Meta t-test tat-tqala ġieni pożittiv, ħassejtni vera eċitata! Ħadt tnejn oħra biex inkun ċerta w’ it-tnejn li huma ġew pożittivi. Libbist lit-tifel fi ħwejjeġ tat-trabi li jinsinwaw li huwa il-kbir mill-aħwa, u qajjimt lis-sieħeb tiegħi. Imbagħad għedna lil sħaba u lill-familja li ovjament żiedu n-numru tal-persuni li saru jafu. Konna naħsbu li peress li l-ewwel tqala kienet tkun b’saħħitha, ma kellniex għalfejn ninkwetaw fuq ir-regola tat-12-il ġimgħa.
Ġimgħa wara bdejt nara tikek kannella ċari u ftit ‘discharge’ li damu ftit ġranet u bdew jiżdiedu maż-żmien. Iċċekkjawni u ħaduli anke t-testijiet tad-demm, imma minħabba li kont għadni fir-4-5 ġimgħa tat-tqala xejn ma kien viżibbli, anke f’ ‘ultrasound’ intern. Ċempluli biex immur kemm il-darba għat-testijiet tad-demm u qaluli li l-livell tal-HCG kien qed jinżel u jitla’ u b’hekk din apparentament ma kinitx ħa tkun tqala vijabbli. Huma tawni l-aħbar li kont se nesperjenza korriment jew li t-tqala setgħet kienet tqala ektopika. It-tabib qalli biex jekk inħoss xi uġiegħ addominali jew fl-ispalla kelli nerġa mmur mallewwel minflok nistenna l-appuntament li kelli diġa’ bbukkjat.
Mort id-dar u għamilt ir-riċerka tiegħi fuq tqala ektopika u korrimenti biex inkun naf eżattament x’kelli nistenna li nara. Ovvjament l-informazzjoni li tinsab ‘online’ hija waħda mpressjonanti u tal-biża’, speċjalment meta f’kull artiklu jew sit taqra’ li tqala ektopika tista tkun ta’ periklu għall-ħajja u jista’ jkun hemm bżonn kura medika permezz ta’ injezzjoni jew anke operazzjoni.
Kont diga’ naf li Malta hija gżira meqjusa bħala waħda reliġjuża ħafna u l-abort huwa suġġett ‘taboo’, inkluż abort medikali fejn l-omm tkun fil-periklu li titlef ħajjitha. Ma stajtx insib informazzjoni fuq x’ jiġri f’każ ta’ tqala ektopika f’Malta; sibt biss informazzjoni dwar x’ jiġri f’każ bħal dan f’pajjiżi barranin biss u din il-ħaġa beżżgħetni. Kienu jsalvawli ħajti jekk niġi bżonn? Jew kienu se joqogħdu jittamaw li s-sitwazzjoni teqleb għall-aħjar?
Nirringrazzja l’Alla f’dan il-punt li ma kontx tajt kas ir-regola tat-12-il ġimgħa għax kelli bżonn ħafna sapport. Soffrejt dipressjoni wara t-twelid tal-ewwel tifel tiegħi u fl-aħħar kien irnexxieli negħlibha u ma ridtx nerġa nesperjenza dak id-dwejjaq mill-ġdid.
Għal darb’oħra mort b’uġiegħ addominali l-isptar imma minn naħa tagħhom qalu li ma setgħu jaraw xejn, imma bbukkjawli ‘ultrasound’ biex jaraw jidhirx xi ħaġa minħabba li kien għad m’hemm xejn jidher fl-utru jew fil-‘fallopian tubes’ tiegħi
Għaddejt ftit tal-ġranet nistenna sakemm jiġi l-appuntament li kelli bbukjat, u meta mort għamluli ‘ultrasound’ u sabu massa fil-‘fallopian tube’ tax-xellug tiegħi. Dakinhar daħħluni l-isptar u żammewni hemm taħt osservazzjoni. Għamluli ħafna testijiet tad-demm u kkonfermawli li l-massa kienet tqala ektopika u li ma kinitx se tittranġa lilha nnifisha.
Kont imbeżża’ u waħdi ġo kamra l-isptar, u ma kellix idea x’kien se jiġri.
It-tobba daħlu ħdejja u fehmuni li kelli żewġ għażliet, injezzjoni ta’ methotrexate li hija mediċina li twaqqaf it-tkabbir taċ-ċelloli li jippermettilha li tiġi assorbita fil-ġisem, jew operazzjoni. Għaddejna r-riskji u l-effetti sekondarji tat-tnejn, u għalkemm il-methotrexate għandha sehem ġust ta’ effetti sekondarji bħal rimettar, dijarea, dardir, u li jkollok tevita l-alkoħol, u x-xemx (fis-sajf f’Malta), għażilt l-injezzjoni għaliex it-tabib qalli li minħabba li kelli ċesarja 8 xhur qabel, il-kumplikazzjonijiet ta’ l-operazzjoni setgħu ikunu ħżiena fuqi.
Għal din l-injezzjoni kien hemm bżonn t’ approvazzjoni mill-bord li ħadet madwar ġurnata u nofs minn meta ffirmajt il-formola biex nagħti l-permess għaliha. Madankollu, f’dan il-ħin, it-tobba u l-infermiera kienu jżuruni u jaġġornawni, u kienu jiċċekkjaw ukoll il-qagħda tiegħi. Meta tawhom l-approvazzjoni l-injezzjoni kienet lesta, u sagħtejn wara iċċekkjaw li ma kontx inbati minn allerġiji. Huma bagħtuni d-dar il-Ħamis bl-istruzzjonijiet biex nerġa mmur lura t-Tnejn u il-Ħamis ta’ wara għat-testijiet tad-demm biex ikunu ċerti li l-HCG kien nieżel b’mod korrett biex jikkonfermaw li l-injezzjoni kienet ħadmet.
Ġejt avżata biex jekk nesperjenza xi uġiegħ immur immedjatament l-isptar għax jekk it-tqala ektopika tifqagħli l-‘fallopian tube’ stajt nitlef ħajti.
It-Tnejn erġajt dħalt l-isptar u hemm għamluli aktar testijiet tad-demm, imbagħad mort għax-xogħol normali. Matul il-ġurnata ħassejt naqra uġiegħ addominali, imma kelli l-gass u meta ħadt il-‘paracetamol’ għaddieli. Minħabba f’hekk weħħilt fil-gass u komplejt bil-ġurnata tiegħi. It-Tlieta qomt bl-istess uġiegħ u bħall ġurnata ta’ qabel, ħadt il-‘paracetamol’. It-tobba kienu avżawni li jekk l-uġiegħ jitlaq bil-‘paracetamol’, ma kellix għalfejn ninkwieta.
L-Erbgħa mort ix-xogħol bħas-soltu, imma matul il-ġurnata l-uġiegħ żdied u ma riedx jitlaq bil-‘paracetamol’. X’ħin wasalt id-dar, raqqadt lit-tifel u ċempilt l-emerġenza tal-‘gynae’ għal parir. Lil min kellimt fehemtu dwar l-avvenimenti ta’ l-aħħar ftit ġranet, u qalli biex immur l-isptar. Immaġinajt li kont se nerġa nkun id-dar fi ftit siegħat, wara li jgħiduli li kull ma kelli kien gass. Dan seħħ f’xi t-8 ta’ filgħaxija.
Wasalt l-isptar u għaddejt mill-proċedura normali tal-emerġenza biex stajt nidħol il-‘gynae outpatients’. X’ħin wasalt kont għadni nista’ nimxi, u ma kellix uġiegħ qawwi ħafna. Daħħluni ġol-kamra tal-‘gynae admissions’ u hemmhekk erġajt fehemthom is-sitwazzjoni tiegħi. Iċċekkjawli żaqqi u għajtu lit-tobba li kienu ‘on call’ biex jagħmluli ‘ultrasound’, u minn hawnekk l-affarijiet bdew jiġru f’ leħħa ta’ berqa. Għamluli ‘ultrasound’ intern u x’ħin spiċċaw qaluli li setgħu jaraw bwiet ta’ fluwidu madwar it-tubu fallopjan tiegħi. Qaluli li dawn setgħu kienu demm u li kelli ċans ta’ 75% li kelli bżonn operazzjoni. Dan kien madwar l-10 ta’ filgħaxija.
Imbagħad ħaduni ġo kamra, kont mogħtija gown u qaluli biex inneħħi l-ġojjellerija kollha. Dan il-ħin kollu bdejt nibgħat lis-sieħeb imħawwda u ngħidlu li donnu kont dieħla għal operazzjoni. Daħlu t-tobba u talbuni l-kunsens kif ukoll avżawni bir-riskji. Kont imħawwda u b’hekk saqsejthom jekk dan kollu jfissirx li ħa jkolli operazzjoni minnufih. Marru jiċċekkjaw u x’ħin irritornaw qaluli li kienu se jniżżluni għal operazzjoni meta jkun lest kollox. Jien bgħatt lis-sieħeb u lill-ommi biex ngħidilhom b’dak kollu li kien qed jiġri.
Madwar il-11.30 ta’ filgħaxija, niżżluni għall operazzjoni, li kienet kirurġija laparoskopika bil-possibilita’ li jkollhom jiftħuni u anke jneħħuli t-tubu fallopjan.
Poġġewni taħt anestesija ġenerali u qomt fil-2.30 ta’ filgħodu. Bgħatt messaġġ lis-sieħeb tiegħi, imbagħad daħal it-tabib u qalli li kellhom ineħħuli l-‘fallopian tube’ għax ġara dak li kienu ħasbu; it-tqala ektopika kienet faqagħtli l-‘fallopian tube’ tiegħi.
Wara dan qattajt jumejn oħra l-isptar, u x’ħin raw li kollox kien sew bagħtuni d-dar. Dakinhar kien il-ġimgħa.
Tul iż-żmien li kont l-isptar, it-tobba u l-infermiera dejjem daħlu fil-kamra ħdejja bid-daħka, iċċajtaw miegħi u għamlu fiċ-ċert li kont inħossni tajba u komda. Ma nistax ngħidilhom grazzi biżżejjed.
Kien total ta’ 5.5 ġimgħat minn meta sirt naf li jien tqila sa l-operazzjoni, u f’dan il-perjodu, l-infermiera u t-tobba fl-isptar kienu dejjem jifhmuni, ferrieħa u għamluli dan iż-żmien iebes ħafna ħafna aktar faċli u aktar aċċettabbli.
Nixtieq nagħti ftit pariri lil kull min isir jaf li qed jistenna tarbija:
- Insa r-regola tat-12-il ġimgħa! Tista’ tiġri l-agħar ħaġa u s-sapport ta’ sħabek, il-familja u l-kollegi tiegħek ikun indispensabbli. Mhux lill kollegi kollha kont għidt li tqila u meta beda jkolli bżonn aktar ġranet barra mix-xogħol u mbagħad minimu ta’ ġimgħatejn minħabba l-operazzjoni, kelli noqgħod nispjega kollox f’daqqa. Dan kien ikun eħfef kieku kollha kienu jafu li tqila.
- Jekk hemm xi ħaġa tinkwetak, mur u ċċekkja, jista’ ma jkun xejn u jista’ jkun t’importanza kbira.
- Jekk qalulek li t-tqala tiegħek tista’ tkun ektopika, u tħoss xi uġiegħ, mur l-isptar! Meta għedt li bdejt nibża mmur għal xejn, it-tobba qaluli li jippreferu li “naħlilhom il-ħin” milli jiġri xi ħaġa ħażina.
Bħalissa qed naħsibha nerġax nipprova għat-tfal fil-futur, jew nerġa nkompli bil-ħajja normali u nħossni aħjar emozzjonalment u fiżikament. Jekk issib ruħek f’perjodu antipatku ħafna u ssibha diffiċli biex tkompli b’mod normali, kellem lil ħaddieħor għas-sapport li jkollok bżonn.