It-tqala. Dik l-esperjenza naturali ta’ kull mara b’ utru. Żmien fejn il-mara tiffjorixxi. Il-qofol ta’ l-eżistenza tagħha. Jew almenu, dak hu l-messaġġ problematiku li qed jitgħadda lit-tfajliet żgħar tagħna dwar ġisimhom, l-identita’ tagħhom, u il-post tagħhom fis-soċjeta’. Kien għalhekk li bħala tfajla kont ħerqana biex inkun dak li mid-dehra kelli nkun biex ikolli ħajja kompluta bħala mara.
Ridt it-tfal, u ridthom b’ qalbi kollha.
Kont esposta kontinwament għal sinjali li juru li dik kienet il-ħaġa li bħala mara kont iddestinata li ngħaddi minnha. Li ġismi bħala mara żagħżugħa b’ saħħitha kien magħmul għalih. Rajt ritratti ta’ nisa tqal radjanti, b’ xagħar twil sabiħ mitluq b’ mod anġeliku taħt spallejhom, libsin ilbiesi sbieħ bojod u b’ kuluri ċari, jitbissmu lejn żaqqhom waqt li jmellsu żaqqhom, it-tarbija f’ ġufhom. Stampa ċara ħafna, stampa serena tal-maternita’ femminili. Xejn minn dan ma ppreparani għal disa’ xhur sħaħ ta’ ħajja b’ rasi mwaħħla ma’ varjeta’ ta’ tojlits diżgustanti.
Sirt naf x’ inhija l-Iperemesi Gravidarum (HG) qabel ma’ kont smajt biha, u ċertament qabel ma’ sirt naf kif niktibha. L-Iperemesi Gravidarum (HG) hija forma severa ta’ ‘morning sickness’. WebMD jikklassifika l-Iperemesi Gravidarum (HG) bħala kumplikazzjoni tat-tqala li taffettwa inqas minn 3% tan-nisa tqal. Din tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet fil-kliewi u l-pressjoni tad-demm, u tista’ tikkawżalek sturdament, dgħjufija fil-ġisem u dardir kontinwu.
Għal ħafna nisa dan kollu jonqos ġeneralment fit-tieni trimestru, iżda għal xi ftit nisa sfortunatament dan jista jtawwal sa’ l-aħħar tat-tqala. Jien inzertajt waħda li esperjenzajt din l-isfortuna.
Ma stajt inżomm xejn fl-istonku. La ikel u lanqas ilma. Tlift ħafna piż u kont inħossni ħażin ħafna ma’ kull minuta li kienet tgħaddi, bħal qisni kont qed immut bil-mod b’ xi marda. Spiċċajt nibża noħroġ mill-bieb il-barra għax kont naf li jekk nagħmel dan kont nispicca ntella’ mill-inqas darba kull siegħa. Kif tista qatt tippjana għal din l-eventwalita’? Kull riħa li kont inxomm kienet tqabbadni d-dardir u kont nispiċċa ntella. L-akbar dilemma tiegħi kienet tkun, “għandi nnaddaf it-tojlit bil-bliċ qabel ma jkolli ndaħħal rasi fih? Jew jekk nagħmel hekk nispiċċa ntella xorta minħabba r-riħa tal-bliċ qabel ma jirnexxili biss innaddfu?” U emmnuni, li ttella f’ tojlit bil-bliċ mhu idejali xejn.
L-Iperemesi Gravidarum (HG) iġġagħlek ittella b’ mod sever, tant li tista tispiċċa ‘dehydrated’ l-isptar, kif filfatt ġara lili. Li ma jgħidulekx it-tobba (u ma jiċċekkjawkx għaliha) hu li dan kollu jaffettwa wkoll is-saħħa mentali tiegħek. Għalkemm kont dejjem ninkwieta dwar il-ħsara li possibilment seta’ kien qed iseħħ lit-tarbija f’ ġufi minħabba d-‘dehydration’, in-nuqqas ta’ piż tiegħi u t-tqanżiħ naturali ma kull darba li kont intella, kien hemm drabi fejn ħassejtni li ma’ flaħtx nibqa sejra hekk aktar. Kont spiss insibni nhewden dwar jekk il-pazjenti bil-kanċer jgħaddux ukoll mill-istess martirju.
Kont insibni naħseb ta’ spiss dwar is-suwiċidju.
Finalment waslet il-ġurnata li fiha wellidt, u meta għannaqt lit-tarbija perfetta tiegħi fi ħdani għedt lili nnifsi li kont nippreferi nwelled kull ġurnata għal disa’ xhur sħaħ milli nerġa nesperjenza mill-inqas ġuranta oħra tqila. Tant ħassejtni trawmatizzata li għalkemm xtaqt aktar tfal iddeċidejt li ma stajtx nerġa ngħaddi minn dak il-martirju kollu fi tqala oħra. Iċ-ċans li mara tesperjenza l-Iperemesi Gravidarum fi tqala sussegwenti huwa kbir.
Għalkemm bdejt inħossni daqs mitt darba aħjar milli kont, il-biża’ kbira dwar it-tqala kienet għadha fuqi, tant li meta wara ftit tas-snin immissjajt ‘period’ u sirt naf li erġajt kont inqbadt tqila, għamilt ġranet sħaħ nibki.
L-Iperemesi Gravidarum serqitli dak il-mument f’ ħajti li kellu jkun sabiħ, eċitanti u ferrieħi. Esperjenzajt ħtija kbira u ma stajtx nifhem l-emozzjonijiet tiegħi, għax bħal ma xtaqt b’ qalbi kollha t-tarbija li kienet ġejja, daqstant ieħor ma’ ridtx li nkun tqila.
Kienu disa’ xhur oħra ta’ HG iżda din id-darba immaniġġjajt is-sitwazzjoni ftit aħjar, almenu mentalment, forsi għax din id-darba kont ippreparata għar-realta’ kerha tal-kundizzjoni. Nemmen li dawk kollha ta’ madwari, inkluż l-‘obstetric team’, ma setgħux jifhmu biżżejjed il-limitazzjonijiet li l-HG ikkawżatli tul din it-tqala. Ma stajtx nimxi lejn il-kċina għax inkella kont intella, u għalhekk kien hemm ħafna ġranet fejn l-ewwel wild tiegħi kellu jara x’ jista’ jnaqqar mill-friġġ u jitma lilu nnifsu sakemm membru ieħor tal-familja seta’ jiġi lura mix-xogħol u jlesti xi ħaġa ta’ l-ikel. Ix-xogħol kien sar diffiċli wisq, u minħabba li ta’ spiss kont nispiċċa assenti f’ qasir żmien bdejt nitqies li ma’ kontx affidabbli. Bil-mod il-mod kont erġajt spiċċajt dipendenti fuq dawk ta’ madwari. Meta twieldet it-tieni tarbija tiegħi ħassejtni straħt. Fl-aħħar it-tqala kienet għaddiet u stajt inħaddan miegħi it-tieni wild tiegħi!
Il-biża’ mit-tqala flimkien ma’ problemi relatati ma’ nuqqas ta’ fiduċja affettwaw l-intimita’ tiegħi mar-raġel tul dak iż-żmien, tant li eventwalment spiċċajna nfridna. Aktar tard sirt naf dwar l-ormoni msejħa IUD, u issa nista’ ngħid li ili nużahom għal aktar minn ħdax il-sena. M’ għandix pjan għal aktar tfal fil-futur.
It-tfajliet u ż-żagħżagħ nisa ħaqqhom ikunu jafu ir-realta’ kollha dwar il-kontraċettivi, il-fertilita’, it-tqala, il-ħlas, it-trobbija ta’ l-ulied, u l-kumplikazzjonijiet relatati li possibilment jistgħu jaffettwawlhom ġisimhom u l-istat mentali tagħhom. Għandhom id-dritt li jagħżlu huma dak li jridu fuq bażi ta’ nformazzjoni korretta, eżatta u imparzjali. B’ hekk biss jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom mingħajr ebda biża’.
Jekk għandek xi esperjenza vera li tixtieq taqsam mal-qarrejja tagħna kemm jekk f’ ismek kif ukoll b’ mod anonimu, ibgħatilna imejl fuq [email protected]