ‘ Somewhere Over The Rainbow’.
Jien ħadt il-kalmanti għal waqt iċ-ċerimonja u kull m’għamilt tul il-quddiesa kien li żammejt għajnejja fuq dak it-tebut ċkejken, il-ħin kollu nimmaġina lit-tarbija ċkejkna tiegħi bla ħajja fit-tebut abjad, xena li kienet taqsamlek qalbek f’mitt biċċa.
Dak il-ħin kieku qtajtli rasi barra lanqas kienet toħroġli qatra demm u li kieku xi ħadd niffidli sikkina f’qalbi ghal darba darbtejn, tlieta, lanqas kont inħoss nofs l-uġigħ li ħassejt f’dak il-ħin. Żewġ persuni, qrib ħafna ta’ qalbi, ġarrew it-tebut lejn il-qabar tal-familja Kelly u mbagħad Jack telaq, telaq għal dejjem. Dak in-nhar, fis-6 ta’ Ottubru, jien ħallejt qalbi f’dak iċ-ċimiterju u biex ngħidilkom kollox, qalbi għadha hemm sal-ġurnata mqaddsa tal-lum.
Minn dak il-ħin, telgħet sħaba kerha w’ sewda fuqi, ħassejtni mnikkta, rrabjata, anzjuża, bla ħajja u ħassejtni li ma kellix għalxiex ngħix aktar. Żammejt ritratt ta’ Jack taħt l-imħadda tiegħi u matul il-lejl kollu kont nagħfsu miegħi taparsi kont qed inħaddan lilu miegħi minflok. Ma stajtx nittollera l-fatt li ibni kien ġo toqba sewda fid-dlam, waħdu, speċjalment meta kienet tagħmel ix-xita u jibda’ jberraq. Kont ninfexx nibki u nwerżaq b’uġiegħ kbir f’qalbi. Din il-verita’ kienet tmur kontra n-natura. F’dan iż-żmien jien kont suppost qiegħda norganiżża il-magħmudija t’ ibni mhux nibki wara t-telfa’ tiegħu waqt li qed nagħżillu l-bukketti tal-fjuri għal fuq it-tebut. Għamilt ġranet twal bil-qegħda fuq il-qabar, nibki u meta nieqaf għal sekonda nipprova naqralu xi linja min xi ktieb tat-tfal. Jew sempliċiment niskanta lejn l-ispazju…..
Illum, 16-il sena wara, jirnexxieli naħseb fuqu u nitbissem, inħares lejn is-sema’ u nimmaġinah bi ġwienah kulur il-fidda, par għajnejn blu u kbar, hemm fuq jipproteġini, flimkien m’ommi li hi wkoll marret tiltaqa’ miegħu sitt xhur fuq mewtu.
Illum, 16-il sena wara, naċċetta li Jack ġie għandi għal raġnujiet oħra. U r-raġuni ma kinitx biex joqgħod hawn f’ din id-dinja. Nemmen li Jack qatt ma kellu bżonni, jien tajtu l-ħajja ta’ dejjem. Il-mewt tiegħu għallmitni ħafna. Il-mewt tiegħu ħaditni l-Afrika, fejn jiena addottajt tifel ta’ 4 snin li kien jgħix fit-toroq waħdu, tifel ċkejken li verament kellu bżonn l-għajnuna tiegħi, tifel li bla ebda dubju kellu bżonn omm. Jien sirt persuna aħjar, tgħallimt x’kien importanti fil-ħajja u x’mhuwiex.
Tmien snin wara dan kollu, meta kelli 40, wellidt tifel ieħor, tifel li jien semmejt Ollie. Flimkien mal-partner tiegħi, Ollie u Jordan, għandna familja sabiħa u magħquda. Illum, Ollie għandu 7 snin, u Jordan 18 u Jack hemm qiegħed, hemm fuq iħares lejna, idejh dejjem fuqna, iħares lejna u jitbissem!
Din hi l-istorja tiegħi….
Jekk inti wkoll għandek storja li tixtieq taqsam magħna jew jekk tixtieq tagħmel kuntatt ma’ Alison, ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Alison Kelly hija mara t’ ispirazzjoni: omm kburija ta’ Jack, Jordan u Ollie. Riċentament hija rnexxielha tirbaħ il-battalja tagħha mal-kanċer tas-sider.